Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kemm dawk ta' azjendi privati u ħwienet kif ukoll dawk privati (tad-djar)? Kemm se jkun il-perjodu li fuqhom se jinħadmu l-kontijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kontijiet tal-heavy consumers (industrijali/hotels u kummerċjali) diġa' bdew joħorġu. Għal dak li jirrigwarda konsumaturi domestiċi, fi ftit ġranet oħra se tintbagħtilhom ittra li fiha jkun spjegat il-kreditu li se jieħdu bħala riżultat tat-tariffi l-ġodda. Għal bidu ta' April jirċievu kont li jkun għal perjodu ta' xahrejn u nofs. Dawn ikunu xahrejn u nofs li jmiss wara l-perjodu li għalih nħareġ l-aħħar kont.
Il-kontijiet għall-konsumaturi domestiċi wara dak li jmiss se jibqgħu joħorġu għal perjodu ta' erba xhur. Naturalment dawn joħorġu xi ftit aktar spiss minn kull erba' xhur biex jiġi rkuprat iż-żmien li fih ma ntbagħtux kontijiet.
Servizz Ċivili — Eżamijiet għall-grad ta' Executive Officer
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-eżamijiet għall-grad ta' Executive Officer fi ħdan is-Servizz Pubbliku fid-dawl tat-talbiet li qed isiru mill-Unions u minħabba l-fatt li dawn l-eżamijiet ilhom ma jsiru għal aktar minn ħames snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma hemmx il-ħsieb li jsir eżami mmedjat
biex jimtlew postijiet ta' Executive Officer.
Għalkemm dan l-eżami ilu ma jsir, minn żmien għal żmien,
impjegati fil-gradi ta' Clerk jilħqu Executive Officers
skond il-provvedimenti tal-Ftehim dwar il-General Service
Grades. Fl-aħħar ftit xhur saru madwar ħamsin Executive
Officer b'dan il-mod.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ntlaqgħet għall-postijiet vakanti ta' Assistant Director fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Kemm-il vakanza teżisti u kemm applikaw għal kull vakanza, waħda waħda? Jista' l-Prim Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, se jsiru l-intervisti għal postijiet imsemmija hawn fuq?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-informazzjoni li tista tingħata f'dan
l-istadju hija li hemm 135 post vakant ta' Assistenti
Diretturi. Dan minħabba l-fatt li s-sejħa għall-
applikazzjonijiet tagħlaq fis-16 ta' Marzu.
Ninsab infurmat ukoll li bejn wieħed u ieħor l-intervisti
mistennija jibdew għall-ħabta ta' April/Mejju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li vetturi tat-tip commercial se togħlilhom il-liċenzja tal-pulizija? Jekk se tiżdied b'kemm se tiżdied? Jekk se jkun hemm żieda, din se taffettwa lis-self-employed ukoll, anke dawk li għandhom vettura jew vetturi li jħaddmu n-negozju tagħhom bihom?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' petrol stations f'Malta u Għawdex separatament? Hemm xi intenzjoni li jiftħu oħrajn ġodda? Jekk fl-affermattiv, f'liema lokalitajiet huwa maħsub li jiftħu? Mill-petrol stations eżistenti, jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom għandhom ATM's?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Fid-dawl tal-wegħda li kien għamel il-Partit Nazzjonalista lill-kaċċaturi qabel l-elezzjoni li għaddiet li se jħalli r-regolamenti dwar il-kaċċa u l-insib kif ġew modifikati b'għaqal minn Gvern Laburista u m'hu se jsir xejn illi jagħmel is-sitwazzjoni ta' dawn it-talin agħar; u fid-dawl ta' l-avis aġġornat li għadu kif ġie ppubblikat li jitlob "sine qua non" li dawn ir-regolamenti jridu jinbidlu mill-Gvern preżenti jekk irid jipproċedi għal sħubija sħiħa ma' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-gvern tiegħu beħsiebu jipproċedi 'il quddiem mingħajr ma jmur lura mill-wegħda lill-kaċċaturi/nassaba jew it-triq ta' sħubija sħiħa fl-UE?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib f'Malta għad trid tiġi
diskussa u negozjata ma l-Unjoni Ewropea fil-kontest ta'
dak li hemm fil-programm elettorali tal-Partit
Nazzjonalista. F'dan ir-rigward, il-Gvern ser jinvolvi,
kif wiegħed, lir-rappreżentanti tal-kaċċaturi u nassaba fil-
proċess tas-sħubija, sabiex b'hekk l-interessi tagħhom jiġu
salvagwardjati bl-aħjar mod possibli waqt in-negozjati għas-
sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li għad iridu jibdew.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' mediċini/farmaċewtiċi li kienu out of stock u li huma out of stock bħalissa, li huma pprovduti mis-servizzi farmaċewtiċi governattivi? Jista' l-Ministru jikkonferma li bħalissa hemm "serevent" inhaler ma' dawn? X'inhi r-raġuni għal dan in-nuqqas u kemm ilha out of stock kull mediċinali rispettiva?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċini li kienu 'out of stock' fil-25 ta' Frar 1999 fl-ispiżeriji tal-Gvern kienu:
1. mediċini li ġew ikkunsidrati mid-Drug and Therapeutics Committee(DTC) biex jinqatgħu mill-Formularju imma li jridu jinżammu għal każijiet partikulari u li issa qed jerġgħu jinxtraw:
Stilboestrol 1mg tablets
Nitrofurantoin syrup
2. mediċini li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandhom problema biex jixtruhom:
MEDICINA DATA MINN META
WAQA'
OUT OF STOCK
------------------------------------------------- Gluten free flavoured biscuits 16-02-1999
Hyoscine butylbromide tablets 12-02-1999
Prothionamide tablets 01-01-1999
Methylergometrine 01-08-1998
Gluten free bread 24-01-1999
3. mediċini li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom fl-ispiżeriji tal-Gvern.
White soft paraffin
Methylsalicylic acid ointment
Ephedrine 1% nasal drops
Isopropyl alcohol 70% - batch product recall
Fil-każ ta' 'Serevent Inhaler', stocks ta' din il-mediċina huma available fis-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jara li titranġa kemm jista' jkun malajr Triq San Ġwann kantuniera ma' Triq Louis Schikluna, l-Fgura li tinsab sfrundata kawża ta' katusa tad-drenaġġ li kienet sfrundat u li għalkemm tbidlet, it-triq baqgħet fl-istess stat għal madwar sena u nofs?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant diġa sar, minn min hu responsabbli għal dan ix-xogħol (il-Kunsill).
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha l-Forzi Armati ta' Malta: a) armi tan-nar (x'tip u ditta huma); 2) artillerija (u x'tip); u 3) vetturi (u x'tip u sena ta' manifattura)?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma jidhirlix li l-informazzjoni mitluba għandha tingħata.
Jekk l-Onor membru irid xi informazzjoni ta' interess
partikulari għalih nitolbu jitlob l-informazzjoni
kunfidenzjalment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet pendenti sa l-aħħar tas-snin 1996, 1997 u ta' l-1998 separatament għal twaħħil ta' bozoz/lampi fit-toroq/pjazez/ġonna ta' pajjiżna?
Kemm twaħħlu attwalment f'kull sena rispettivament?
Kemm huwa stmat li qamet in-nefqa għal dan ix-xogħol għal kull sena partikolari?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Sena Talbiet Pendenti Installazzjonijiet Spiża Involuta
1996 171 630 Lm 149,716
1997 879 476 Lm 174,235
1998 539 1,103 Lm 320,336
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet pendenti għal asfaltar ta' toroq f'pajjiżna u Għawdex separatament fl-aħħar ta' snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Kemm attwalment ġew asfaltati toroq, kemm bħala numru kif ukoll bħala kapaċita' superfiċjali fl-istess snin indikati separatament? Kemm huwa stmat li qamet in-nefqa għal dan ix-xogħol sena b'sena kif rikjest?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm id-Dipartiment tat-Toroq ma għandux lista ta` dawk it-toroq li kien irid isir fihom l-asfalt fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant jidher li f`pajjiżna fadal madwar 600 parti minn toroq li qatt ma kienu asfaltati.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi skema ta' għajnuna biex f'każ ta' ġuvni u xebba (aħwa) ta' ċerta eta' li jgħixu f'post privat tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet fl-istess post, peress li Scheme N tapplika għal persuna waħeda flimkien ma' dixxendenti? Din l-iskema tapplika għal dan il-każ? F'każ li r-risposta hi fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid għandux il-ħsieb li joħroġ xi skema li tapplika għal każi simili li jidhru minsijin inġustament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema 'N' tapplika għall-kull persuna mhux miżżewġa li tgħix ma ħutha fid-dar. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħid lil din il-persuna biex tapplika taħt din l-iskema.
