Tista' l-Ministru tispjega meta se ssir reviżjoni fuq il-liġi tal-Għaqdiet Volontarji biex nintroduċu l-kunċett ta' Għaqdiet Ekkleżjastiċi li fin-natura tagħhom huma differenti minn Għaqdiet Volontarji oħra? Tista' tispjega jekk hemmx pjanijiet biex id-dokumenti li dawn jagħtu lill-Kummissarju jibdew jiġu uploaded fis-sistema bħal dik tar-reġistru tal-kumpaniji?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-26 ta’ April 2016, tnediet White Paper sabiex temenda l-Att dwar Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap 492 tal-liġijiet ta’ Malta) għall-konsultazzjoni mal-pubbliku. Din il-konsultazzjoni tagħlaq fis-6 ta’ Lulju 2016.
Bħalissa qed isir xogħol sabiex jiġi żvillupat sit elettroniku ġdid tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fejn se jkunu aċċessibli dokumenti li huma pubbliċi skont l-Att dwar Organizzazzjonijiet Voluntarji (Kap 492 tal-liġijiet ta’ Malta).
Tista' l-Ministru tispjega jekk hux minnu li ċertu organizzazzjonijiet volontarji qed jiġu mitluba dokumentazzjoni li prima facie jidhru aktar dettaljati minn dawk li jipprovdu kumpaniji? Jekk iva, tista' tgħid kif se titejjeb is-sistema ħalli dan is-settur ma jitgħabbiex b'burokrazija żejda?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji huma skont kif mitlub fl-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap 492 tal-Liġijiet ta’ Malta) u leġislazzjoni Sussidarjarja 492.01 Regolamenti tal-2012, dwar Prospetti Annwali u Kontijiet Annwali tal-organizzazzjonijiet volontarji. Id-dettalji mitluba fis-sottomissjonijiet tal-Prospetti Annwali u l-Kontijiet Annwali, huma skont id-dħul finanzjarju tal-organizzazzjoni volontarji propju sabiex ma jkunx hemm burokrazija żejda.
Setturi tal-Edukazzjoni terzjarja — persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-progress li sar fis-setturi tal-edukazzjoni terzjarja fejn jidħlu persuni bi bżonnijiet speċjali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) persuni li jinħtieġu xi forma ta’ għajnuna minħabba kundizzjonijiet mediċi, fiziċi u/jew bżonnijiet fit-tagħlim jiġu rreġistrati mal-‘Inclusive Education Unit’.
Fil-Kulleġġ Universitarju li jkopri programmi ta’ studju fil-livelli 5 u 6, din is-sena akkademika 2015-2016, 102 studenti kienu rreġistrati ma’ din it-Taqsima. Fost dawn l-istudenti tmienja huma bi bżonnijiet speċjali.
Fil-Kulleġġ Teknoloġiku li jkopri l-programmi ta’ studju fil-livell 4, din is-sena akkademika 2015-2016, 295 student kienu rreġistrati ma’ din it-Taqsima. Fost dawn l-istudenti 43 huma bi bżonnijiet speċjali.
Fil-Kulleġġ ta’ Fondazzjoni li jkopri l-programmi tal-‘Pathway’ u dawk ta’ livelli 1, 2 u 3, din is-sena akkademika 2015-2016, 422 student kienu rreġistrati ma’ din it-Taqsima. Fost dawn l-istudenti 82 huma bi bżonnijiet speċjali.
L-MCAST, f’ Novembru 2015, nieda l-binja l-ġdida: Dar l-Istudenti fejn it-tieni sular ta’ din il-binja huwa ddedikat għall-programm ta’
Pathway for Independent Living
u huwa mgħammar b’
workshops
ta’
Hospitality, Retail
u
Office,
kif ukoll klassijiet ġodda u laboratorji tal-kompjuters ġodda.
Fis-sena 2015,
Pathway to Independent Living
beda joffri kors ta’
traineeship,
fejn studenti jagħmlu sena programm li jikkombina lezzjonijiet fil-klassi u esperjenza fl-industrija biex b’hekk l-istudenti jkunu aktar preparati għad-dinja tax-xogħol.
