Jista’ l-Ministru jgħid jekk biex tiġi mtejba ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku kif ukoll il-parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq u fl-inħawi filwaqt li jagħmel attrazzjoni oħra, hux qed jiġi inċentivat b’xi mod li ssir cable car li tagħqad Wied iż-Żurrieq man-naħa magħrufa tal-Ġibjun?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, m’hemm l-ebda pjanijiet f’dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jispjega l-policy tal-Inland Revenue rigward penali jew taxxi dovuti li jkunu preskritti? Jista’ jgħid jekk hux minnu li qed isir sforz biex dawn jerġgħu jinfetħu billi d-Dipartiment ma kkunsidrax maħfriet oħrajn jekk ma jerġax jinfetħu każijiet simili?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi penali jew taxxi li jkunu preskritti ma jfissirx li mhumiex dovuti. Ħafna ammonti meqjusin bħala preskritti mit-taxpayers fil-fatt mhumiex effettivament preskritti peress li l-preskrizzjoni ġiet estiża minħabba azzjoni meħuda mid-Dipartiment fi żmien opportun biex dawn jitħallsu.
Meta d-Dipartiment, wara talbiet mit-
taxpayers
, jikkunsidra maħfriet ta’ multi u interessi dovuti, id-Dipartiment fid-diskrezzjoni tiegħu jipproponi kundizzjonijiet li jidhirlu xierqa. It-
taxpayer
dejjem għandu l-għażla jekk jidħolx fil-ftehim propost jew le.
Kumpaniji – penalijiet u mgħax – refunds tal-International Tax Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jinħaffru l-penalijiet u mgħax li qed jeħlu l-kumpaniji kawża tad-dewmien ta’ refunds tal-International Tax Unit li waslet għall-problemi ta’ cash flow kbar għal dawn il-kumpaniji?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-taxxa li għandha tiġi mħallsa mill-kumpanniji għandha titħallas fiż-żmien stipulat fl-Att Dwar L-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Il-fatt li azzjonisti ta’ dawn il-kumpanniji jagħmlu talba għal refund ta’ taxxa li tkun mħallsa tard mill-istess kumpanniji m’għandu jkollu l-ebda effett fuq il-penali u l-imgħax li jistgħu jeħlu dawn il-kumpanniji għar-raġuni li ħallsu t-taxxa tard.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx ħsieb li tinbidel it-Tax Refund System fil-futur qarib? Jekk le, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tinbidel il-Provisional Tax System biex tiffaċilità aktar it-tax refund system fis-sens li din tirrifletti l-vantaġġi tat-tax refund system u tiffaċilità aħjar il-cash flow tal-kumpaniji?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex is-settur tas-superyachts f’Malta jiġi inċentivat dejjem aktar biex jikber, partikolarment fil-qasam tar-refit u/jew il-kostruzzjoni?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju qiegħed l-iżvilupp tal-hangar il-ġdid ta’ Aviation Cosmetics u jekk hux previst xi inkonvenjent fl-inħawi u l-madwar tal-hangar?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-izvilupp tal-hangar il-ġdid ta’ Aviation Cosmetics qed isehh fuq art tal-Malta Industrial Parks u ghalhekk mhux taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għat-Turiżmu, qed nidderieġi lill-Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi studju u/jew analiżi biex jiġu identifikati niċeċ ta’ turiżmu oħra li nistgħu nattiraw lejn pajjiżna partikolarment wara l-2018?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorati tal-Marketing u r-Ricerka fi hdan l-Awtorita’ Maltija tat-Turizmu, flimkien ma’ l-ufficini u agenziji barra l-pajjiz, kontinwament jevalvaw u jirricerkaw trends u zviluppi godda fl-industrija turistika internazzjonali. Fost in-nicec li mill-istudji taghna qeghdin naraw potenzjal gdid fihom kemm fil-prezent kif ukoll fil-futur lil hinn mill-2018 insibu City Breaks, LGBT, Luxury Holidays, Cultural & Events Tourism kif ukoll Active Tourism. Wiehed jista’ jghid li dawn huma nicec li ilhom maghna, pero l-fatturi godda li bidlu l-ambjent ta’ dawn in-nicec huwa l-fatt li t-turist tal-lum qieghed jaghmel l-arrangamenti tal-btala dirett u mhux ma’ operatur turistiku, kif ukoll qieghed dejjem izjed ifittex esperjenza awtentika u jaghzel li joqghod fil-qalba ta’ l-attivita fejn jista’ jesperjenza mill-qrib il-hajja ta’ poplu, il-kultura, in-nies, l-gastronomija, u l-polz ta’ pajjiz.
