Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex l-istat ta’ toroq mhux arterjali fl-inħawi taż-Żurrieq jittejjeb, partikolarment dawk it-toroq li jgħinu biex jitnaqqas it-traffiku mit-toroq arterjali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill- Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex fil-każijiet ta’ VAT tiddaħħal sistema ta’ arbitraġġ, tittieħed azzjoni ċivili u titneħħa l-azzjoni kriminali?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jeżistu disposizzjonijiet adegwati u hemm mekkaniżmi xierqa fl-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud dwar kif persuna li tħossha aggravata bi stimi li jiġu notifikati lilha tista’ tappella kontra dawn l-istimi. Dawn jinkludu t-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva; il-Qorti tal-Appell; u l-Qorti Kostituzzjonali. Hemm ukoll il-possibilità li każ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Dwar il-proposta li titneħħa azzjoni kriminali u minflok tittieħed azzjoni ċivili, sar pass ’il quddiem f’din id-direzzjoni meta ddaħħlu provvedimenti li permezz tagħhom f’ċerti każijiet somom dovuti lill-Gvern bdew jitqiesu bħala dejn ċivili.
DIER – rapporti ta’ kwistjonijiet fuq pagi minn impjegati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat tibdil fil-mod kif id-Dipartiment tal-Impiegi u Relazzjonijiet Industrijali (DIER) jieħu azzjoni meta jkollu rapporti ta’ kwistjonijiet fuq pagi minn impjegati? Qiegħda tiġi kkunsidrata sistema fejn tinstab soluzzjoni barra l-Qorti?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li preżentement, meta d-Dipartiment ikun qiegħed jinvestiga rapporti ta’ pagi ta’ impjegati mhux imħallsa, u mill-investigazzjoni li jagħmel jirriżulta li ammont ta’ pagi ma jkunux tħallsu, id-Dipartiment jagħmel tentattiv biex il-kwistjoni tiġi solvuta u l-pagi dovuti jitħallsu mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-każ jittieħed il-Qorti. Jekk, minkejja dawn it-tentattivi, il-pagi dovuti jibqgħu ma jitħallsux, allura mbagħad id-Dipartiment jibda proċeduri bil-Qorti.
Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji – reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet volontarji
Question
Tista’ l-Ministru tispjega x’azzjoni qed jieħu l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji biex jindirizza ċ-ċirkustanzi partikulari li qed jiffaċċjaw diversi reliġjonijiet li qed jinbtu u li jixtiequ jirreġistraw bħala organizzazzjoni volontarja? Filwaqt li l-Knisja Kattolika qed tingħata eżenzjoni Ministerjali, dawn il-knejjes l-oħra qed isibuha diffiċli jirreġistraw taħt din il-liġi u jidher li anke taħt dik il-proposta, u għaldaqstant x’qed isir biex ikun hemm aktar konsultazzjoni biex il-bżonnijiet ta’ dawn jiġu indirizzati?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li meta l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jkollu applikazzjoni minn organizzazzjoni volontarja biex tirreġistra, il-Kummissarju dejjem jimxi skont l-Att dwar Organizzazzjonijiet Volontarji (Kapitlu 492 tal-liġijiet ta’ Malta) u sakemm l-organizzazzjoni applikanta tissodisfa l-kriterji kollha sabiex tkun reġistrabbli skont il-liġi, hu obbligat li jaċċetta l-applikazzjoni kif fil-fatt jagħmel.
Dan japplika għal dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li għandhom bħala għan tagħhom, l-avvanz tar-reliġjon. Kif jindika r-reġistru tal-organizzazzjonijiet volontarji tal-Kummissarju, hemm iskritti organizzazzjonijiet volontarji ta’ diversi fehmiet reliġjużi.
Junior College, MCAST u Università — Learning Support Assistants
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanat biex jiġi estiż is-servizz tal-Learning Support Assistant għall-persuni fil-bżonn fil-Junior College, fl-MCAST u fl-Università?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST diġà joffri servizz ta' learning support assistants.
