Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #32200 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Sleeping Policemen

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnhu li mhux qed jingħata l-permess bħalissa biex jsiru sleeping policemen fl-irħula? Jekk mhux il-każ, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji użati biex jaraw jekk tali permessi jingħatawx jew le?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kull talba li jkollu id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku għal road humps tiġi kkunsidrata u fejn ikun hemm ġustifikazzjoni biex issir road hump id-Direttorat jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
Leg 9 PQ #32202 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE

Question

B'riferenza għat-tweġiba parlamentari mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 31495, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari li ma ġietx indirizzata? Jista' l-Ministru wkoll jelabora dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni allegata mis-sidien tal-kalkari tal-ġir u jaġġorna l-Kamra dwar x'passi qed jittieħdu biex kwestjonarji mill-NSO jiġu mwieġba fuq dan il-qasam?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li peress li l-industrija tal-ġir hija waħda relattivament żgħira fis-settur tal-manifattura, l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jikkonċentra aktar fuq industriji akbar u aktar importanti għall-ġbir ta' tagħrif li jkun jeħtieġ. Dan ma jfissirx li ma jsirx kull sforz biex jinġabar it-tagħrif anke f'każijiet bħal tal-kalkari tal-ġir. Għaldaqstant ninsab infurmat li l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika jinsab f'kuntatt ma' dawk is-sidien tal-kalkari tal-ġir li qabel kienu jibgħatu l-kwestjonarju tagħhom lill-Uffiċju biex ikun jista' jiġi miġbur it-tagħrif dwar din l-industrija. Il-kalkari tal-ġir ilhom żmien għaddejjin minn bidliet fundamentali, kemm minħabba raġunijiet ambjentali kif ukoll minħabba l-evoluzzjoni ta' l-industrija tal-bini. F'dan il-każ, is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea hija biss element addizzjonali f'dan il-proċess ta' bidla. Din l-attivita', aktar milli salvagwardata, tenħtieġ li tiġi mħeġġa biex tkompli bir-ristrutturar meħtieġ. Dan qed isir, per eżempju, permezz tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini (BICC) fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura.
Leg 9 PQ #32207 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-PQ 31948 dwar il-kumpanija governattiva li tmexxi l-Orkestra Nazzjonali u cioe jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu opera performances fit-Teatri Għawdxin matul l-perjodu 1/1/1997 sa 30/9/1998? Liema kienu dawn u fejn ittellgħu? X'kienet l-ispiża nvoluta f'kull każ? JIsta' jwieġeb l-istess mistoqsijiet għall-perjodu mill-1 t'Ottubru 1998 sal-aħħar tas-sena li għaddiet? X'kontribut għamel il-Gvern f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Rigward l-ewwel erba' partijiet tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni għal mistoqsija numru 31948 waqt is-Seduta numru 707. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, jkun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 9 PQ #32213 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Opera Performances

Question

B'riferenza għall-ewwel parti tar-risposta mogħtija għal-mistoqsija parlamentari nru. 31948, jista' jikkonferma li l-Orkestra Nazzjonali għandha shareholding kollu ta' kumpaniji governattivi u tirċievi direttament mingħand il-Ministeru tiegħu għajnuna finanzjarja kull sena? Għaldaqstant, jista' l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija parlamentari nru. 31948?

Response (GALEA, LOUIS)

Fil-parti tal-Mistoqsija imsemmija ma kien hemm ebda riferenza għall-Orkestra Nazzjonali. Dwar performances ta' l-Orkestra Nazzjonali f'Għawdex nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 31948.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta għandha tiġi ppubblikata l-legal notice in konnessjoni ma' l-aħħar ftehim kollettiv li kien sar għall-ħaddiema fis-settur pubbliku biex jirregola l-pensjoni ta' dawk li kienu ngaġġati fis-Servizz Pubbliku qabel is-sena 1979? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li din il-miżura sejra tqum għall-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kontenut tal-Mistoqsija jindika li l-Onor. Interpellant mhux qed jirreferi għal pensjonijiet imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Paola — Lift