L-Awtorita Maltija tat-Turizmu qeghda taghraf il-potenzjal gdid f’dawn l-oqsma u ghaldaqstant diga’ bdiet tibni l-
marketing
taghha madwar il-promozzjoni ta’ l-izviluppi godda ta’ akkomodazzjoni
boutique
, fil-Belt Valletta, fil-Kottonera u anke f’villaggi u bliet ohra madwar Malta u Ghawdex, il-kalendarju ta’ avvenimenti u l-esperjenza unikament Maltija.
Sabiex qieghed jitwassal dan il-messagg, fi triqitna lejn l-avveniment tant importanti ta’ Valletta 2018, l-MTA qeghda tippromwovi l-kalendarju u prodott li qed jigi ppreparat ghal dan l-appuntament tant importanti pero’ mhix tieqaf hemm ghax l-esperjenza u prodott li qieghed jinholoq se jibqa jintuza wara 2018 u se jkun importanti ferm sabiex inkabbru l-attivita turistika f’livell gholi li kif semmejt qabel qeghda tfittex izjed u izjed l-esperjenza awtentika ta’ pajjiz.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex tiġi mnaqqsa l-burokrazija fejn jidħlu ħaddiema mhux Maltin biex jiġu reġistrati fis-sistema tal-IRD peress li bħalissa jimlew expatriates form, FS4, wara li jiġu reġistrati mal-ETC, ID Office u kif ukoll is-Social Security Contributions? Peress li jidher li l-IRD qed ikun tassattiv ħafna imma fl-istess ħin idumu ma jwieġbu u dan qed iwassal għal ċirkostanzi fejn l-IRD jirrifjuta l-FS3s tal-impjegati ta’ kumpanija sħiħa minħabba xi impjegat temporanju u l-kumplikazzjoni tikber meta l-impjegat konċernat ma jkunx għadu Malta, jista’ jgħid jekk hux se ssir distinzjoni bejn impjegati minn pajjiżi ewropej u dawk li huma third country nationals?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jispjega kif se tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni ta’ informazzjoni rikjesta mill-IRD bejn ewropej differenti ossia bejn Maltin u Ewropej oħra fejn jidħlu kopji miżżewġin? L-IRD qed titlob evidenza li l-partner ikun jgħix Malta biex japplikaw il-married rates?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għall-finijiet tal-liġijiet tat-taxxa biex persuna tibbenefika mill-married rates apparti li trid tkun miżżewġa jew f’unjoni ċivili ż-żewġ persuni jridu jkunu t-tnejn qed jgħixu flimkien Malta. Għal din ir-raġuni d-Dipartiment jitlob evidenza li ż-żewġ persuni qed jgħixu flimkien Malta.
Mill-2014 ġiet introdotta emenda fil-liġi li permezz tagħha persuna (ċittadin ta’ stat membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea) tista’ tibbenefika mill-
married rates
anke jekk il-konjuġi ma jkunx qed jgħix hawn Malta jekk għall-inqas 90% tad-dħul globali tal-koppja joriġina minn Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir moniteraġġ tal-livell ta’ inkwinament fil-baħar f’żoni fejn hemm il-fish farms? Jista’ jgħid meta sar l-aħħar moniteraġġ f’kull żona u x’kienu r-riżultati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fish farms huma obbligati li jipprovdu regolarment analiżi li ssir minn entitajiet indipendenti dwar l-inkwinament lill-Awtorità tal-Ippjanar. Ninsab informat li d-Direttorat tal-Akkwakultura jagħmel moniteraġġ ta’ operatur wieħed u fuq is-South East Aquaculture Zone. L-aħħar riżultati tal-moniteraġġi li saru juru illi ma kienx hemm qbiż fil-livell tat-tniġġis imkejjel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed jiġu diskussi pjanijiet biex ikun hemm titjieb fiċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-ħinijiet magħrufa bħala peak fi¿-¿oni tal-ajruport, ta’ Ħal Tarxien u l-madwar u madwar il-Mina ta’ Hompesch?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-ġimgħat li għaddew ġew implimentati x-xogħlijiet kif ġej:
1. Ġiet disinjata mill-ġdid Triq Hompesch minn k/m Triq il-Foss sa k/m Triq Villabate, Ħaż-Żabbar. Ġie mplimentat tqassim ġdid tat-triq fejn żdiedet
flare
twila fid-direzzjoni tal-Mina ta’ Hompesch u
flare
twila oħra fid-direzzjoni tal-inkroċju kkontrollat bis-sinjaletika elettronika k/m Triq Villabate. B’dawn it-tibdiliet, żdiedet il-kapaċita’ ta’ dawn iż-żewġ inkroċji. Ukoll ġew projbiti xi manuvri tas-sewqan li kien qed jikkawżaw numru sostanzjali ta’ inċidenti biex b’hekk tjiebet is-sigurta’ f’dan it-triq.
