Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4287 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Karnival — Imħażen

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparazzjonijiet għall-imħażen biex fihom jibdew jinħadmu l-karrijiet tal-Karnival minflok Sant'Iermu li ħejja l-aħħar Gvern Laburista? X'taħdidiet kellu l-ministeru/segretarjat biex jistgħu jinħarġu f'post adegwat dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-karnival f'Sant'Iermu u biex din il-fortizza tiġi riabilitata bħala attrazzjoni turistika?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4030.
Leg 9 PQ #4288 Sitting 61 1999-02-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Karnival — Federazzjoni Internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet/taħdidiet li kienu bdew taħt Amministrazzjoni Laburista biex f'pajjiżna titwaqqaf is-sedia ta' Federazzjoni Internazzjonali għall-Karnivali fil-Mediterran? Il-gvern tal-ġurnata beħsiebu jsegwi din l-idea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Awissu 1998 delegazzjoni tal-Kumitat tal-Karnival komposta mis-sinjuri George Zahra, Vincent Scicluna u Joseph Sapiano marret Viareggio u Nizza sabiex isiru diskussjonijiet preliminari dwar it-twaqqif ta' tali Federazzjoni u din għamlet rapport fejn ġie rakkomandat li delegazzjoni minn dawn iż-żewġ kumitati jiġu Malta ħa jkomplu jiddiskutu.
Leg 9 PQ #4033 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Clamping/towing ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet kklampjata u/jew ittowjata mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Kemm ġabar flus il-gvern minn l-imsemmija kontravenzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn is-7 ta' Settembru, 1998, u l-31 ta' Diċembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew ikklampjati u ta' dawk li ġew ittowjati kien ta' 90 u 914 rispettivament. L-ammont li tħallas rigward dawn il-kontravenzjonijiet kien ta' Lm44,059. 02.02.99
Leg 9 PQ #4034 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Negozjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna li tħaddem negozju għażlet li tibqa' barra mis-sistema tar-refunds li tagħti l-liġi tal-VAT? Kemm-il persuna għadha m'għażlitx jekk se tħaddimx is-sistema tar-refunds jew le?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mat-tweġiba li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 4011.
Leg 9 PQ #4035 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk komplewx id-diskussjonijiet bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Planning Authority dwar il-premises tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ f'St. Francis Revelin? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-Gvern li jħalli l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-premises ta' St. Francis Revelin jew li jsib alternattiva oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saru xi diskussjonijiet informali bejn is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u ċ-Chairman u s-Segretarju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Qabel ma jinstabu premises alternattivi li jkunu sodisfaċenti għall-partijiet involuti, mhux ser tittieħed deċiżjoni dwar ir-rilokazzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #4036 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Studenti Universitarji — Stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-gvern u l-Kunsill Studenti Universitarji dwar l-istipendji wara l-istħarriġ li sar mill-istess studenti? X'inhuma l-proposti magħmulin lill-Gvern? Il-gvern beħsiebu jaddottahom kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kummissjoni Students Stipend Scheme Commission kellha diskussjonijiet mar-rappreżentanti ta' l-istudenti ta' l-Universita', jiġifieri l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), u dawn ukoll ippreżentaw rapport tagħhom b'ġabra ta' "working documents" li ġew studjati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qegħda fl-istadju ta' deliberazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha biex tkun tista' tħejji r-rapport tagħha.

Toroq — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se jintnefqu l-flus allokati lid-Dipartiment tat-Toroq vis-a-vis kostruzzjoni ta' toroq ġodda għas-sena 1999? Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet se jsiru l-imsemmija xogħlijiet mid-dipartiment imsemmi u meta se jibda x-xogħol f'kull lokalita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-flus allokati lid-Dipartiment tat-Toroq ser jintefqu kif muri fit-tabelli ppubblikati fl-estimi ġenerali tal-25 ta` Novembru 1998. Ix-xogħol ġeneralment isir ftit jew wisq fil-lokalitajiet kollha u jitqassam skond ir-riżorsi disponibbli matul is-sena kollha. Bħalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal il-pjan neċessarju għax-xogħol meħtieġ f`diversi lokalitajiet.
Leg 9 PQ #4065 Sitting 59 1999-02-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Passenger handling fee

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3959 dwar il-passenger handling fee, jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar żewġ mistoqsijiet li fil-fatt ma weġibx?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli wieħed jgħid kemm ser iddaħħal aktar il-Malta International Airport miż-żieda fil-passenger service charge għax dan id-dħul jiddependi minn kemm jgħaddu passiġġieri mill-ajruport. Lanqas huwa possibbli li wieħed jgħid kemm għamlet profitt l-MIA sa l-aħħar ta' l-1998, peress li s-sena finanzjarja tagħlaq fl-aħħar ta' Marzu ta' din is-sena.

Karozzi — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta roħos il-pitrolju fl-aħħar budget sal-ġimgħa 22 ta' Jannar, 1999, kemm saru spezzjonijiet fuq karozzi biex ikun żgurat li ma sarux taħliet ta' pitrolju mad-diesel? Kemm minn dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw pożittivi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li spezzjonijiet fuq karrozzi b`konnessjoni mal-possibilta` ta` taħlit ta` pitrolju mad-diesel ilhom ma jsiru mill-1996.
Leg 9 PQ #4028 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — VIP Arrival Lounge

