Jista' l-Ministru jara li titwaħħal telephone box fi Pjazza Buleben, f'Ħal Tarxien għal konvenjenza tar-residenti ta' l-istess pjazza u tat-toroq tal-madwar, peress li l-eqreb waħda hija pjuttost 'il bogħod?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ser ssir laqgħa bejn l-uffiċjal inkarigat mill-Payphones Section (Planning & Marketing) ta' Maltacom p.l.c. u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien biex jiġi stabbilit jekk hemmx il-ħtieġa ta' din il-cardphone kif qed jipproponi l-Onor. Interpellant.
Jekk minn din il-laqgħa jirriżulta li hemm ħtieġa ta' din il-cardphone, jittieħdu l-passi biex jiġi identifikat is-sit fejn din il-cardphone għandha titwaħħal mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal letter box fi Pjazza Buleben, f'Ħal Tarxien għal konvenjenza tar-residenti ta' l-istess pjazza peress li l-eqreb waħda hija pjuttost 'il bogħod?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li f`Ħal Tarxien ġa hemm sitt kaxxi ta` l-ittri. Dan in-numru ta` `letter boxes` suppost li jaqdi sew il-ħtiġijiet ta` lokalita bi 8000 ruħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm individwi/ditti ingħataw refunds fuq il-VAT mill-1/1/99 sal-lum? Kemm jammontaw fi flus? Huwa minnu li refunds t'anqas minn Lm100 ingħatat direttiva biex jiġu mħallsin? Jekk fl-affermattiv, min ta din id-direttiva u kemm-il persuna/azjenda bbenefikat minnha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta` Jannar 1999 sal-lum kien hemm 366 persuni reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT li b`kollox ngħataw Lm808,902.59 f`refużjonijiet tal-VAT.
Skond l-Att tal-1994 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, ħlas lura ta` kreditu eċċessiv li jsir dovut għandu jsir mhux aktar tard minn tletin jum mill-aħħar jum meta għandha tintbagħat id-denunzja tat-taxxa għall-perjodu ta` taxxa li jiġi wara, jkun kemm ikun l-ammont.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5005 dwar vetturi tat-tip commercial li jien poġġejt lill-Ministru ta' l-Intern fit-23 ta' Frar 1999 u cioe':
"Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li vetturi tat-tip commercial se togħlilhom il-liċenzja tal-pulizija? Jekk se tiżdied b'kemm se tiżdied? Jekk se jkun hemm żieda, din se taffettwa lis-self employed ukoll, anke dawk li għandhom vettura jew vetturi li jħaddmu n-negozju tagħhom bihom"?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li m`hemm `l ebda hsieb li vetturi kummerċjali togħlilhom il-liċenzja tat-triq.
Jista' l-Ministru jikkonferma r-rapport li deher fil-ġurnal "l-orizzont" (front page) bid-data 2/3/99 li hu maħsub li l-PBS jiġi żarmat fi żmien tliet snin? Għall-liema skop hu maħsub li jsir dan? X'se jiġri mill-ħaddiema tal-PBS li mhumiex impjegati taċ-ċivil? Kemm hemm ħaddiema fil-preżent mal-PBS?
Response (GALEA, LOUIS)
Le ma nikkonfermax.
B'kollox, mal-PBS fil-preżent hemm 203 ħaddiema full-time u żewġ part-timers.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn mindu ħarġet OPM Circular 4/99 datata 28/1/99 dwar is-sick leave ta' l-impjegati ċivili li tawtorizza li ministeri/dipartimenti jidħlu f'kuntratti ma' tobba individwali/gruppi ta' tobba biex jagħmlu house visits, kemm saru arranġamenti ta' dan it-tip? F'kull każ jista' l-Prim Ministru jgħid minn huma t-tobba/ditti ta' tobba nvoluti? Kif intgħażlu? X'inhi r-remunerazzjoni ta' dawn it-talin għal dan ix-xogħol?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Iċ-ċirkolari ta' l-OPM Numru 4/99 tawtorizza d-dipartimenti
rispettivi jagħmlu l-arranġamenti tagħhom dwar il-verifika
tas-sick leave minn tobba privati, u għalhekk nistieden l-
Onorevoli Interpellant biex jindirizza d-domanda tiegħu
lill-Ministeri rispettivi. Fil-każ tad-Dipartimenti li
jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi ninsab infurmat li dawn l-
arranġamenti għad ma kienx hemm bżonn li jiġu ntrodotti.
