Legislature:
Category:
Reset
Active:

Delimara — Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien l-avukat li f'isem l-Enemalta nnegozja mal-Perit Dom Mintoff fil-kwestjoni dwar il-Power Station ta' Delimara? Kemm irċieva bħala ħlas dan l-avukat għas-servizzi f'din il-kwestjoni? Kemm kien il-kumpens miftiehem dwar din il-kwestjoni bejn l-Enemalta u l-Perit Dom Mintoff?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Enemalta ma nkarigat ebda avukat sabiex jinnegozja f'isimha mal-Perit Dom Mintoff fil-kwistjoni dwar il-Power Station ta' Delimara. Fil-fatt dawn in-negozjati saru minn Ministru u uffiċjali oħra tal-Gvern Laburista. Il-kumpens miftiehem dwar din il-kwistjoni bejn l-Enemalta u l-Perit Dom Mintoff hu dak li kien ġie miftiehem mill-amministrazzjoni Laburista.
Leg 9 PQ #7783 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Interim From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Posta — Stock books

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm żmien għandhom jinżammu l-istock books tal-bolli, postal stationery, u British postal orders fid-diversi fergħat tal-Posta f'Malta u f'Għawdex wara li dawn jimtlew? Wara dan il-perijodu, l-istess stock books għal kemm żmien għandhom jinżammu fl-Uffiċċju Ġenerali tal-Posta qabel dawn jiġu meqruda? Xi proċedura tintuża biex dawn l-istock books jiġu meqruda? Hemm xi ċirkolarijiet mill-Finanzi jew ministerjali u/jew dipartimentali li jirregolaw kif dawn l-istock books għandhom jiġu meqruda? Jekk fl-affermattiv, liema huma u f'liema snin ħarġu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7784 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Interim From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Delimara — Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien l-avukat li f'isem l-Enemalta nnegozja mal-Perit Dom Mintoff fil-kwestjoni dwar il-Power Station ta' Delimara? Kemm irċieva bħala ħlas dan l-avukat għas-servizzi f'din il-kwestjoni? Kemm kien il-kumpens miftiehem dwar din il-kwestjoni bejn l-Enemalta u l-Perit Dom Mintoff?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Birkirkara — Triq Santa Rita

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta St. Rita Street, Birkirkara se tiġi mogħtija t-tarmac u rranġata billi din tinsab fi stat vera ħażin u hija ta' inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq u billi din it-triq tintuża kemm mir-residenti u anke mill-pubbliku inġenerali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha, u x-xogħol f`dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Birkirkara — Triq Għar il-Ġobon

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Għar il-Ġobon, f'Birkirkara se tiġi maqlugħa u rranġata billi tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq hija diġa asfaltata u għalhekk il-manutenzjoni tagħha trid issir mill-Kunsill Lokali.

Banek — Mid-Med Bank - Personal Assistant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-personal assistant ta' l-ex-Chairman tal-Mid-Med Bank b'kuntratt definit liema kuntratt ġie mitmum mat-tmiem taċ-chairmanship tiegħu, ġiet impjegata fulltime b'direct appointment ta' Clerk A b'salarju massimu fl-istess Mid-Med Bank? Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dan il-post meta suppost li minn jiġi ngaġġat suppost li jidħol fuq grad bażiku ta' Clerk B? Meta ntalab il-permess mill-ETC meta il-bank li hu kumpannija parastatali biex jimpjega irid l-ewwel jitlob il-permess mill-ETC biex dawk iż-żgħażagħ li għandhom il-kwalifiki jistgħu japplikaw? Jista' l-Ministru jgħid jingħatawx ċans l-impjegati tal-bank li għandhom kemm seniority u kwalifiki daqs u aktar mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex japplikaw għal dan il-post? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux sejra ssir inkjesta fuq dan il-każ biex jiġi stabbilit minn kien responsabbli għal dan l-ingaġġ illegali u abbużiv?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #4698 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4479 tal-5 ta' Frar 1999 (Seduta Numru 62 tad-9 ta' Frar 1999) fejn intalbu aktar dettalji, jista' l-Ministru jwieġeb b'riferenza għall-applikazzjoni numru PA7412/97?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-perit inkarigat mill-EIA dwar l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kien il-kap tas-sezzjoni tal-minerali fl-Awtorita'. Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjoni in kwestjoni qatt ma ġiet riferuta lill-Bord ta' l-Appell. Il-perijodu li fih isir is-survey ma jiġix stabbilit mill-Awtorita'. F'dan il-każ l-EIA ma sarx biss mill-perit imsemmi imma minn tim ta' konsulenti fosthom persuna esperta fl-ekoloġija tal-Gżejjer Maltin. L-EIA ikollu komponent ta' riċerka li fiha jittieħed konjizzjoni ta' informazzjoni eżistenti kif ukoll surveys tal-post innifsu. Ninsab infurmat li qatt ma saru EIA's preċedenti dwar dan il-post. Kien sar rapport qasir dwar il-flora tal-kosta fil-punent tas-sit in kwestjoni wara li kien hemm domanda għal ftu ta' barriera minn terzi persuni fl-1993. Dan ir-rapport kien jikkonċerna sit lejn il-majjistral tas-sit fejn inħareġ permess għal barriera. 22.02.99
Leg 9 PQ #4475 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Barrieri