Il-Kulleġġ joffri għajnuna permezz ta’ diversi servizzi fil-livelli kollha tal-programmi ta’ tagħlim. Din l-għajnuna tinkludi s-servizzi ta’ LSAs, assistenti personali, trasport, arranġamenti għall-aċċess tal-eżamijiet u sapport ieħor neċessarju. Għajnuna addizzjonali ser tiġi pprovduta permezz ta’ riżorsi teknoloġiċi fosthom
reading pens
u
software
għal qari ta’ materjal elettroniku li nkisbu permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Università ta' Malta. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument numru 7292 li tpoġġiet f'Seduta 399, nhar it-Tnejn 6 ta' Ġunju 2016)
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li fuqhom sar it-tarmak ġdid fil-ħames distrett, u xi pjanijiet hemm għal toroq ġodda u/jew manutenzjoni fis-sentejn li ġejjin? Peress li x-xogħol fuq it-twessiegħ tal-Vjal ix-Xarolla, iż-Żurrieq ġie imsemmi fil-budget speech, jista' jagħti indikazzjoni meta se jibda x-xogħol fuq din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-lista ta’ toroq li fuqhom sar xoghol ta’ tarmak ġdid fil-ħames distrett qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward ix-xogħljiet fuq Vjal ix-Xarolla, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24168.
Jista' l-Ministru jispjega jekk hemmx xi pjanijiet ta' titjib għall-parkeġġ f'Wied iż-Żurrieq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għal xi titjib fil-parkeġġ ta’ Wied iż-Żurrieq. Madankollu Transport Malta se tikkuntatja lill-istess kunsill sabiex tiddiskuti tali proposta.
Jista' l-Ministru x'titjib qed isir biex titnaddaf Birżebbuġa minħabba l-industrijalizzazzjoni tal-viċin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li r-responsabbilta tat-tindif ġewwa l-lokalita’ ta’ Birżebbuġa hija f'idejn il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Min-naħa tad-Direttorat għat-Tindif, isir tindif fit-toroq arterjali li jwasslu għal Birżebbuġa, jiġifieri Triq Ħal-Far kif ukoll Triq Għar Dalam.
Iktar minn hekk, peress l-influss ta’ turisti u Maltin li jżuru fil-lokalita’, id-Direttorat għat-Tindif jagħmel tindif regolari mit-Tnejn sal-Ħadd tul il-promenade kollu mill-Al Fresco sa Wied il-Buni, s-sena kollha. Dan jikkonsisti fi ġbir ta’ skart, knis ta’ toroq u ħasil tal-promenade.
Ftit taż-żmien ilu ġiet maħruġa multa ta' €950,000 lil CMA CGM fil-Freeport, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn tħallsux, u kemm se jiġu allokati minnhom għat-tisbiħ ta' Birżebbuġa?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fl-International Tax Unit u kif jista' jitħaffef il-proċess ta' refunds?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpelllant illi fil-Unit imsemmi hemm 21 persuna.
Il-Unit qed jaħdem fuq proġett biex il-proċessi kollha rilevanti jkunu kompjuterizzati bl-għan ewlieni li l-proċess kollu jsir aktar mgħaġġel u b’mod effiċjenti u effettiv. Il-proġett wasal fil-fażi fejn ġew dokumentati l-proċessi kollha u qed jsiru arranġamenti biex tkun ppreżentata internament qabel ma tiġi żviluppata minn kuntrattur li għad jrid jintgħażel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pjanijiet ta' titjieb kontinwu tal-prodott turistriku hemmx aktar pjanijiet ta' tisbieħ fil-lokalitajiet ta' madwar it-tempji u jekk hemmx il-ħsieb li jiġu miftuħa aktar siti storiċi ħalli ż-żona tiġi dejjem attraenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant illi, billi siti storici ma jaqgħux direttament taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għat-Turiżmu, qed nidderieġi lill-Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Wied iż-Żurrieq u t-Tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra — turisti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx statistika li tindika kemm:
a. marru turistri fl-aħħar tliet snin Wied iż-Żurrieq; u
b. kemm żaru t-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, statistika uffiċjali dwar in-numru ta’ turisti li żaru Wied iż-Żurrieq m'hijiex disponibli. Stħarriġ li tagħmel l-MTA jindika dan li ġej:
Stima tan-numru ta’ turisti li żaru Wied iż-Żurrieq
2015: 435,316 (24.3%)
2014: 403,864 (23.9%)
2013: 390,792 (24.7%)
Figuri dwar numru ta’ viżitaturi fit-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra jistgħu jingħataw minn Heritage Malta.
Studenti tal-ITS — informazzjoni dwar kulturi differenti
Question
Jista' l-Ministru jindika jekk fil-Kurrikulum tal-istudenti tal-ITS hemmx ħsieb li wieħed jinkludi informazzjoni dwar kulturi differenti u kif wieħed jaqdi in-neċessitajiet differenti fosthom servizzi lit-turisti Ħalal?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Kurrikulum tal-istudenti tal-ITS diġà jinkludi fih suġġetti fuq prattiċi ta’ kulturi u reliġijonijiet differenti. Dawn huma parti mill-module tal-gastronomija.