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31488 b'referenza għall-Blokk 2 (u mhux Blokk 1) skema 2, Telgħet Raħal Ġdid, Paola u cioe, jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni li kien hemm biex jiġi installat lift fi blokk 1, scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola li fih 16-il appartament u hemm ħafna spazju fejn lift jista' jiġi installat faċilment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultaliex li rċieviet xi applikazzjoni għall-installar ta' lift minn residenti ta' Blokk 2, Telgħet Raħal Ġdid, Paola.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pensjonanti li bi żvista nqabbżu milli jirċievu l-lira żieda li suppost ittieħdet b'effett mill-ewwel ta' Jannar 2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda pensjonant li kellu dritt għall-lira żieda li nqabeż bi żvista. Kull min kellu dritt għal Lm1 żieda rċieva ż-żieda f'Jannar. Skond l-informazzjoni li għandi mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali f'dawk il-każi fejn iż-żieda fil-pensjoni hija anqas minn żewġ terzi bħal, fil-każ ta' xi pensjoni mħallsa taħt xi Ftehim Reċiproku ma' pajjiż ieħor, ż-żieda trid tiġi stmata fuq bażi ndividwali u l-aħħar każijiet tħallsu dan ix-xahar. B'kollox kien hemm madwar 1000 każ. L-uniċi każi pendenti fejn għadha ma tħallsitx ż-żieda għall-għoli tal-ħajja huwa ta' dawk il-pensjonanti rikoverati f'xi istituzzjoni tal-Gvern għal kura ta' l-Anzjani. Ir-rata ta' żieda dovuta f'dan il-każ ma tistax tiġi kkalkulata qabel ma ssir stima tal-kontribuzzjoni dovuta mill-istess pensjonant lill-Kumitat tal-Welfare. Din l-istima ssir wara li d-Dipartiment għal Kura ta' l-Anzjani jkun għamel it-test tal-meżżi tal-persuni kkonċernati.
Leg 9 PQ #32184 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni u it-tielet parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 31587 li ġiet riferuta lilhu u cioe: Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-bozoz ta' xi sulari fil-Blk D, Dr B, Triq Pietro Gagliardi, Tarxien mhumiex qed jinbidlu? Jaf il-Ministru li r-residenti ilhom ix-xhur jgħidulhom li hemm xi ħsarat fil-main u madanakollu mhux qed isir xejn biexdin il-ħsara tissewwa? Jista' l-Ministru jara kif tista' tirranġa din is-sitwazzjoni nġusta għar-residenti tal-blokk u dawk li jżuruhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fil-fatt diġa' saret.
Leg 9 PQ #32185 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Sports Club

Question

Jista' l-Ministru b'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 31947, jgħid meta hu maħsub li titressaq ir-risoluzzjoni parlamentari li qed jirreferi għaliha?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi d-domanda lill-Ministru ta' l-Intern.
Leg 9 PQ #32187 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Choreographic Awards

Question

Jista' l-Ministru b'riferenza għal-mistoqsija parlamentari nru. 31944, jwieġeb il-mistoqsija dwar x'għamel il-Gvern Nazzjonalista biex jinċentiva l-qasam taż-żfin peress illi qed jammetti li ma sar l-ebda follow up għall- Choreographic Awards li kien saru fl-1997?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tul dawn l-aħħar erbgħa snin kumpaniji u gruppi Maltin ta' żfin ingħataw għajnuna finanzjarja biex ħadu sehem jew tellgħu 'events' ta' żfin f'Malta u, f'xi każi, anke f'pajjiżi ġirien. Din l-għajnuna tingħata lil min japplika wara li tkun ġiet evalwata l-kwalita` ta' l-'event' proposta. Inżid ngħid illi fl-iskejjel primarji ż-żfin huwa nkoraġġit fis-sillabu tal-physical education fejn huwa mgħallem il-moviment kreattiv permezz ta' attivitajiet ta' ritmu, danza u logħob ta' kant.
Leg 9 PQ #31948 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Opera Performances

