Jista' l-Ministru jikkonferma jekk tħallsux il-ħaddiema kollha in konnessjoni mal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kien ġew organizzati fi żmien Gvern Nazzjonalista' fl-1993 u li meta nbidlet l-Amministrazzjoni sal-1997 kienu għadhom mingħajr ħlas? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta fil-fatt tħallsu dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma għadx hemm ħaddiema li ma tħallsux għax-xogħol li għamlu in konnessjoni mal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu ġew organizzati f'Malta fl-1993. Il-ħlasijiet saru kollha mill-Kumitat Olimpiku Malti u l-Ministeru m'għandux dettalji kif saru dawn il-ħlasijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk baqgħux isiru diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Marsa Sports Club għal mgħoddija tat-titolu fuq l-art li jikkomprendi dan l-isports club (inkluż il-golf course)
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-faċilitajiet li tagħmel użu minnhom il-Marsa Sports Club huma fost dawk proposti biex jiġu allokati lil diversi Clubs permezz ta' Riżoluzzjoni Parlamentari.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni tal-wiring u tal-elettriku fil-landing tat-tieni sular bejn il-flats 3 u 4 fil-blokk B, Triq Kordin, Paola u jordna tiswijiet neċessarji minħabba li minkejja li r-residenti jbidlu l-bozza tal-landing kull meta tinqata', dan qed jiġri wisq b'mod frekwenti u ripetut f' qasir żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li applikat għal sickness benefit minħabba schizophrenia xi sena u nofs ilu u li tgħix f'Flt 3, blk 3, Triq Betta, Tarxien minħabba li l-familja għandha bżonn ħafna din l-għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar dan il-każ mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita li studenti fl-Universita li jeħlu fl-eżamijiet f'xi sena partikolari u li jkollhom jirrepetu s-sena ma jinqgħatalhomx l-istipendju b'mod li ma jkunux ta' piż għall-familji tagħhom u anke jkun possibbli li fil-fatt ikomplu jistudjaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-miżura li studenti li jirrepetu xi sena li għaliha diġa` jkunu ħadu stipendju, ma jerġgħux jieħduh waqt li qed jirrepetu, ilha teżisti minn meta kienu ntrodotti l-istipendji.
Diġa` qed ikunu vvutati madwar Lm8 miljun fis-sena biex imorru għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti. Din hi spiża konsiderevoli. L-istudenti japprezzaw l-investiment li l-pajjiż qed jagħmel fihom u jagħmlu ħilithom kollha biex jiksbu l-aħjar riżultati fl-eżamijiet.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-bozoz ta' xi sulari fil-Blk D, Dr B, Triq Pietro Gagliardi, Tarxien mhumiex qed jinbidlu?
Jaf il-Ministru li r-residenti ilhom ix-xhur jgħidulhom li hemm xi ħsarat fil-main u madanakollu mhux qed isir xejn biexdin il-ħsara tissewwa?
Jista' l-Ministru jara kif tista' tirranġa din is-sitwazzjoni nġusta għar-residenti tal-blokk u dawk li jżuruhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bozoz tat-taraġ f'appartamenti tal-Gvern iridu jinbidlu mir-residenti nfushom u dan skond il-policy dwar it-tiswijiet.
Tiswijiet fil-main, sew dak ta' l-ilma jew tad-dawl, huma responsabbilta' ta' entitajiet li ma jaqgħux taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tal-Foundation of International Studies in kwantu għal personnel u finanzi/budgeting?
Veru li mhux qed ikun hemm flus biżżejjed biex jitħallsu l-ħaddiema b'mod li kellhom jiġu utilizzati flus li suppost marru għal skopijiet oħrajn?
Xi skopijiet oħrajn kienu dawn u kemm ilha din is-sitwazzjoni?