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx ħsieb ta' inċentivi għal nies li jiftħu djarhom biex jakkomodaw turisti li ma jaffordjawx joqogħdu fil-lukandi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-qafas legali preżenti jinkludi liċenzji stabbiliti għal- persuni li jixtiequ akkomodazzjoni alternativa għal lukandi. Dan jinkludi postijiet għall-btala (Holiday Furnished Premises) kif ukoll familji ospitanti (Host Families). Dawn ta’ l-aħħar jistgħu jospitaw sa erbgha (4) turisti ġo abitazzjoni illi jgħix fiha id-detentur tal-liċenzja.
Billi hawn ukoll domanda rikonoxxuta għall-tip ta’ operazzjoni turistika magħrufa bħala “Bed and Breakfast”, il-Ministeru flimkien mal-Awtorita għat-Turiżmu qegħdin fil-proċess li jżidu kategorija oħra ta’ akkomodazzjoni li se tkun magħrufa bħala “ Bed and Breakast”. Min ikwalifika għal din it-tip ta’ liċenjza ser ikun jista jospita sa sittax il-turist f’ zona identifikata għall-konservazzjoni urbana (UCA) u sitt turisti f’żona mhux UCA. Il-Liċenzja ta’ familji ospitanti ser tibqa’ imma ser tkun iktar speċifika għal studenti li jistudjaw linġwa barranija ġewwa Malta.
Dan ma jeskludix akkommodazzjoni oħra bħal Guest Houses, Hostels u kategorija ġdida ta’ Boutique Hotels.
Dawn it-tibdiliet qed isiru bħala parti mir-reviżjoni estensiva illi qed issir tal-leġiżlazzjoni preżenti.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fost l-inizjattivi pożittivi li qed isiru biex tiġi indirizzata l-problema tal-postijiet għall-anzjani, hemmx pjanijiet biex il-privat jiġi inċentivat jiftaħ Djar għall-Anzjani fin-nofsinhar ta' Malta ħalli aktar nies ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-ambjent li jgħixu fih?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ippubblika l-Istandards Minimi għad-Djar tal-Anzjani biex is-settur privat ikun jaf il-Gvern x’qiegħed jistenna mingħandu bħala livell ta’ servizz.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16468, f'każ li ċerti permessi li kellhom għand il-pulizija ma għaddewx għand l-Awtorità għat-Turiżmu ta' Malta, jista' l-Ministru jpoġġi l-permessi relatati mal-bar lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq il-Mejda tal-Kamra u ċjoè:
(a) kopja tal-firem oriġinali (Neighbours' Consent);
(b) kopja tal-applikazzjoni oriġinali tal-PAPB jew MEPA;
(c) il-permess taċ-Change of Use maħruġ mill-MEPA jew PABS;
(d) kopja tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija; u
(e) kopja tal-liċenzja oriġinali tal-Kummissarju tal-Pulizija (Trade Licence)?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li diġa ġie spjegat f’mistoqsijiiet Parlamentari preċedenti, li il-faxxiklu oriġinali relatat mal-bar li ddetalji dwaru ingħataw separatament, ma kienx instab anke diversi snin ilu. Għaldaqstant id-dokumenti, kif mitluba fil-mistoqsija Parlamentari ma jistgħux jitqegħdu fuq il-mejda. Il-liċenzja tal-istess lokal biex ibiegh inbid u xorb alkoliku bil grokk, jidher li diġa kienet teżisti fis-sena 1981 u sallum, huwa liċenzjat skond il-liġijiet viġenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17163 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jorħsu l-liċenzji ta' vetturi privati importati mir-Renju Unit b'sistema ta' dual fuel (petrol u gass) minħabba li dawn inġustament iħallsu liċenzji għolja ħafna ibbazata fuq l-emissions li jħalli l-petrol meta dawn is-sidien ovvjament iħaddmu l-vettura fuq LPG minħabba li huwa ekonomiku ħafna iktar mill-petrol u dan filwaqt li vettura tal-istess mudel, l-istess sena ta' manifattura u taħdem bil-petrol imma ta' tip commercial tħallas biss liċenzja ta' €350 u sidien tal-istess vettura privata li hija dual fuel tħallas €1057, liema ammont jirrifletti ftit inqas mil-valur fis-suq tal-istess vettura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta persuna tbiddel il-vettura tagħha minn petrol għal petrol u gas, Transport Malta tnaqqas l-ammont ta’ CO₂ b’10% kif stipulat fl-Att 368, Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Licenzjar tal-Vetturi bil-Mutur, u għaldaqstant l-ammont tal-liċenzja jiġi mnaqqas ukoll.
