Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew towed karozzi xahar b'xahar minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tat-towing sa Ottubru 1998? Kemm minn dawn kienu karozzi privati u kemm kienu heavy vehicles jew kummerċjali? Kemm inġabru multi għal dan l-aġir kull xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
15.12.98 (pm)
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm kienu l-barranin li xtraw proprjeta' f'Malta? X'nazzjonalita' kellhom u kemm minn dawn reġgħu biegħu l-istess proprjeta'? Kemm kien it-total tal-valur tal-proprjeta' akkwistata mill-barranin għal kull sena?
Response (DALLI, JOHN)
Rigward in-numru ta` barranin li xtraw proprjeta` f`Malta matul l-aħħar ħames snin, sena b`sena, qed tingħata l-informazzjoni meħtieġa fl-annessa Tabella mmarkata Dokument `A`.
Għar-rigward ta` liema nazzjonalita` kienu qed tingħata l-informazzjoni meħtieġa fl-annessa Tabella mmarkata Dokument `B`.
Ma tinżammx statistika speċifika għar-rigward ta` bejgħ ta` proprjeta` mill-barranin għax il-liġi tirregola l-akkwist ta` proprjeta immobbli mill-barranin u mhux il-bejgħ tal-istess propjeta immobbli mill-barranin.
Nissuġġerixxi pero` li l-Onorevoli Membru jindirizza din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mir-Reġistru Pubbliku.
Għar-rigward tal-total tal-valur tal-propjeta` immobbli akkwistata mill-barranin għal dawn l-aħħar ħames snin, qed tingħata l-informazzjoni meħtieġa fl-annessa Tabella mmarkata Dokument `C`.
B'riferenza għall-aħħar diskors tal-Budget fejn intqal li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-impiegi fis-settur pubbliku żdiedu b'mod "li nfetħu l-bibien berah", jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt żdiedu l-impiegi? X'kategoriji kienu u f'liema dipartimenti kienu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat illi waqt li f'Awissu 1998 iddaħħlu 245
ħaddiem ġdid mal-Gvern, fit-tlett xhur ta' qabel iddaħħlu
biss bejn 29 u 34 impjegat ġdid f'kull xahar.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tlett skedi bid-
dettalji ta' dawn l-impjiegi li saru matul il-perjodu
msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jikkalkola li se jkun il-qliegħ mill-bejgħ tal-petrol, kemm dak leaded kif ukoll unleaded, is-sena d-dieħla, jiġifieri fl-1999?
Response (DALLI, JOHN)
Hu kalkolat li ż-żieda fid-dħul tal-Gvern miż-żieda fid-dazju tas-sisa fuq il-petrol kemm dak leaded kif ukoll dak unleaded, hi ta` Lm3.2 miljuni fis-sena.
Informazzjoni addizzjonali:
KULL LITRU
TIP TA` PETROL SISA QABEL SISA WARA DĦUL
IL-BUDGET IL-BUDGET ADDIZZJONALI
Unleaded (Lt 27.5m) 27c5 32c5 Lm1.4 m
Leaded (Lt 73.5m) 30c5 32c5 Lm1.8 m
Jista' l-Ministru jgħid meta u jekk Malta ssir membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, kif dan jaffetwa l-kondizzjonijiet ta' l-għalliema? Veru li l-kondizzjonijiet ta' l-għalliema Maltin huma l-aħjar fost il-pajjiżi Ewropej? Tista' l-Unjoni Ewropea timponi tibdil f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jagħti comparative analysis ma' dawk tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bi sħubija fl-Unjoni Ewropeja l-għalliema Maltin għandhom jibbenefikaw minn parteċipazzjoni fil-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja.
Jekk il-kundizzjonijiet ta' l-għalliema humiex l-aħjar jew le fost il-pajjiżi Ewropej, ma nistax ngħid għax dan il-ġudizzju irid ħafna studju dettaljat. M'iniex f'pożizzjoni li nagħti 'comparative analysis' tal-kundizzjonijiet ta' l-għalliema Maltin vis-a-vis il-pajjiżi ta'l-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx min kienet dik il-persuna li skond kif ġie rrapportat fuq il-mezzi tax-Xandir nhar il-ġimgħa 13 ta' Novembru, 1998 kienet qed iġġorr arma tan-nar fl-Isptar San Luqa? Jekk il-Ministru jaf, jista' jgħid x'kienet u kemm tiswa l-ħsara li saret meta din l-arma sparat? Jista' jgħid ukoll jekk humiex se jittieħdu passi kriminali kontra l-persuna nvoluta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-każ li għalih qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hu f'idejn il-pulizija. Sa issa l-persuna għadha ma ġietx identifikata, iżda jekk dan iseħħ, żgur li jittieħdu passi kriminali kontra tagħha.