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu opera performances fit-Teatri Għawdxin matul l-perjodu 1/1/1997 sa 30/9/1998? Liema kienu dawn u fejn ittellgħu? X'kienet l-ispiża nvoluta f'kull każ? JIsta' jwieġeb l-istess mistoqsijiet għall-perjodu mill-1 t'Ottubru 1998 sal-aħħar tas-sena li għaddiet? X'kontribut għamel il-Gvern f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ma taqax taħt l-operat tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni peress li hija informazzjoni li tirrigwarda entitajiet privati. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferiha lill-Minisru konċernat.
Leg 9 PQ #31949 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm mużiċisti li spiċċaw u oħrajn li daħħlu ġodda mill-Orkesta Nazzjonali mill-1 ta' Ottubru 1998 sal-lum? Jista' jgħid min inħatar bħala direttur ta' l-Orkestra Nazzjonali matul l-istess perjodu taż-żmien u x'remunerazzjoni għandu/kellu.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-1 ta' Ottubru 1998 sal-lum spiċċaw sitt mużiċisti u ġew impjegati sitt mużiċisti oħra. Informat li f'dan il-perjodu ma kienx hemm Direttur fiss iżda kien hemm sistema ta' "guest conductors".
Leg 9 PQ #31950 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Interim From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha performances uffiċjali l-Orkesta Nazzjonali matul is-snin 1997, 1998, 1999, 2000 u 2001 separatament? X'introjtu kellha l-Orkestra Nazzjonali matul l-istess snin separatament minn entitajiet li qabbdu l-orkestra tagħmel xi performances?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #31951 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Carnival Federation of Mediterranean Countries

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-Carnival Federation of Mediterranean Countries li kien ġie propost li jitwaqqaf f'Malta matul l-1997?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan is-suġġett għadu ħaj u anke dan l-aħħar waqt visita li delegazzjoni Maltija mill-Kummissjoni Nazzjonali tal-Folklor kellha ġo Viareggio dan is-suġġett reġa' ssemma. Aħna għadna lesti li ngħatu l-kollaborazzjoni tagħna biex jitwaqqaf forma ta' network ta' kollaborazzjoni fil-qrib fost l-Ibliet tal-Karnival tar-reġjun Mediterranju.

Tranġar ta' Residenzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jiġux rifonduti l-Lm 20 inizzjali li jħallsu applikanti għal għotijiet biex jirranġaw ir-residenza tagħhom, wara li ssir l-istess għotja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nittama li l-Onor. Interpellant qed jifhem li l-għotja li tingħata tissupera sostanzjalment l-ammont imħallas ma' l-applikazzjoni u għalhekk m'hemmx lok ta' rifużjoni.
Leg 9 PQ #31953 Sitting 707 2002-03-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjes iniżjali għandu individwu biex japplika għal stallazzjoni ġdida tat-telefon u kemm hu l-average waiting period biex jiġi stallat servizz ġdid f'pajjiżna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda spejjeż inizjali biex wieħed japplika għal servizz tat-telefon residenzjali. Hemm tariffa ta' Lm23, li tinkludi l-V.A.T., għall-installazjoni. Din it-tariffa jintalab il-ħlas għaliha fl-ewwel kont li joħroġ lill-abbonat. Il-Maltacom naqqset ħafna l-average waiting period u fejn ma jkunx hemm problemi, linja ġieli ingħatat anke fi żmien ħames jew sitt ijiem. Skond il-Manifest tal-Klijent tal-kumpanija, li jinsab ippubblikat fid-Direttorju tat-telefon, il-Maltacom tintrabat li fi żmien għaxart ijiem xogħol (ten working days) tikkonferma li s-servizz jista' jingħata u naturalment tkompli l-proċess biex tiġi stallata l-linja, jew jintbagħat avviż fejn l-applikant jiġi mgħarraf f'każ li jkunu jeżistu xi diffikultajiet tekniċi jew ta' natura oħra li jistgħu jikkaġunaw dewmien fl-istallazzjoni.