Barra minn hekk, b’referenza għall-ħlas tal-liċenzja ta €1,057, din il-liċenzja tirrifletti vetturi b’magna petrol u b’ CO₂ ta’ bejn 221 u 250 g/km u li jkollha aktar minn erbatax-il sena.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16468 fejn tlabt (sezzjoni C) sabiex jitpoġġew kopji tal-liċenzji kollha maħruġa mill-Awtorità ta' malta għat-Turiżmu mill-2002 sa 2015 (14 b'kollox) sabiex dan il-bar setgħa jopera irrelevanti mill-ismijiet li kellu qabel u li għandu llum, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn il-liċenzji biex jopera peress li ma tpoġġewx u minflokk kulma tpoġġa huma d-dettalji tal-istess imsemmi ħanut?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liċenzja tal-bar illi qed jirreferi għalih fil-mistoqsija parlamentari għandu liċenzja waħda illi tiġi mġedda sena wara sena, b’kuntratt identiku kull sena. Kopja tal-liċenzja kurrenti ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jorħsu l-liċenzji ta' vetturi privati importati mir-Renju Unit b'sistema ta' dual fuel (petrol u gass) minħabba li dawn inġustament iħallsu liċenzji għolja ħafna ibbazata fuq l-emissions li jħalli l-petrol meta dawn is-sidien ovvjament iħaddmu l-vettura fuq LPG minħabba li huwa ekonomiku ħafna iktar mill-petrol u dan filwaqt li vettura tal-istess mudel, l-istess sena ta' manifattura u taħdem bil-petrol imma ta' tip commercial tħallas biss liċenzja ta' €350 u sidien tal-istess vettura privata li hija dual fuel tħallas €1057, liema ammont jirrifletti ftit inqas mil-valur fis-suq tal-istess vettura??
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16468, f'każ li ċerti permessi li kellhom għand il-pulizija ma għaddewx għand l-Awtorità għat-Turiżmu ta' Malta, jista' l-Ministru jpoġġi l-permessi relatati mal-bar lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fuq il-Mejda tal-Kamra u ċjoè:
(a) kopja tal-firem oriġinali (Neighbours' Consent);
(b) kopja tal-applikazzjoni oriġinali tal-PAPB jew MEPA;
(c) il-permess taċ-Change of Use maħruġ mill-MEPA jew PABS;
(d) kopja tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija; u
(e) kopja tal-liċenzja oriġinali tal-Kummissarju tal-Pulizija (Trade Licence)?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji tal-permessi oriġinali relatati mal-barfiż-Żurrieq, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u li bil-liġi għandu jkollu sabiex tingħata l-istess liċenzja u ċjoe:
(a) permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u PAPB u l-kopja tal-applikazzjoni;
(b) kopja tal-liċenzja oriġinali tal-Kummissarju tal-Pulizja (Trade Licence);
(c) kopji tal-liċenzji maħruġa mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu mill-2002 sal-2015;
(d) kopji tal-firem tal-ġirien (Neighbour's Consent); u
(e) applikazzjoni (kopja) għal bar għand il-Kumissarju tal-Pulizija?
(Dawn qed jintalbu lill-Ministeru għat-Turiżmu peress li infurmat li dak kollu li għandu x'jaqsam ma' bars u li kienu għand il-Pulizija, għaddew kollox għand l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu fl-2002).
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor/ Interpellant illi l-bar fiż-Żurrieq illi d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma’ din il-Mistoqsija, m’għadux jopera taħt l-istess isem.
Dan l-operat ġie lliċenzjat oriġinarjament mill-Pulizija u min-numru ta’ riferenza jidher illi dan kien fl-1993. Hekk kif indikat mill-Interpellant, fl-2002, b’deċiżjoni meħuda mill-Awtoritajiet, il-liċenzji t’operati simili ġew trasferiti b’mod elettroniku lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Il-permess oriġinali maħrug mill-Pulizija flimkien ma’ dokumentazzjoni oħra marbuta miegħu jew kopja tagħhom ma ġewx mgħoddija lill-Awtorita’. Id-dokumenti mitluba f’a, b, d, u e fil-Mistoqsija, m’humiex disponibbli għand l-Awtorita’.
Madanakollu, kopja tal-liċenzja rispettiva illi fiha jinkludi t-tibdiliet li seħħew minn meta l-liċenzja għaddiet għand l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.