Il-ħsarat li saret meta l-arma sparat ikkaġunat toqba żgħira fis-saqaf tal-kuridur li jinfed mill-Isptar San Luqa għal Karen Grech Theatre. Din il-ħsara hi kkunsidrata minima.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-ispiża tal-ħabs il-ġdid li qed jinbena? Meta se jkun lest? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk huwiex se jkun hemm klinika adegwata tajba biżżejjed bi staff mediku ta' tobba u nurses, biex meta xi priġunier jiġrilu xi ħaġa ma jintbgħatx fl-Isptar Monte Carmeli ta' Ħ'Attard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tal-bini tal-proġett tal-Ħabs ta' Kordin li huwa stmat li tiswa madwar Lm883,948 mistennija li titlesta għal Frar tal-1999.
It-tieni fażi tal-proġett huwa stmat li se jkun jiswa madwar Lm2,810,000 u huwa maħsub li jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2001. Peress li għad irid isiru negozjati mal-kuntrattur dwar l-istima finali tal-proġett, il-figura kkwotata għat-tieni parti tista' tvarja.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-ħabs diġa' teżisti faċilita' ta' tobba u nurses li jkopru erba' u għoxrin siegħa kuljum. Hu maħsub li meta jitlesta l-ħabs il-ġdid ikun hemm faċilita' fejn jiġu rikoverati priġunieri dment li dawn ma jkunx hemm bżonn li jittieħdu l-isptar għal xi operazzjoni jew intervent ieħor (kirurġiku jew mentali) li ma jkunx jista' jsir fil-ħabs stess.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħalqu l-Ward 10 ta' l-irġiel u dik tan-nisa fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' jgħid x'se jsiru mill-pazjenti li normalment ikollhom bżonnhom jinżammu fis-single rooms għax jistgħu jkunu ta' ħsara għalihom jew għal pazjenti oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-problema tal-ward 10 ser tiġi solvuta fis-sena 1999. Qiegħed jiġi studjat proġett li permezz tiegħu l-male ward 10 tintuża biss għal priġunieri; il-female ward 10 tiġi adattata bħala medium term unit tan-nisa b'sezzjoni ta' sigurta' iżjed moderna u limitata; il-male ward 2 ukoll tiġi adattata bħala medium term unit ta' l-irġiel b'sezzjoni ta' sigurta' moderna u limitata; il-female ward 6 issir mixed short stay acute admission ward (bħal ta' St. Luke's u Għawdex) b'mixed day living area u b'sezzjonijiet ta' rqad separati. Din l-aħħar unit tiġi eventwalment trasferita għall-isptar il-ġdid, Tal-Qroqq.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex drug addicts qed jiġu riferuti fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' kura dawn jingħataw f'dan l-isptar li ma tistax tingħata f'postijiet oħra? Jaħseb il-Ministru li dawn id-drug addicts ma jsofru mill-ebda mard mentali? Jaħseb ukoll li meta jkunu hemm jistgħu jkunu ta' ħsara għalihom jew għal ħaddieħor?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Drug addicts ġieli jkollhom problemi oħra ta' natura psikjatrika, jew bħala marda mentali, inkella bħala difett fil-karattru tagħhom, jew inkella bħala mġieba perikoluża kkawżata mill-istat akut tal-abbuż tad-droga. Ukoll ċerti tipi ta' abbużi jistgħu huma stess jikkawżaw mar mentali li jirrikjedi li l-pazjent jidħol temporanjament ġo sptar mentali. Diversi pazjenti bi problemi differenti jistgħu jkunu ta' ħsara għal ħaddieħor u mhux possibbli li l-kategoriji kollha jiġu mifrudin minn xulxin. Huwa x-xogħol ta' l-isptar illi fejn pazjenti huma mħalltin ma' xulxin, jittieħdu l-miżuri meħtieġa skond ir-riżorsi li jeżistu biex din il-ħsara tiġi minimizzata.