Rigward l-istudenti tal-Junior College u l-Università, infurmat li jeżistu arranġamenti għall-aċċess kif spjegat fil-ktejjeb The University of Malta Access Arrangements September 2013 li jinstab onlajn fuq http://www.um.edu.mt/__data/assets/pdf_file/0020/204419/accessbooklet2013.pdf
Meta student ikollu bżonn ta’ assistent personali minħabba li jkollu diżabilità fiżika dan japplika biex ikollu l-assistenza ta’ personal assistant mis-servizzi tal-Aġenzija Sapport. Fejn student ikollu bżonn assistenza oħra minħabba d-diżabilità din tiġi organizzata mill-istudent stess u jkun jista’ japplika għall-Maintenance Grant fejn jinvolvi ħlas.
Università, MCAST, Sptar u Qrati — ħinijiet biex jitjieb l-immaniġġar tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru diskussjoniet mal-Università, mal-MCAST, mal-Isptar u mal-amministrazzjoni tal-Qrati fuq pjan biex jiġu koordinati l-ħinijiet ta' x'ħin jibdew is-servizz tagħhom bil-għan li jitjieb l-immaniġġar tat-traffiku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet b’mod kontinwu fuq livell Ministerjali sabiex isir koordinament b’mod ħolistiku, inkluż kif suġġerit mill-Onor. Interpellant, għall-immaniġġjar aħjar tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jindika jekk hux qed jiġi previst nuqqas ta' postijiet ta' akkomodazzjoni disponibbli waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi bħal ma wieħed jistenna, avveniment kbir u fit-tul bħall-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja jattira influssi ogħla ta’ viżitaturi u jiġġenera domanda addizzjonali fuq dik li normalment ikollhom il-lukandi Maltin fl-istess xhur tas-sena.
Bħal kull pajjiż ieħor madwar id-dinja, Malta mhix eċċezzjoni għal forzi tas-suq inkluż il-varjazzjoni ta' rati tal-lukandi fuq il-bażi tal-provvista u d-domanda. Normalment, is-suq jerġa' lura għal stat naturali ta' ekwilibriju wara li l-avveniment jgħaddi. Barra minn hekk, il-perjodu ta' Presidenza ta' Malta tinkludi t-tliet xhur li tradizzjonalment huma kajmani minn Jannar sa Marzu u li matulu t-talba tal-prezzijiet ta' akkomodazzjoni tkun aktar baxxa. Avveniment bħall-Presidenza jikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-profitti tal-lukandi billi jattiraw rati tradizzjonalment mitluba matul il-peak season.
Minkejja l-benefiċċji illi dan l-avveniment huwa mistenni li jiġġenera, l-istaġun tax-xitwa li ġej, huwa mistenni jiġġenera tkabbir qawwi ta’ turiżmu b'mod ġenerali minħabba l-suċċess li Malta qed tikseb biex tattira żidiet f’airline seat capacity matul dan l-istaġun. Dan it-tkabbir ser ikompli jnaqqas l-effetti negattivi tal-istaġjonalità u b'hekk jissaħħaħ aktar il-profil ta' Malta bħala destinazzjoni inqas staġjonali tal-Mediterran. L-2017 hija wkoll imbassra li tkun sena importanti ħafna għal Malta fid-dawl illi r-rekord ta’ żewġ miljun turist huwa mistenni li jinqabeż għall-ewwel darba.
Dan kollu huwa konformi mal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu illi ġiet ippubblikata fl-2014 u li tiffoka fuq strateġija ġestita ta’ tkabbir ta’ turiżmu b’valur ogħla, mxerrda tul it-tnax-il xahar tas-sena.