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex oriġinarjament il-permess tal-barriera bin-Nru. 7412/97 kien sejjer jinħareġ mingħajr il-kondizzjoni "subject to third party rights" ġaladarba l-awtorita' kienet taf li l-proprjeta' hija tal-Knisja? Għaliex l-awtorita' ma talbitx lill-applikanti jiksbu l-permess tas-sidien sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw l-applikazzjoni tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kull permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar joħroġ ' saving third party rights' anki jekk din il-kundizzjoni ma tkunx speċifikata bil-mitkub. Dan minħabba li l-Awtorita' tiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ għal dak li jirrigwarda l-aspett ta' ippjanar u mhux dwar l-ownership ta' l-art. 09.02.99
Leg 9 PQ #4476 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Shore line

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern biddilx il-policy tiegħu li x-shore line tista' tingħata lill-privat billi fil-każ ta' l-applikazzjoni Nru. 7412/97 l-awtorita' ma mponiet ebda restrizzjoni dwar l-użu tax-shore line bħalma tagħmel is-soltu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma bidlet l-ebda policy dwar dan il-każ li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija. Fil-fatt il-permess tal-barriera approvat mill-Planning Authority huwa għal qtugħ ta' blat sa distanza ta' madwar 75m 'il bogħod mill-baħar. Il-konfini eżatti huma mmarkati fuq il-pjanta annessa mal-permess. 09.02.99
Leg 9 PQ #4477 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Qtugħ ta' blat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-limiti safejn l-applikanti għall-permess Nru. 7412/97 jistgħu jqattgħu blat mix-shore line?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4476 f'din l-istess Seduta. 09.02.99
Leg 9 PQ #4478 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni Nru. 7412/97 tpoġġiet fuq il-fast track sabiex tiġi approvata f'qasir żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 7412/97 ma tpoġġietx fuq 'fast track' u ma kelliex prijorita'. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa fil-31 ta' Diċembru, 1997, u ġiet reġistrata bħala valida fl-20 ta' Jannar, 1998. L-applikazzjoni kienet suġġetta għal environmental impact assessment u t-terms of reference intbagħtu lill-applikant fl-4 ta' Ġunju, 1998. L-EIA ġie sottomess fis-6 ta' Settembru, 1998 u ġie approvat fit-2 ta' Ottubru, 1998. L-applikazzjoni ġiet determinata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fit-22 ta' Ottubru, 1998. 09.02.99
Leg 9 PQ #4479 Sitting 62 1999-02-09 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni dwar jekk kienx hemm xi konflitt ta' interessi, billi l-perit li kien inkarigat mill-EIA ftit taż-żmien ilu kien ukoll il-kap tal-minerals section li hija responsabbli mill-barrieri kollha u llum huwa membru tal-bord ta' l-appell ta' l-awtorita'? X'kient ir-raġuni li l-awtorita' aċċettat li dan isir biss fid-dry season, meta l-istess awtorita' rrifjutat applikazzjoni oħra minn persuni oħra għaliex fl-EIA preċedenti kienet sabet pjanta endemika fl-istess post li hija unika għal pajjiżna, jekk mhux fil-Mediterran? Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtorita' kkonsultatx fuq dan ma' l-EIA preċedenti?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti jagħti aktar dettalji dwar il-każ li qed jirreferi għalih. 09.02.99
Leg 9 PQ #4427 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-seduta tat-28 ta' Ottubru, 1998 ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanr, li kienet qegħda tiltaqa' għall-aħħar darba ltaqgħet fil-pubbliku? Jista' l-Ministru jikkonferma li din l-aħħar seduta kellha ssir fil-magħluq?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill Onorevoli Interpellant għall-Art 13 (5) ta` l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u għall-Art 8 ta` l-ewwel skeda ta` l-istess Att li jistipula meta laqgħa tal-Bord tinżamm fil-pubbliku. Ninsab infurmat li l-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ltaqax fit-28 ta` Ottubru, 1998. L-aħħar laqgħa tal-Bord il-qadim saret fit-2 ta` Ottubru, 1998, li matulha ġew approvati l-minuti tal-laqgħa ta` qabel, u dan qabel ma l-Bord aġġorna sine die. 08.02.99