Peress li kien hemm diversi rapporti ta' serq u ħsarat fil-War Museum, jista' l-Ministru jgħid x'insteraq, x'inhuma l-ħsarat strutturali li hemm, x'inhuma l-opinjonijiet tal-Gvern rigward il-futur ta' dan il-Museum, jekk ikunx hemm watchman bil-lejl u x'għajnuna finanzjarja jista' jagħti l-Gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew il-monitors il-ġodda li twaħħlu minflok dawk qodma, biex jimmarkaw il-wasla u t-tluq ta' l-ajruplani fl-MIA? Kien hemm ħruġ ta' offerti pubbliċi? Meta ħarġu? Kemm kien hemm? Min ħa dawn l-offerti? X'sar mill-monitors il-qodma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-'monitors' il-ġodda li twaħħlu minflok il-qodma, biex jimmarkaw il-wasla u t-tluq ta' l-ajruplani fl-MIA huma parti minn 'Airport Management and Flight Information System' ġdida.
Wara sejħa għall-offerti li ħarġet f'Ġunju 1997, Malta International Airport plc irċeviet għaxar (10) offerti. Il-kuntratt għal din is-sistema 'l ġdida ġie mogħti f'Jannar 1998, wara approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija ta' dak iż-żmien.
Dan il-kuntratt intrebaħ mill-kumpanija SPEA SRL, minn Milan, fl-Italja għall-prezz totali ta' LIT 850,000,000.
Ta' min jgħid li x-xogħol ta' din is-sistema kien jinkludi wkoll xogħol ta' stallazzjoni li sar mill-ħaddiema tal-MIA, u xogħol ta' 'testing and termination' ta' 'Fibre Optic Cables' li ngħata lill-Mlatacom plc.
Il-monitors il-qodma jinsabu fl-istores tal-MIA u hemm il-ħsieb li dawn jinbiegħu wara sejħa għall-offerti.
Peress li ċ-ċentru tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass mhuwiex fiċ-ċentru ta' Malta u peress li mhux dejjem ikun faċli li jinxtraw dawn iċ-ċilindri minn dawk li jqassmu bit-trakk, jista' l-Ministru jara li jinstabu xi ċentri oħra żgħar madwar Malta biex minnhom jitqassmu dawn iċ-ċilindri u l-pubbliku jkun jista' jinqeda aħjar u malajr?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Korporazzjoni Enemalta qed tistudja l-possibilta' għall-bejgħ ta' ċilindri tal-gass minn postijiet alternattivi.
B'danakollu mhux faċli jinstabu postijiet li jridu jkunu konformi mar-Regolamenti tas-Sigurta' biex fihom jinħażnu kwantitijiet ta' ċilindri. Postijiet ta' dan it-tip jirrikjedu ċerta distanza minn l-abitant u mezzi oħra ta' sigurta'.
Jista' l-Ministru jara li l-ġnien Pawlu Boffa, f'Raħal Ġdid jitnaddaf, titneħħa l-kitba minn fuq il-ħitan u tingħata dehra aktar attraenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ġnien Pawlu Boffa, f' Raħal Ġdid mhux inkluż fil-kuntratt li l-Kunsill ta' Paola għandu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u għalhekk jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali.
Peress li dan l-aħħar kien hemm diversi rapporti li pazjenti ma' kienux qed jingħataw siringi biżżejjed biex jieħdu l-insulina, jista' l-Ministru jgħid kemm se ddum din is-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' siringi u jekk dawk dipendenti mid-droga, li huma wkoll intitolati għal siringi b'xejn, humiex se jingħataw anqas b'periklu li jxerrdu l-marda ta' l-Aids?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kemm fil-preżent kif ukoll dan l-aħħar id-dijabetiċi dejjem ingħataw l-intitolament kollu tagħhom tas-siringi fix-xahar mill-ispiżeriji taċ-Centri tas-Saħħa u ma hemm l-ebda nuqqas ta' siringi f'dan ir-rigward.