Xi pjanijiet għandu l-gvern għal din il-foundation?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn mindu l-Gvern fl-1997 naqqas il-kontribuzzjoni tiegħu lill-Fondazzjoni għal Lm140,000 (minn Lm210,000 fl-1996) u għal Lm90,000 fl-1998, din sabet ruħha f'pożizzjoni li trid tiġġenera mal-Lm150,000 aktar fi qliegħ fis-sena biex tibbilanċja l-budget. Minn dak iż-żmien il-Fondazzjoni rduppjat l-isforzi tagħha u rnexxilha tiġġenera ħafna attivita` tant li kull sena, ħlief l-aħħar sentejn, irnexxilha tagħlaq b'bilanċ favorevoli. Għall-dawn l-iżbilanċi għamlet tajjeb il-Fondazzjoni permezz tar-riservi tagħha u bl-għajnuna ta' l-Universita`.
Il-Ministeru u l-Universita` bħalissa qed jiddiskutu biex jiġi stabbilit l-aħjar użu li jista' jsir mill-esperjenza u riżorsi li jeżistu fil-Fondazzjoni. Minn mindu din twaqqfet, sittax-il sena ilu, saru ħafna bidliet u żviluppi fil-qasam ta' l-edukazzjoni internazzjonali u l-iskop ta' l-eżerċizzju li qed isir, u li nispera li jintemm ma jdumx, hu li Malta tattrezza ruħha biex tisfrutta aħjar l-opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu. Dan l-eżerċizzju għandu wkoll bħala skop li l-Fondazzjoni jkollha l-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex taqdi l-mandat tagħha.
Jista' l-Ministru jara li jitranġaw il-bożoż fit-triq waħda faċċata tal-Blk 1, Scheme 3, Telgħat Raħal Ġdid, Paola u bozzo oħra fuq wara tal-istess blokk li tiġi mar-roundabout ta' ħdejn is-Sare Marbles, liema bozoz ilhom issa żmien konsiderevoli jiġu rrapurtati mir-residenti tal-inħawi bla ma jkun hemm rispons mill-awtoritajiet kompetenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tiswijiet li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant fil-fatt diġa saru.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslet it-talba għall-għajnuna tal-wens li għamlet il-persuna bil-karta ta' l-identita nru. 432385 (M) li tgħix fi Flat 3, Telgħat Raħal Ġdid, Paola talli tieħu ħsieb lill-omma li ma tistax timxi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mistenni jitressaq quddiem il-Bord Mediku kif meħtieġ skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni tal-persuna bi bżonnijiet speċjali biex isirilha support railing fil-kamra tal-banju fejn tgħix fi Flat 3, Bieb C, Telgħat Raħal Ġdid, Paola, li ilha tistenna xi risposta dwarha mill-awtoritajiet kompetenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li saret applikazzjoni għall-installar ta' support railing mill-inkwilini tal-post indikata mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fabbriki tal-ġir ġewwa pajjiżna u kemm iħaddmu impjegati bejniethom? Jista l-Ministru jgħid kif qed jaħseb il-Gvern li tista' tiġi salvagwardjata din l-industrija lokali partikolarment wara l-propost dħul ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li skond it-tagħrif li għandu l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, sa xi żmien ilu kien hawn żewġ kalkari tal-ġir f'Ħal Qormi u oħra f'Ta' Sannat.
Peress li s-sidien tal-kalkari naqsu milli jfornu tagħrif għall-kwestjonarji ta' l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, ma jistax jingħad kemm fil-fatt bħalissa hawn kalkari tal-ġir li qed joperaw.
Sadanittant, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed jara għaliex is-sidien ta' dawn il-kalkari ma rrispondewx il-kwestjonarji, u jekk ikun il-każ, jittieħdu l-passi legali sabiex il-kwestjonarji jiġu mwieġba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta għandha tiġi ppubblikata l-legal notice in konnessjoni ma' l-aħħar ftehim kollettiv li kien sar għall-ħaddiema fis-settur pubbliku biex jirregola l-pensjoni ta' dawk li kienu ngaġġati fis-Servizz Pubbliku qabel is-sena 1979? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li din il-miżura sejra tqum għall-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Membru mitlub jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna b'blue card numru 8499 li applikat biex ikollha post riservat ta' parkeġġ baqgħat mingħajr l-ebda risposta?
Jista' l-Ministru jara x'inhuma l-possibilitajiet li din iċ-ċittadina tinqeda f'dan il-bżonn soċjali tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat għall-Blue Sticker u reserved parking quddiem ir-residenza tagħha fil-5 ta' Frar 2002.