Bolli/postal orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istock books tal-bolli, stationery u postal orders tas-sena 1998 tal-Victoria BPO u tax-Xagħra BPO, Għawdex għadhomx jeżistu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-istock books tal-bolli, stationery u postal orders tas-sena 1998 tal-fergħat imsemmija, jinsabu għand l-Account Holders ta' l-istess fergħat.

MIA — Ħlas ta' xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Malta International Airport ħallset flus u għal-liema xogħol lill-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998? Min huma s-sidien ta' din il-kumpannija? Qatt kien hemm xi sid li kien jiġi minn wieħed mid-direttur ta' l-MIA?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħlas li sar mill-M.I.A. lill-kumpanija li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, huwa dan: 1995 - Lm5022.79c 1996 - Lm1424.53c 1997 - Lm 880 1998 - Lm1905 Dan il-ħlas sar in konverżjoni mas-software għall-Main Accounting and Passenger Service Charge. Ma nħossx li jkun etikament korrett li msemmi l-ismijiet tal-persuni li huma l-proprjetarji tal-kumpanija.

MIA — Ħlas ta' xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset flus, u dan għal-liema xogħol, il-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament, fl-MIA meta ġiet imqabbda għas-snin 1995, 1996, 1997, 1998?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kumpanija li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tħallset dawn l-ammonti: 1995 - Lm 357.23c 1996 - Lm2103.88c 1997 - Lm1421.80c 1998 - xejn Dan il-ħlas ikopri l-kera u charges ta' GSM mobile telephone użat miċ-Chairman ta' l-M.I.A. waqt li dan ikun barra minn Malta. Dan is-servizz tal-GSM mobile telephone ma kienx provdut lokalment fis-snin imsemmija.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l- Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3456.
Leg 9 PQ #2725 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permess għall-barriera

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex oriġinarjament il-permess tal-barriera Nru. 7412/97 kien se joħroġ mingħajr il-kondizzjoni "subject to third party rights", ġaladarba l-awtorita' kienet taf li l-proprjeta' hija tal-Knisja?

Response (BORG, TONIO)

Il-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar awtomatikament joħorġu ikkundizzjonati 'saving third party rights', ikun hemm jew ma jkunx hemm kundizzjoni speċifika. Rigward il-proprjeta' in kwestjoni, l-Awtorita' kienet iffaċċjata b'informazzjoni minn tlett entitajiet li kienu qed jgħidu li l-art, jew xi parti minnha, kienet tagħhom. Jien infurmat li għaldaqstant f'dan il-każ inħass il-bżonn li jkun hemm kundizzjoni speċifika għall-każ. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2726 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma titlobx lill-applikanti li jiksbu l-permess tas-sidien sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw l-applikazzjoni tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti dettalji ta' l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha sabiex tkun tista' tingħata risposta. 16.12.98 (am)
Leg 9 PQ #2727 Sitting 37 1998-12-15 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bord

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li fis-seduta tat-22 ta' Ottubru, 1998 il-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, li kellha tiltaqa' għall-aħħar darba, iltaqgħet fil-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-seduta tat-22 ta' Ottubru 1998, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar iltaqgħet fil-pubbliku biex tiddetermina applikazzjonijiet għal żvilupp PA 7412/97 (Barriera il-Qala) u PA 7764/96 (Żvilupp tal-Hilton - pjanti emendati) skond il-provvedimenti ta' l-Att Nru. 1 ta' l-1992. 16.12.98 (am)