Bħal konferenzi u laqgħat oħra, il-Presidenza tal-UE ser tattira delegati tan-negozju illi jaffordjaw joqgħodu fl-ogħla kategoriji ta' akkomodazzjoni. Dan il-livell ogħli ta’ nfieq minn dawn is-segmenti tas-suq, huwa segwit b’mod attiv mill-Ministeru u l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. Dan ma jeskludix u lanqas jaffettwa ħażin kategoriji oħra ta' viżitaturi illi ser ifittxu kategoriji f’livelli oħra jew tipi alternattivi ta' akkomodazzjoni. Il-Ministeru għat-Turiżmu ser ikun qed jikkollabora ma' entitajiet oħra sabiex niżguraw li Malta tkun meqjusa kemm jista' jkun fl-aqwa tagħha, fl-aspetti kollha. Dan kien ir-raġunament wara l-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni ambjentali aktar kmieni din is-sena, fejn id-dħul ser jintuża għall-manutenzjoni u tisbiħ ta' żoni turistiċi. Ser nieħdu wkoll l-opportunità mill-ħafna viżitaturi ta' profil għoli biex, b'mod qawwi, nikkummerċjalizzaw lill-pajjiżna bi tħejjija għall-Belt Valletta Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
Dawn l-aħħar tliet snin raw lill-Malta tissaħħaħ fil-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni ewlenija Mediterranja, fejn is-settur turistiku huwa konformi għal aktar espansjoni illi jippermetti d-destinazzjoni tiġi sfruttata b'mod aktar effettiv fi swieq u segmenti li qabel ma kienux daqshekk aċċessibli. Il-Presidenza tal-UE hija biss pass wieħed addizzjonali lejn it-twettiq ta' dawn l-għanijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26891 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi u jgħid jekk hemmx studji jew jekk humiex ser isiru studji settorjali biex jgħinuna niddentifikaw aħjar fejn għandna ninvestu aktar jew fejn għandna nibdew ninvestu? Min hu jew ser ikun responsabbli għal dawn l-istudji?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li studji fuq setturi partikolari ma jsirux one off . Ir-riċerka hija kontinwament għaddejja bħala parti integrali mix-xogħol tal-Malta Enterprise biex jiġi attirat lejn Malta investiment barrani ġdid, ngħinu l-investiment barrani li joperaw Malta ikabbar l-operat tiegħu kif ukoll ngħinu investiment lokali ġdid u eżistenti. Ir-riżultati miksuba f'dawn l-aħħar snin, fejn addottajna strateġija tal-micro targeting, jitkellmu waħidhom. Ninforma lill-Onor. Interpellant li studji fuq setturi partikolari ma jsirux one off . Ir-riċerka hija kontinwament għaddejja bħala parti integrali mix-xogħol tal-Malta Enterprise biex jiġi attirat lejn Malta investiment barrani ġdid, ngħinu l-investiment barrani li joperaw Malta ikabbar l-operat tiegħu kif ukoll ngħinu investiment lokali ġdid u eżistenti. Ir-riżultati miksuba f'dawn l-aħħar snin, fejn addottajna strateġija tal-micro targeting, jitkellmu waħidhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx studji jew jekk humiex ser isiru studji settorjali biex jgħinuna niddentifikaw aħjar fejn għandna ninvestu aktar jew fejn għandna nibdew ninvestu? Min hu jew ser ikun responsabbli għal dawn l-istudji?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lil Ministeru kkonċernat.
Operazzjonijiet tal-qalb li jsiru b’keyhole surgery
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Isptar Mater Dei hemmx speċjalizzazzjoni fejn jidħlu operazzjonijiet tal-qalb li jsiru b’keyhole surgery? Jekk iva kemm hemm speċjalisti? X’inhi l-frekwenza ta’ din it-tip ta’ operazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Mater Dei isiru keyhole surgeries fil-qalb. Fl-Isptar Mater Dei hemm konsulent li jagħmel dawn it-tip ta’ interventi li jammontaw għal numru żgħir fis-sena. Din is-sena fl-Isptar Mater Dei tajna bidu għal servizz ġdid li huwa minimally invasive aortic valve replacement.
Strateġija biex it-turisti jesperjenzaw il-kultura Maltija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemm strateġija biex it-turisti jesperjenzaw jew jiġu nkuraġġuti jesperjenzaw aktar il-kultura Maltija billi jersqu aktar lejn il-villaġġi u l-kampanja?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-politika tal-Gvern għat-turiżmu 2015-2020 tisħaq il-ħtieġa li pajjiżna jiġi proġettat fit-totalità tiegħu kollha lit-turisti li jżuruna. Dan sabiex inkunu nistgħu noffru d-diversità storika, kulturali, ambjentali u tal-pajsaġġ li joffri pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu.
B’dan il-mod inkunu nistgħu nattiraw firxa aktar wiesgħa ta’ viżitazzjonijiet turistiċi li jiġu fostna sabiex jesperjenzaw lil Malta u Għawdex matul it-tnax-il xahar tas-sena.