L-applikazzjoni għall-Blue Sticker ġie aċċettata u l-persuna ser tirċievi l-isticker dalwaqt.
Dwar l-applikazzjoni għal reserved parking quddiem ir-residenza tal-persuna ndikata, l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ma tistax tirrakkomanda din l-applikazzjoni lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku minħabba li mhemmx karozza reġistrata fl-indirizz ta' l-applikanta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pajpijiet tad-dawl biex isiru d-dwal mat-tarf tar-roundabout f'Ta Lourdes ħdejn Sare Marbles f'Raħal Ġdid ilhomlesti ż-żmien iżda baqgħu ma twaħħlux id-dwal mat-truf tal-istess roundabout traffikuża in kwistjoni li jgħin lis-sewwieqa bil-lejl li jkunu qed isuqu madwarha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jaqax fir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita li jiġi nstallat lift fil-Blk D, Dr A, Triq Pietro Gagliardi, Tarxien?
Qed isir xi ħaġa biex dan isir?
Jekk fl-affermattiv fejn waslu l-affarijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li saret applikazzjoni għall-installar ta' lift mill-inkwilini tal-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Jekk f'dan il-post hemm xi persuna b'diżabilita' ta' mobilita', għandha tagħmel l-applikazzjoni meħtieġa taħt Skema 'V' lill-Awtorita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara x'jista' jsir biex il-bieb prinċipali ta' Blk 1, Scheme 3, Telgħat Raħal Ġdid jitranġa peress illi ir-residenti nfushom għamlu xi molol biex dan il-bieb ma joqgħodx jinstabat bir-riħ li madankollu jew mhumiex issettjati tajjeb jew minħabba l-piż stess tal-istess bieb, qiegħed jinstabat xorta waħda b'inkonvenjent kbir għal dawk li jgħixu hemm? Jekk dan mhux possibli, jista' isir bieb ġdid li jinfetaħ fi tnejn kif kien hemm oriġinarjament b'bieba minnhom tibqa' magħluqa bil-firolli fl-art u fuq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni sabiex tinbena washroom fuq il-bejt ta' Flt 16, Blk 1, Scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola (PA 5880/01) - spejjes tal-inkwilin u bil-kunsens tar-residenti fl-istess blokk?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 5880/01 tirreferi għal Block 2 Scheme 2 Flat 16, Paola. Din l-applikazzjoni għal washroom ġiet fil-fatt rifjutata mid-DCC fid-29 ta` Jannar 2002.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jordna li ssir spezzjoni tas-saqaf tal-flat 15, blk 1, scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola biex jivverifika kif dan huwa perikoluż u jordna li jsiru x-xogħolijiet biex dawn is-soqfa jsiru safe.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni li kien hemm biex jiġi installat lift fi blokk 1, scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola li fih 16-il appartament u hemm ħafna spazju fejn lift jista' jiġi installat faċilment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mir-records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet xi applikazzjoni għall-installar ta' lift minn residenti ta' Blokk 1 Scheme 2 Telgħet Raħal il-Ġdid, Paola.
Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' dħul minimu annwali biex persuna self-employed tiġi eżentata mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond artikolu 12 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali kull persuna li timpjega lilha nnifisha li tissodisfa lid-Direttur li ma tkunx qed taħdem għaliha nnifisha u li l-meżżi fis-sena tagħħa kalkolat skond id-dispożizzjonijiet ta' Taqsima I tat-Tieni Skeda li tinsab ma' dan l-Att, ma jkunx iżjed minn -
- Lm630 fil-każ ta' raġel miżżewweġ li jkun imantni għal kollox lil martu u li ma tkunx hi nnifisha taħdem għaliha nnifisha jew tkun f'impjieg assigurabbli jew
- Lm 430 fil-każ ta' kull persuna oħra
għandu jkollha jedd, fuq applikazzjoni lid-Direttur, li tirċievi ċertifikat ta' dħul baxx li jkun validu għal tnax-il xahar u filwaqt li jkollha dak iċ-ċertifikat, u sakemm ma jkunx hemm tibdil rilevanti fiċ-ċirkostanzi, din tkun eżentata mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tat-Tieni Klassi.