B'riferenza għad-diskors tal-Budget mill-Ministru John Dalli, jista' l-Ministru jgħid kemm se jibbenefikaw familji għaċ-children's allowance li jkollhom aktar minn ħamest itfal u li d-dħul tagħhom tela' minn Lm10,000 għal Lm13,000?
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 838 dwar in-nuqqas ta' tagħrif mogħti għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 215, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija? Għaliex tħalla barra l-ammont indikat minni ta' nuqqas ta' ħlas ta' kera? Jista' l-Ministru jgħid f'liema snin kien chairman tal-Marsa Racing Club s-Sur Paul Midolo u peress illi qal li meta ma tħallsitx il-kera dovuta mill-gvern ma kienx chairman is-Sur Midolo, jista' l-Ministru jgħid min kien iċ-chairman?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas tal-kera dovuta lill-Gvern ilu ma jsir mill-1987. Iċ-Chairman tal-Club bejn l-1987 u l-1990 kien is-Sur Alfred Sant Fournier u s-Sur Paul Midolo kien Chairman bejn l-1990 u l-1996. Ta' min jinnota li l-ħlas tal-kera ma sarx lanqas bejn l-1996 u l-1998 meta kien Chairman is-Sur George Borg Cardona li kien ġie maħtur mill-Onor. Inerpellant.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 837, jista' l-Ministru jgħid x'kien il-ftehim milħuq bejn il-kumitat u l-membri (sidien u ġerrejja) tal-Marsa Racing Club? Dawn ta' l-aħħar intalbu xi kontribut finanzjarju biex isiru x-xogħlijiet indikati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta'l-upgrading tal-korsa sar wara ftehim li ntlaħaq fil-Kumitat Eżekuttiv iżda dejjem kien hemm qbil bejn il-Kumitat u s-sidien li kienu jinżammu infurmati permezz ta' laqgħat li kienu jissejħu apposta. Ma kien hemm ebda kontribut finanzjarju dirett mis-sidien lejn dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema/instructors tal-Gvern li ġew trasferiti biex jaħdmu f'segretarjati tal-ministeri u segretarji parlamentari?
B'riferenza għat-tweġiba tiegħi mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 985 dwar il-każijiet li tressqu quddiem id-Dipartiment tal-Konsumatur, jista' l-Ministru jgħid: (a) x'kienu l-116-il każ mit-total ta' 669 li kien hemm fl-1998 li ma joħroġx fil-breakdown mogħti, ladarba ma kenux ġustifikati u lanqas milqugħa; u (b) jista' jwieġeb il-parti tal-mistoqsija: "X'passi ttieħdu kontra dawk li kisru l-liġi?"
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-breakdown mogħti għall-mistoqsija parlamentari numru 985, fil-fatt ma joħroġx l-ammont ta' 216-il każ.
Jiena nfurmat li 110 każi għadhom qed jiġu ttrattati mit-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-106 każi l-oħra għadhom qed jiġu investigati mid-Dipartiment.
Id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandu l-funzjoni ta' medjazzjoni u għalhekk hija l-policy ta' l-istess dipartiment bħalma hija l-prattika fl-Ewropa, li jeduka kemm lill-kummerċjant kif ukoll lill-konsumatur. Jittieħdu passi legali kontra l-kummerċjant kemm il-darba dan ma jirregolax ruħu wara li d-dipartiment ikun ġibidlu l-attenzjoni għall-irregolarita'.
Din hija l-policy imħaddma fl-Ewropa. Fil-fatt l-Ombudsman tal-Konsumatur ta' l-Isvezja, waqt żjara f'Ġunju ta' l-1997 fuq stedina tal-Ministeru tal-Finanzi, ikkonferma li huwa jopera fuq il-linji adottati f'pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li fir-rigward tal-ħaddiema tal-port, magħrufin bħala "tal-guy", hux se jkun permess illi l-ulied subien jieħdu l-post tax-xogħol li wirtu mingħand il-parentela tagħhom, minkejja li meta seħħ il-wirt kienu għadhom taħt l-eta' iżda llum il-ġurnata laħqu l-eta' maġġorenni? Jista' l-Ministru jispjega l-policy tal-gvern għal dawn il-ħaddiema tax-xatt? Is-sistema tal-wirt tal-post tax-xogħol se tibqa'? Jekk fl-affermattiv, kif?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond ir-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħaddiema tal-Port, waħda mill-kundizzjonijiet mitluba sabiex iben ta`ħaddiem tal-port ikun eliġibli biex jimla il-vakanza ta` meta jirtira l-missier hi li fid-data ta` l-irtirar tal-missier irid ikollu `l fuq minn 18 il- sena.