2. Ġiet disinjata u mplimentata
flare
twila fit-triq li ġejja mill-Mini ta’ Ħal- Kirkop fid-direzzjoni lejn Vjal l-Avjazzjoni biex b’hekk tjiebet l-effiċċjenza tat-traffiku f’dan l-inkroċju.
Transport Malta tagħmel ukoll moniteraġġ kontinwu biex tiżgura li l-arranġamenti li jsiru jkomplu jgħinu sabiex kemm jista’ jkun titjieb l-effiċjenza tas-sistema u ċirkolazzjoni tat-traffiku fil-ħinijiet peak tal-ġurnata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-NCFHE hux qed issib diffikultà li takkredita korsijiet li:
a. parzjalment jew kompletament huma
distance learning
;
b. jsiru
online
; u
c. jinkludu suġġetti li lokalment ftit hawn esperti fuqhom?
Jekk iva, x’qed tippjana l-NCFHE biex issolvi din iċ-ċirkustanza?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-NCFHE regolarment takkredita blended learning courses jew korsijiet li għandhom element ta’ distance learning.
L-NCFHE tirrikonoxxi li għandha esperjenza limitata fejn tidħol l-akkreditazzoni ta’ korsijiet
online
jew
distance learning courses
. Bħalissa qed twettaq proġett pilota biex toħloq standards u linji gwida sabiex tkun tista’ taċċetta iktar applikazzjonijiet għall-akkreditazzjoni ta’ dawn il-korsijiet.
F’numru ta’ okkażjonijiet l-NCFHE esperjenzat diffikultajiet sabiex issib esperti lokali li jkunu jistgħu jevalwaw korsijiet speċifiċi. Din id-diffikultà ġiet esperjenzata f’każijiet ta’ korsijiet speċjalizzati ħafna, uniċi jew ġodda. Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida l-NCFHE tikkuntattja b’mod regolari esperti barranin f’oqsma partikolari, sabiex jgħinuha fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-korsijiet. Barra minn hekk, matul din is-sena, l-NCFHE ħarġet ukoll sejħa pubblika għall-
evaluators
bl-għan li jinħoloq grupp iktar wiesa ta’
evaluators
li jkunu jistgħu jassistu fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-korsijiet. L-NCFHE bdiet toffri wkoll serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ lil dawn l-
evaluators
sabiex twassal messaġġ aktar ċar dwar x’inhu mistenni minnhom u jiġi assigurat li dawn jinżammu aġġornati mal-istandards u l-linji gwida li jirregolaw l-akkreditazzjoni kif spjegat fir-
R
eferencing Report 2016
.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li bihom qed jimxi l-Accountancy Board biex jakkredita jew jaċċetta korsijiet tat-taxxa u tal-liġi Maltija li ġeneralment ikollhom bżonnhom accountants li għandhom kwalifiki barranin? Jista’ jgħid kemm-il temporary warrant ta’ accountants ħareġ mill-aħħar ħames snin? Għal kemm żmien ħarġu? X’nazzjonalitajiet kienu involuti?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kriterja użata mill-Accountancy Board hija dik ta’ ekwivalenza mal-qwalifiċi kif stipulati fl-artikolu 3(2)(c) u (d) tal-Att dwar il-Professjoni tal-Accountancy KAP 281, u li f’dawn l-aħħar ħames snin ma kien hemm l-ebda applikazzjoni għal- temporary warrant ta’ accountants.