15.2.99
B'riferenza għad-deċiżjoni reċenti tal-qrati Maltin li ddikjarat li Palazzo Bonici li jifforma parti integrali tat-Teatru Manoel għandu jiġi rritornat lis-sidien oriġinali tiegħu, jista' l-Ministru jgħid kif se tolqot l-operazzjoni tat-Teatru Manoel u x-xogħol aniċillari li jmur miegħu? Dan il-bini diġa' ġie rritornat? Jekk fin-negattiv, meta se jsir dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba l-fatt illi l-Uffiċju ta' l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza msemmija, hu prematur wieħed jgħid x'ser isir mill-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-twaħħil ta' estensjoni tal-palk tat-Teatru Manoel (orchestral pit) li kien beda jaħdem fuqu l-gvern preċedenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dwar l-estensjoni tal-palk permezz ta' "elevetor platform" l-offerti tat-tender jinsabu quddiem id-Direttur tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal (kemm barranin kif ukoll indiġeni separatament) sena b'sena mill-1990 'l hawn? Fil-każ ta' tfal addottati minn barra, jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi ġew dawn it-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Adozzjonijiet barranin minn 1990 sa 1998 kienu kif ġej:
fl-1990 in-numru kien 7, fl-1991 kien 97, fl-1992 kien 74, fl-1993 kien 26, fl-1994 kien 17, fl-1995 kien 15, fl-1996 kien 50, fl-1997 kien 48, fl-1998 kien 43.
Adozzjonijiet indiġeni (lokali) minn 1990 sa 1998:
fl-1990 in-numru kien 4, fl-1991 kien 11, fl-1992 kien 10, fl-1993 kien 11, fl-1994 kien 4, fl-1995 kien 15, fl-1996 kien 21, fl-1997 kien 12, fl-1998 kien 14.
Il-pajjiżi li minnhom saru dawn l-adozzjonijiet kienu:
Renju Unit, Pakistan, Brazil, Peru, Awstralja, Rumanija, India, Albania, Ukraina, Singapore, Bosnija, Kanada, Russia, Maldavia, Colombia, Polonja, Filippini.
15.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet fi flus il-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali (inklużi layout, printing, separations, eċċ.) kif ukoll kemm kien in-numru stampat ta' l-istess rapporti annwali għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 separatament għas-segwenti korporazzjonijiet: Enemalta, Water Services Corporation, Maltacom u Air Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ġurijiet pendenti quddiem il-qrati ta' pajjiżna sa l-aħħar ta' Diċembru 1998 li qed jistennew il-każ tagħhom quddiem il-qorti? X'kien il-każ/reat marbut ma' kull wieħed minn dawn? Kemm minnhom jittrattaw ċittadini Maltin u ċittadini barranin separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Peress li l-informazzjoni qed tinġabar, tingħata risposta
f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern kompliex bl-inizjattiva tal-Gvern Laburista preċedenti li jkun hemm kumitat awtonomu li jorganizza l-Karnival minflok kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Festi Nazzjonali biex titnaqqas il-burokrazija?
Minn min huma komposti l-Kumitat tal-Karnival u dak tal-KFN separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li s'issa ma kien hemm ebda tibdil fil-kompożizzjoni tal-kumitati msemmija minn kif ħalliehom l-Onor. Membru f'Settembru 1998, għadni ma tajt ebda ħsieb dwar x'inhu l-aħjar tibdil fl-organizazzjoni f'dan il-qasam.