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-ġurnalista tan-"Nazzjon Tagħna" li ismu qed jintbagħat separatament ġie mġiegħel jgħaddi u jagħmel użu mill-VIP arrival lounge ta' l-airport tal-Gudja flimkien ma' persuna oħra meta wasal mat-titjira BA 6938 tal-Bristish Airways fis-7.30 p.m. minn Gatwich nhar is-7 ta' Jannar, 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-ġurnalist ta' 'In-Nazzjon Tagħna' u l-persuna l-oħra li għaliha saret referenza, fid-data msemmija għaddew mill-Gerolamo Cassar VIP Lounge tal-Malta International Airport peress li kienu l-mistednin ta' membru tal-La Valette Club. Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li kull membru tal-La Valette Club għandu d-dritt jitlob li xi mistieden jew mistednin tiegħu jgħaddi mill-VIP Lounge fi tluq jew wasla fl-ajruport.
Leg 9 PQ #4029 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Tibdil fil-liġi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern għat-tibdil fil-liġi tal-kunsilli lokali? Meta beħsiebu l-gvern iressaq dawn it-tibdiliet quddiem il-Parlament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ir-reviżjoni ta`l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali, bħal kull reviżjoni oħra, issir bil-għan li l-provvedimenti rispettivi jiġu aġġornati biex jirriflettu s-sitwazzjoni attwali u l-ħtiġijiet tal-mument kif ukoll dawk tal-futur. Bħalissa għadhom għaddejjin diskussjonijiet fl- Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u mill-Assoċjazzjoni Segretarji Kunsilli Lokali. Wara li dan jintemm, f'qasir żmien tiġi pubblikata white paper biex wara jitressaq Abboz li jemenda l-liġi.
Leg 9 PQ #4030 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Karnival — Workshops

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb li jkomplu fuq il-linji tal-gvern preċedenti li jkun hawn workshops adattati għal dawk li jaħdmu l-floats tal-karnival, partikolarment minflok Sant'Iermu li jista' jintuża aħjar għat-turiżmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħsieb li jinbnew workshops adattati għal dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-Karnival ilu ħafna magħna u item f'dan is-sens kien diġa' deher fl-Estimi Ġenerali tal-1994 li kien jammonta għall-Lm50,000. Għaddejja ħidma neċessarja ma'l-Awtorita' ta' l-Ippjanr biex isir Brief u xogħol ieħor neċessarju ħalli jkun jista' joħroġ il-permess. Fl-Estimi ta' din is-sena hemm l-istess ammont li kien ġie provdut is-sena ta' qabel cioe' ta' Lm10,000.
Leg 9 PQ #4031 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Karnival — Sfilati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern hux se jimxi mal-pjan tal-Gvern preċedenti rigward ir-rotta ta' l-isfilata tal-Karnival ċioe' li ma tgħaddix min fuq l-art il-ġdida ta' Triq ir-Repubblika? Instab sit alternattiv għal enclosure? Jekk instab, fejn hu maħsub li jintrema'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ewwel parti tad-domanda hija fin-negattiv peress li ser tintuża l-istess rotta tas-soltu. Nixtieq ngħid li ttieħdu l-passi kollha neċessarji biex it-tractors kollha involuti jkollhom 'cover' minn taħt sabiex ma jqattru ebda żejt jew diesel fit-Triq ir-Repubblika u postijiet oħra. Il-Karnival ta' Malta 1999 ser jiġi ċċelebrat fil-Belt Valletta bl-enclosure armat f'Misraħ il-Ħelsien u bi sfilata li tgħaddi wkoll minn Triq ir-Repubblika.
Leg 9 PQ #4032 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Riċevimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li ntnefqet f'riċevimenti/ospitalita' xahar b'xahar matul is-sena 1998 ta' kull kunsill lokali f'Malta u f'Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali u fil-qadi tal- funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsilli Lokali rispettivi billi l- funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir- responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Leg 9 PQ #3963 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjonijiet — Impjegati

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 3645, jista' l-Ministru jagħti t-tweġiba rikjesta fl-istess mistoqsija in konnessjoni għal ingaġġ mal-korporazzjonijiet/entitajiet pubbliċi separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #3964 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Settur pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentari numru 3645 li tirriferi għal stima ta' salarji t'impjegati fis-settur pubbliku kif mitlub?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tingħata tweġiba f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #3903 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm twelid irreġistrat f'pajjiżna matul l-1998? Kemm minnhom saru fl-isptarijiet statali, kemm fi sptarijiet privati u kemm fi djar privati separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' twelid irreġistrati f'Malta u Għawdex matul l-1998 kien ta' 5,146. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar fejn ikun sar it-twelid. 25.01.99
Leg 9 PQ #3904 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Imwiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn mwiet f'pajjiżna matul l-1998 bħala total? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn kienu: (i) ta' sess feminili; (ii) ta' sess maskili; (iii) 'il fuq minn 60 sena; (iv) bejn 30 u 60 sena; u (v) taħt it-30 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' imwiet irreġistrati f'Malta u Għawdex matul l-1998 kien ta' 3,098 li minnhom 1,486 kienu ta' sess femminili u 1,612 kienu ta' sess maskili. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika bl-etajiet ta' dawk li jmutu. 25.01.99
Leg 9 PQ #3905 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn żweġijiet sena b'sena f'pajjiżna bejn l-1995 u 1998 (inklużi tnejn)? Kemm minn dawn kienu żweġijiet ċivili biss u kemm skond is-sit tal-Knisja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar żwieġijiet f'Malta u Għawdex hu kif ġej : - Sena Żwieġijiet bil-Knisja Żwieġijiet Ċivili ---- --------------------- ----------------- 1995 1972 345 1996 1982 358 1997 2036 365 1998 1956 404 25.01.99
Leg 9 PQ #3958 Sitting 55 1999-01-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal żvilupp pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Liema applikazzjoni ilha l-aktar pendenti quddiem l-istess Awtorita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha quddiema 3568 applikazzjoni pendenti għall żvilupp. L-applikazzjoni PA 5704/80, li ġiet reġistrata ma' l-Awtorita' f'Jannar 1993, hija l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti quddiem l-Awtorita'. 25.01.99