Mil-lat prattiku, qed naraw żvilupp ta’ prodott ġdid mill-aktar interessanti f’akkomodazzjoni żgħira fil-villaġġi u l-irħula tagħna. Dan qed jiġi sostnut bi proġetti ta’ mixjiet u attrazzjonijiet ġodda li jgħinu jrendu l-kampanja aktar aċċessibili għall-viżitaturi tagħna.
Jista’ l-Ministru jispjega jekk hemmx policy rigward regolamentazzjoni tal-ħsejjes u kif din tista’ tolqot delizzji tradizzjonali, kif ukoll attivitajiet li huma parti mill-kultura u t-tradizzjoni ta’ pajjiżna bħalma huma l-festi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ħsejjes minn delizzji tradizzjonali, kif ukoll attivitajiet li huma parti mill-kultura u t-tradizzjoni ta’ pajjiżna bħalma huma l-festi mhumiex ikkontrollati mill-liġi Sussidjarja 549.37 “Assessment and Management of Environmental Noise Regulations”. Il–Liġi Sussidjarja 33.03 – “Control of Fireworks and other explosives regulations”, li tirregola il-logħob tan-nar, ma tieħux in konsiderazzjoni ħsejjes.
Qrendi — Water management plan jew storm water runoff plan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx water management plan jew storm water runoff plan għan-naħat tal-Qrendi partikularment minħabba l-ilmijiet li jinżlu miċ-ċentru tar-raħal għal Triq Wied il-Fulija għal ġol-widien li kawża ta’ hekk, diversi familji mhux qed ikunu jistgħu joħorġu minn darhom? Jekk hemm water management plan, jista’ jgħid jekk dan jinkludix Triq iż-Żurrieq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont ir-records tal-aħħar għaxar snin tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, ma hemmx Water Management Plan jew Storm Water Runoff Plan għan-naħat tal-Qrendi.
Madankollu, se ninkariga lid-Dipartiment konċernat biex jagħmel rapport fuq din il-materja.
Jista’ l-Ministru jagħti statistika tal-medja ta’ persuni li żaru ċ-Ċittadella f’Għawdex kull xahar fl-2015? Hemm xi previżjoni li dawn ser jiżdiedu wara t-tisbiħ li sar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika ta’ kemm persuni jżuru iċ-Ċittadella peress li dan huwa post miftuħ u l-post jiġi miżjur għal diversi raġunijiet. Madanakollu, wieħed milll-iskopijiet tal-proġett tar-restawr u riabilitazzjoni taċ-Ċittadella huwa li jiżdied in-numru ta’ viżitaturi lejn dan il-post.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Gozo Market Profile ta’ Jannar sa Diċembru 2015 maħruġ mill Awtorità Maltija tat-Turiżmu li turi li 89.3% tal-viżitaturi f’Għawdex iżuru liċ-Ċittadella u lir-Rabat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx statistika li tindika liema tip ta’ turist li l-aktar iżur Għawdex, pereżempju jekk hux minn cruise liners, turisti long stay jew turisti li jiġu għall-weekend breaks eċċ? Hemm xi statistika li tindika jekk hemmx xi nazzjonalità li tipprevali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ turisti barranin matul l-2015, u tabella oħra li turi n-numru ta’ turisti barranin fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena meta kkumparat mal-istess perijodu s-sena l-oħra. Dan juri li kien hemm żieda ta’ turisti barranin ta’ 58.7% meta kkumparat mal-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra. Din it-tabella turi wkoll li l-maġġoranza ta’ turisti barranin li jiddeċiedu li joqogħdu hawn, jgħaddu iktar minn lejl wieħed f’Għawdex.