Shutterers

Question

JIsta' l-Ministur jgħid kemm hemm vacancies għall-post ta' shutterers skond it-trainership scheme mfassla mill-ETC riċentament u li għaliha applikaw madwar 400 persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Special Traineeship Scheme for the Construction Industry li tnediet mill-ETC u l-Federation of Building Contractors (FOBC) hu maħsub li tirrekluta 100 parteċipant. L-għażla finali ta' min jidħol fl-iskema hi tal-kuntratturi li ser jimpjegaw magħhom lill-parteċipanti fl-iskema. L-ETC qed tibgħat uffiċċjali tagħha biex tosserva l-proċess tal-għażla ta' dawn l-applikanti.
Leg 9 PQ #31943 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Euromed Trophy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma baqgħatx tiġi organizzata il-Euromed Trophy fl-ibburdjar li kienet saret l-ewwel darba f'pajjiżna fl-1997 fl-okkazjoni tal-Euromed Conference li kienet saret f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Euromed Trophy kienet ġiet organizzata mir-Royal Malta Yacht Club fl-okkażjoni tal-Euromed Conference fl-1997. Fis-snin ta' wara ma tressqet ebda proposta biex din l-attivita` terġa' ssir. Mis-sena 2000 il-Young Sailors Club bdew jorganizzaw il-Euromed Regatta għal żgħażagħ li jibburdjaw. Id-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għadda għajnuniet għal dawn it-tiġrijiet li qed joffru opportunita` lil tfal Maltin biex jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet ta' livell għoli.
Leg 9 PQ #31944 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Choreographic Awards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern meħħa għal-kollox il-Choreographic Awards li kienu saru l-ewwel darba fl-1997 f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi b'suċċess kbir u minflok il-Gvern Nazzjonalista ma daħħal xejn biex jinċentiva l-qasam taż-żfin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-'Malta Choreographic Group Awards' kienu saru darba fi Frar 1997 bħala parti mill-Maltafest tas-sena 1997. Fil-file uffiċċjali bir-referenza Cul.302/97 ma nstabu ebda 'records' ħlief li kien hemm suġġeriment li jitwaqqaf bord in konnessjoni ma' din l-attivita` taż-żfin.
Leg 9 PQ #31945 Sitting 706 2002-03-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Euro Mediterranean Youth Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proposta li kienet saret fl-1997 mill-Gvern Laburista u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex jitwaqqaf Euro Mediterranean Youth Centre f'Malta

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proposta biex jitwaqqaf Euro Mediterranean Youth Centre kienet saret mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u Ambjent, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport, Kultura u Arti u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. L-għan ta' din il-proposta kien li tinħoloq struttura permanenti li ġġib aktar viċin liż-żgħażagħ Ewropej u dawk minn pajjiżi fil-Mediterran. Dan kollu fi spirtu ta' koperazzjoni bejn iż-żgħażagħ, skambji ta' idejat u kulturi, u skambji ta' żgħażagħ. Il-lum l-affarijiet inbidlu u nemmnu li dan l-għan u funzjonijiet oħra li kellu jħaddan dan iċ-ċentru qed jiġu ndirizzati permezz ta' strutturi diġa' eżistenti. Bir-rijattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja iż-żgħażagħ qegħdin jingħataw l-opportunita` li jgawdu minn parteċipazzjoni akbar fil-kamp internazzjonali. Il-leħen taż-żgħażagħ qed jinstema' ma' awtoritajiet u għaqdiet oħra internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam ma' koperazzjoni bejn pajjiżi Ewropej u pajjiżi Mediterranji. Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ illum huwa membru tal-European Youth Forum, l-għaqda Ewropeja li tiġbor fi ħdanha l-għaqdiet kollha taż-żgħażagħ internazzjonali li ma jaħdmux bi qliegħ, u l-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ kollha tal-pajjiżi Ewropej. Dan il-Forum qed ikun dejjem aktar effettiv sabiex żgħażagħ minn pajjiżi Ewropej u Mediterranji jingħataw l-opportunita` li jsemmgħu leħinhom fuq diversi oqsma li jolqtuhom mill-qrib. Il-programmi biex jiġu nkoraġġiti skambji ta' kulturi, edukazzjoni u tħariġ bejn pajjiżi Ewropej u Mediterranji qegħdin jiġu nkorporati fil-ħidma ta' l-EUPU (European Union Programmes Unit). Ta' min isemmi wkoll li fis-sena 2000 il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ kien organizza l-Mediterranean Youth Forum, li għalih kienu attendew madwar 40 parteċipant minn diversi pajjiżi Mediterranji. Dan il-Forum kien suċċess tant, li s-sena ta' wara l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ applika biex Malta tkun il-koordinatur permanenti tal-Mediterranean Youth Forum. Din l-applikazzjoni għadha pendenti.