Minkejja t-tibdil tal-approach li ħa dan il-Gvern biex prova jġib id-deċiżjonijiet ta' każijiet tal-VAT aktar umani jidher li l-approach tad-dipartment ma nbidilx, jista' l-Ministru jispjega xi pjanijiet hemm biex nies li ma jkunux direttament responsabbli ma jibqgħux jiġu akkużati fuq VAT returns, minħabba li wieħed xi darba kellu x'jaqsam ma organizzazzjoni partikolari li naqset li tissottometti l-VAT? Jista' jispjega għaliex qed jiġu akkużati nies li kienu diretturi jew uffiċjali tal-kumpanija li iżda ġew imċaħħda jew ġie blukkat l-aċċess lilhom għad-dokumenti tal-kumpanija mix-shareholders u kellhom jirriżenjaw? Għaliex ma għandniex sistema ġusta li f'dawn il-każijiet jiġu akkużati x-shareholders?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sabiex nies li kienu responsabbli għal skopijiet tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ma’ jibqgħux jiġu akkużati għax ma’ jkunux baqgħu direttament responsabbli, iridu jinformaw lid-Dipartiment b’kull tibdil fl-amministrazzjoni tas-soċjeta` jew azjenda li kienu rrendew ruħhom responsabbli għaliha, sabiex b’hekk jevitaw li jitressqu l-qorti inutilment.
Sakemm dan ma jsirx, id-Dipartiment ma’ jkollux alternattiva ħlief li jressaq persuna jew persuni li skond id-dokumentazzjoni li jippossjedi jkunu rrendew ruħhom responsabbli.
Id-Dipartiment tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud huwa obbligat jibqa’ jressaq nies li rrendew ruħhom responsabbli sa’ dik il-ġurnata li jiġi nformat b’mod uffiċċjali li dik il-persuna rriżenjat minn kwalunkwe kariga li kienet tokkupa.
Id- Dipartiment tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud m’għandux għodda sabiex ikun jaf is-sitwazzjoni ta’ kull soċjeta` jew azjenda sakemm ma’ jkunx ġie notifikat mill-istess.
“
Shareholders
” huma persuni li investew flushom f’xi azjenda partikolari, iżda ma’ humiex legalment responsabbli għat-tmexxija u/jew amministrazzjoni, għaldaqstant ma’ tistax tittiehed azzjoni kriminali fil-konfront tagħhom.”
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi r-rapporti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u l-permessi kollha li għandhom sabiex ikunu jistgħu joperaw skont il-liġi li huma l-permess tal-PAPB, permess u applikazzjoni għall-change of use, permess oriġinali tal-Kummissarju tal-Pulizija eċċ.?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li gejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar illi l-użu kummerċjali huwa kopert b’Liċenzja tal-Pulizija u Trading Licence li nħarġu qabel l-1992 u għalhekk ma kienx hemmx bżonn ta' permessi ulterjuri mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Bord tal-Appell tat-Turiżmu, u kemm ilhom quddiem dan il-Bord? Veru hemm każijiet pendenti aktar minn sena u operaturi li mhux jimxu skont id-direzzjoni tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu għadhom mexjin ħażin għax għadu ma nstemax il-każ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, bħal ma diġa’ rrispondejt għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 25946 datata 13 ta’ Ġunju 2016, hemm erba’ każijiet pendenti quddiem il-Bord tal-Appelli dwar it-Turiżmu. Tnejn mill-ka¿ijiet ilhom pendenti minn Awwissu 2015, wieħed minn Novembru 2015 u wieħed mill-31 ta' Mejju 2016.
Għaldaqstant, dan huwa kuntrarju għal dak li qed jallega l-Interpellant fejn l-unika każ li għadu ma nstemax huwa biss l-iktar wieħed riċenti.