Mill-aħħar statistika disponibbli, jidher li l-iktar suq importanti tat-turiżmu barrani għal Għawdex huwa dak tar-Renju Unit segwit minn dak Ġermaniż, Taljan u Franciż.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti għal-lukandi ġewwa Għawdex u x’kategorija ta’ lukandi huma?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikazzjonijiet għall-estensjonijiet u saħansittra għall-bini ta’ lukandi ġodda huma wkoll lok ta’ konferma tas-suċċessi li pajjiżna qed jikseb fl-industrija tat-Turiżmu f’dawn l-aħħar snin, hekk kif ukoll dawk nvoluti fis-settur qed iħossuhom aktar inkoraġġiti u kunfidenti li jinvestu f’din l-industrija. Dan l-aktar fid-dawl fejn taħt gvernijiet preċedenti konna drajna nisimgħu b’lukandi li qed jgħalqu aktar milli qed jestendu jew jinbnew ġodda partikolarment ġewwa Għawdex.
Bħalissa hemm ħames applikazzjonijiet pendenti għal-lukandi ġewwa Għawdex, fil-kategoriji segwenti:
· żewġ applikazzjonijiet ta’ lukandi ġodda ta’ żewġ stilel;
· applikazzjoni ta’ lukanda ġdida ta’ 4 stilel;
· applikazzjoni għal estensjoni ta’ lukanda ta’ 4 stilel;
· applikazzjoni ġdida għal
Guest House
; u
· applikazzjoni ġdida għal
Hostel
.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb ta’ maniġġar ta’ traffiku alternattiv/ulterjuri fl-inħawi tal-Marsa wara l-għeluq mill-ġdid tat-triq temporanja fi ħdan ix-shipbuilding?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret l-implementazzjoni ta’ Tidal Lane fi Vjal Sir Paul Boffa, Poala biex ikun hemm karreġġjata oħra għall-vetturi li kienu jużaw id-Dock 7.
Barra minn hekk ninsabu impenjati biex jinstabu alternattivi oħra biex tittaffa il-problema tat-traffiku f’ dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26649 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju qiegħed l-iżvilupp tal-hangar il-ġdid ta’ Aviation Cosmetics u jekk hux previst xi inkonvenjent fl-inħawi u l-madwar tal-hangar?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-hangar il-ġdid tal-Aviation Cosmetics sejjer ikun lest sa Ottubru 2016 u mhux previst l-ebda inkonvenjent fl-inħawi u l-madwar tiegħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26648 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex is-settur tas-superyachts f’Malta jiġi inċentivat dejjem aktar biex jikber, partikolarment fil-qasam tar-refit u/jew il-kostruzzjoni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Pre¿entament, Il-Gvern qed jesplora possibilitajiet u opportunitajiet li s-settur tas-superyachts jista joffri għal Malta. Bla dubbju ta’ xejn il-Gvern iħares lejn dan is-settur bħala suq li jista jikber u jifjorixxi. Il-Gvern jemmen li Malta għandha qagħda startegika eċċellenti fuq xhiex tista tibni il-komepttivita tagħha f’dan is-settur. Tajjeb insemmu li l-Gvern qed jespolora possibiltajiet biex tittejjeb l-infrastruttura ħalli pajjizna ikun jista jgawdi minn opportunijiet li is-settur joffri, dejjem b’mod sostennibli.
Il- Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi huwa responsabbli mill-promozzjoni tas-settur Marittimu u għalhekk f’kas li d-domanda tal-interpellant tikkonċerna fost affarijiet oħra l-infrastuttura din ghanda issir lill-Minstru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li min ikollu bżonn operazzjoni barra minn Malta qed jittieħed l-Ingilterra u fl-ebda pajjiż Ewropej ieħor? Jista’ jgħid jekk hemmx diskussjonijiet ma’ pajjiżi oħra sabiex il-pazjenti jkollhom għażla?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ghalkemm permezz tal-cross border directive pazjenti Maltin jistghu jitolbu ghal pre-authorisation biex jiehdu kura f'kull pajjiz tal-Unjoni Ewropeja, l-maggoranza ta' pazjenti li jkollhom bzonn kura barra minn Malta jintbaghtu r-Renju Unit. Dan minhabba arrangament reciproku li jezisti bejn Malta u r-Renju Unit. Hemm arrangamenti ohra ma’ centri f’Milan u Palermo biex pazjenti jkunu jistghu jintbaghtu ghall-trattamenti partikulari f'dawn l-ibliet. Jintbaghtu ukoll pazjenti f'centru specjalizzat fil-Germanja sabiex ikunu jistaw jiehdu trattament partikolari kontra l-kancer.