Skond ir-rekords tad-Dipartiment il-persuni dipendenti mid-droga dejjem jingħataw siringi meta jitolbu dawn miċ-Ċentri tas-Saħħa u ma hemm l-ebda pjan sabiex jingħataw inqas siringi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-Gvern rigward l-introduzzjoni ta' cameras u tagħmir ieħor li jiġbdu r-ritratti u jirrekordjaw l-ispeed tal-karozzi magħrufa bħala CCTV biex ikun hawn kontroll u sewqan aħjar fit-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kontroll ta` l-`ispeed` tal-karozzi u l-infurzar ta` liġijiet konnessi mat-toroq huma responsabilta` tal-Pulizija, għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħarrafni fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-PTA u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja dwar kondizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema f'dan il-kamp fosthom ir-reviżjoni tan-nollijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern, permezz ta` l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha quddiemha l-ETC minn ċittadini Maltin għax-xogħol? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm nisa? Kemm minnhom għandhom anqas minn 30 sena? Kemm minnhom għandhom anqas minn 50 sena u aktar minn 30 sena? Kemm minnhom għandhom 'il fuq minn 50 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fix-xahar ta' Diċembru 1998, kien hemm 7,437 persuna tirreġistra għax-xogħol fuq l-ewwel Parti tar-reġistru. Minn dawn 6,430 kienu rġiel u 1,007 kienu nisa. Skond l-eta' kien hemm:
* 2,898 kellhom anqas minn 30 sena,
* 3,565 kellhom bejn it-30 u d-49 sena,
* 974 kellhom minn 50 sena 'l fuq.
3.3.99
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ f'pajjiżna biex isir qbil finali dwar il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ? Jista' l-Ministru jagħti target date ta' meta se jkunu finalizzati?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4816.
Peress li l-Gvern ħabbar li fi żmien mhux 'il bogħod se jintroduċi l-vehicle road test, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel biex l-ewwel jissewwew u jitranġaw it-toroq skond il-pariri ta' l-esperti Ġermaniżi?
Jekk wara li karozza jirriżulta li tkun tajba għas-sewqan u minħabba ħsarat fit-toroq jiżviluppa xi inċident, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċittadin huwiex se jkollu xi rimedju kontra l-awtoritajiet? Kif?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-esperti Ġermaniżi u d-Dipartiment tat-Toroq issa qegħdin jippreparaw il-pjan għar-restawr tat-toroq b`mod prijoritarju li jikkonsidra ix-xogħol tal-`Utilities`, aspetti ambjentali u diversi fatturi oħra.
Il-`vehicle road test` għandu jiżgura li l-istat tal-vetturi ikun tajjeb għal użu fit-triq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin isiru diskussjonijiet bejn il-Gvern Malti u rappreżentanti ta' sajjieda Sqallin biex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jistagħdu fl-ibħra Maltin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru tiegħi diġa ħareġ stqarrija eżattament fit-19 ta' Jannar 1999, li ġiet ippublikata fil-ġurnali li tgħid li ma hemm l-ebda diskussjonijiet tat-tip li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Minn dak inhar sa llum, is-sitwazzjoni għada l-istess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti bħalissa fis-sala għaxra (Male Ward 10) fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm daħlu pazjenti fl-istess sala mill-24 ta' Diċembru, 1998 sal-lum? Kemm minnhom kienu first admissions u kemm kien hemm re-admissions? Kemm kien hemm transfers ta' pazjenti minn swali oħra ta' l-istess sptar għal din is-sala?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Illum 25 ta' Frar 1999, fis-sala numru 10 ta' l-irġiel hemm erba'(4) pazjenti. Tlieta(3) riferuti mill-Corradino Correctional Facility u wieħed(1) trasferit mill-Male Ward 2 (transfer intern).
Mill-24 ta' Diċembru 1998 daħlu 19 il-pazjent. Tlettax(13) il-pazjent riferuti mill-Corradino Correctional Facility u sitt(6) pazjenti trasferiti internament.
Mill-Corradino Correctional Facility, kien hemm ħamsa(5) 'first admissions' u tmienja(8) 're-admisssions'. Transfers minn swali oħra kien hemm sitta(6).
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu vetturi (light u heavy vehicle) l-Korp tal-Pulizija? X'ditta u tip ta' vetturi huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa l-Korp tal-Pulizija jagħmel użu minn 262 vettura ta' diversi ditti, li fil-maġġor parti tagħhom ġew manifatturati matul dawn l-aħħar ħmistax il-sena. Dawn il-vetturi jinkludu vannijiet, trakkijiet, jeeps, bowsers, buses u karozzi. Barra minn dawn, il-Pulizija tagħmel użu minn 74 mutur.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella dwar dawn il-vetturi.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa armi tan-nar liċenzjati fil-pajjiż? Kemm minn dawn huma shotguns/rifles? Kemm huma hand guns? Fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, kemm huma revolvers u kemm automatic/semi automatic?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-25 ta' Frar, 1999, in-numru ta' armi tan-nar liċenzjati kien ta' 54,888 li fosthom 40,635 huma snieter, 2,042 huma rifles, filwaqt li 6,755 huma hand guns. Minn dawn ta' l-aħħar, 3,386 huma revolvers, 2,699 huma pistoli filwaqt li l-kumplament huma tipi oħra ta' hand guns, bħal flare guns, starting pistols, etc.
02.03.99