Minkejja dan, ir-Regolamenti jipprovdu wkoll li iben ta` ħaddiem tal-port li jkun taħt it-18 il-sena iżda akbar minn 16 il-sena fiż-żmien li fiħ il-missier imut jew jirtira jista` jirreġistra bħala Ħaddiem prospettiv fi żmien xahar mill-mewt jew irtirar mix-xogħol tal-missier. L-iben minuri jikkwalifika għar-reġistrazzjoni ta` ħaddiem tal-Port meta jagħlaq 18-il sena u jkun jissodisfa l-kundizjonijiet għall-mili ta` vakanza ta` ħaddiem tal-port.
Ir-Regolamenti ta` l-1993 jistabbilixxu li d-dritt tal-wirt ma jibqax jiġi applikat għal dawk il-ħaddiema li ġew reġistrati bħala ħaddiema tal-port wara t-23 ta` Ottubru 1992.
B'riferenza għall-aħħar diskors tal-Budget moqri mill-Onor. John Dalli, jista' l-Ministru jiggarantixxi li matul is-sena li ġejja ma joħorġux legal notices li bihom jgħolew xi oġġetti u b'hekk tgħola l-ħajja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li la jiena u lanqas l-ebda Ministru ieħor ma' jista' jiggarantixxi dak li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
Jiena ċert li lanqas fl-amministrazzjoni preċedenti ma setgħet tingħata tali garanzija.
Jista' l-Prim Ministru jara li meta l-pulizija tressaq u takkumpanja lil xi persuna/i fil-qorti ma daħħalhomx mill-bieb prinċipali tal-qorti qisha qed tagħmel xi show bihom? Dawn jistgħu jidħlu mill-bieb ta' wara li hemm fi Strait Street?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onor Interpellant hu mitlub li jagħmel id-domanda lill-
Ministru responsabbli għall-Intern.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-persumni li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjati tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari?
Jista' l-Prim Ministru jindika wkoll id-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom, id-dmirijiet li qegħdin jaqdu issa u x'allowance qegħdin jirċievu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija
minni għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 81, 290 u 647.
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti tal-persuni li
għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat Privat tiegħi u
f'dak tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi issa
beda imma għadu ma ġiex konkluż. Għalhekk, risposta sħiħa
għal din il-mistoqsija f'dak li jirrigwarda il-Ministeru
tiegħi tingħata f'xi seduta oħra.
Jekk l-Onor Interpellant jixtieq dettalji dwar staff
f'Segretarjati Privati oħra, nistiednu jagħmel il-
mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sezzjoni tal-pulizija - l-Administrative Law Enforcement (ALE) - waqfitx milli tkompli tieħu passi biex tneħħi karozzi abbandunati fit-toroq? Jekk le, kemm ġabret karozzi, xahar b'xahar, minn Jannar 1998 sa Novembru 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sezzjoni ta' l-A.L.E. tal-Pulizija, ma waqfitx milli tneħħi vetturi abbandunati. Fil-fatt matul din is-sena tneħħew dawn il-vetturi :
Jannar 28
Frar 25
Marzu 17
April 23
Mejju 16
Ġunju 11
Lulju 17
Awissu 4
Settembru 9
Ottubru 17
Novembru* 15
14.12.98(pm)
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew sospiżi ħaddiema fis-Servizz Ċivili, sena b'sena mill-1992 'il hawn? Kemm minn dawn ġie eventwalment terminat l-impjieg tagħhom? X'kienet ir-raġuni tas-sospensjoni f'kull każ? Kemm-il persuna sospiża eventwalment kompliet bix-xogħol tagħha fis-Servizz Ċivili?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi t-tip ta' każijiet li fihom impjegati
tal-Gvern jistgħu jiġu sospiżi u eventwalment jiġu
nterdetti huma:
każijiet dwar reati serji ta' dixxiplina li jiġu
nvestigati mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-
Servizz Pubbliku; u
każijiet kriminali fil-Qorti li fihom ikunu nvoluti
uffiċjali pubbliċi.
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa miġbur
fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.