Heritage Malta — pjanijiet ta' investiment fiż-Żurrieq, il-Qrendi u l-inħawi tal-madwar
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta' investiment għandha Heritage Malta fid-diversi affarijiet storiċi li jinsabu fin-naħat taż-Żurrieq, il-Qrendi u l-inħawi tal-madwar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta hija responsabbli biss ta’ dawk il-muzżewijiet u s-siti li jafdalha l-Gvern sabiex tamministra. Fil-lokalitajiet imsemmija Heritage Malta tmexxi t-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra li għadhom kif ibbenefikaw minn investiment ta’ madwar €5 miljuni ko-finanzjati mill-UE ftit tas-snin ilu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25795, jista' l-Ministru jgħid meta kien stabbilit għall-ewwel darba d-disaster recovery plan tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji peress li jidher li sal-2006 skont dikjarazzjoni fil-pubbliku dan kien għadu ma sarx? Meta ġie approvat mill-Bord tal-Gvernaturi u/jew il-Bord tas-Sorveljanza? Meta ġie rivedut l-aħħar u kemm-il darba ġie ttestjat u f'liema dati? L-impjegati tal-MFSA u l-persuni kkonċernati huma kollha mgħarrfa f'dan il-pjan u d-dettalji tiegħu? Kien hemm ċirkustanzi fejn il-pjan intuża? Meta kienu? X'kien ir-riżultat? Dan il-pjan hu konformi ma' ISO 22301 Business Continuity Management u ISO/IEC 27031:2011 Guidelines for Information and Communications Techonology Readiness for Business Continuity?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qed issir rigward ir-reviżjoni tal-liġi biex jiġi determinat min huma l-ġenituri tat-tarbija meta legalment koppja ma tkunx ilha separata aktar minn 300 ġurnata peress li jidher li l-Qorti u lanqas r-reġistru pubbliku ma jikkunsidraw id-DNA u joqogħdu biss fuq dikjarazzjonijiet ġuramentati u dan iwassal biex fuq iċ-ċertifikat ta' trabi jitniżlu kummenti mhux xierqa? Jista' l-Ministru jgħid x'sar f'dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant biex ir-raġel jiċħad il-paternita’ ta’ tarbija mwellda minn martu mhux meħtieġ illi l-koppja tkun legalment separata matul iż-żmien bejn it-tlett mitt (300) jum u l-mija u tmenin (180) jum qabel it-twelid tat-tarbija iżda huwa biżżejjed jekk matul dak iż-żmein il-koppja tkun separata fil-fatt (Kodiċi Ċivili Art 70 (1) (b)).
Iċ-ċaħda tal-paternita’ trid issir b’sentenza tal-Qorti iżda l-liġi tipprovdi illi d-dikjarazzjoni magħmula mill-omm illi żewġha mhux missier it-tarbija għandha tittieħed in konsiderazzjoni mill-Qorti f’kawża biex ir-raġel tal-omm jiġi eskluż mill-paternita’ tal-wild.
Il-liġi tirrikonoxxi espressament it-test ta’ paternita’ ġenetiku (inkluż it-test tad-DNA) fl-Artikolu 70A tal-Kodiċi Ċivili u f’ċerti ċirkostanzi mfissra f’dak l-Artikolu l-Qorti tista’ tordna li persuna tassoġġetta ruħha għal dak it-test ukoll jekk il-persuna konċernata ma tkunx tat il-kunsens tagħha.
Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikolari fejn qed iqumu d-diffikultajiet msemmija fl-interpellanza nitolbu jinfurmani bih privatament.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-iskrivana li jaċċettaw l-applikazzjonijiet tal-working permits għandhomx awtorità li jirrifjutaw dawn l-applikazzjonijiet? Jekk le, jista' jispjega għaliex dan qed jiġri u jagħti l-kwalifiki li għandhom dawn biex jiddeterminaw min hu eleġibbli? L-applikanti għandhom dritt ta' appell fuq deċiżjoni ta' din l-iskrivana? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċess?
Response (BONNICI, OWEN)
Qiegħed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-proċess tas-Single-Work Permits, jiġifieri l-proċess ta’ applikazzjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal permess ta’ residenza bbażat fuq impjieg ġewwa pajjiżna. Dan il-proċess huwa rregolat mill-provedimenti tal-Att tal-Immigrazzjoni (Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Avviż Legali 160 tal-2014.
Identity Malta tirċievi l-applikazzjonijiet għal dawn il-permessi li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Pulizija, mil-lat ta’ sigurtà nazzjonali, u Jobsplus, li jagħmlu l-assessjar meħtieġ fejn jidħol is-suq tax-xogħol. L-Aġenzija hija eventwalment l-awtorità kompetenti sabiex tapprova jew tirrifjuta dawn il-permessi, skont il-gwida taż-żewġ entitajiet l-oħra.
Kull meta applikazzjoni tiġi rrifjutata, l-applikanti tinħarġilhom ittra li fiha tiġi speċifikata r-raġuni għal dan. L-istess ittra tagħmel referenza għad-dritt tal-applikanti li jissottomettu appell mal-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni. Il-proċess tal-appell huwa speċifikat f’Artiklu 20 tal-istess Avviż Legali msemmi aktar ‘il fuq