Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5690 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

NGO's — Xiri ta' artijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandu quddiemu d-Dipartiment ta' l-Artijiet minn NGO's Maltin u Għawdxin biex jiksbu artijiet/premises tal-gvern? Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-NGO's? X'qed isir biex il-gvern jgħaddi l-artijiet/premises lill-NGO's?

Response (BORG, TONIO)

Kull meta ssir talba għal bini minn għaqda volontarja, din it-talba tintbagħat lid-Dipartiment tal-Gvern sabiex japprovaha. Jekk din tiġi approvata, u ma hemm l-ebda bżonn tal-bini għal xi użu pubbliku ieħor, id-Dipartiment tal-Artijiet jeżamina t-talba. Naturalment kull trasferiment isir skond il-Att li jirregola it-Trasferiment tal-Artijiet tal-Gvern. Peress li ma tinżammx statistika separata dwar dawn it-talbiet, tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jeżamina l-'files' tiegħu, sabiex jekk jista' jkun, din l-informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra. 22.03.99
Leg 9 PQ #5691 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ħaddiema fil-Maltacom plc qed jiġu offruti somma ta' flus biex jiġi terminat l-impjieg tagħhom mill-korporazzjoni? Fuq liema kriterji qed jinħadmu ċ-ċifri li qed jiġu offruti lill-ħaddiem? Kien hemm xi ħaddiema li diġa' aċċettaw li jispiċċaw minn mal-korporazzjoni? Fuq liema kriterji l-Maltacom plc iddeċidiet li tniedi din l-iskema?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-Ftehim Kollettiv bejn il-Korproazzjoni Telemalta, illum Maltacom, u t-Taqsima Parastatali tal-GWU, li kien ikopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 1996 u l-31 ta' Diċembru 1998, kien intlaħaq qbil li 'il-Korporazzjoni, meta jkun iż-żmien opportun, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' skema ta' 'Phased Retirement' fuq bażi volontarja. Il-Union tiġi konsultata dwar din l-iskema. Il-kriterji li fuqhom inħadmu ċ-ċifri offruti lill-ħaddiema li jgħażlu li jibbenifikaw minn din l-iskema saru bi ftehim bejn il-Kumpanija u l-Union. il-kriterji wżati huma dawn: 1. F'Mejju 1998 saret l-offerta għal dawk li għalqu l-55 sena. Dawn ġew offruti 15-il ġimgħa paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni. 2. F'Novembru 1998 ħarġet l-offerta għal dawk il-ħaddiema li għandhom bejn 50 u 55 sena. Dawm ġew offruti 13-il ġimgħa paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni. 3. F'Jannar 1999 ħarġu żewġ skemi oħra: (a) waħda għal dawk ta' eta` bejn il-45 u l-50 sena. Dawn ġew offruti ġimgħat paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni (b) oħra għal dawk ta' bejn l-40 u l-45 sena li ġew offruti 10 ġimgħat paga għal kull sena servizz li l-impjegat ikun fadallu sa l-eta` tal-pensjoni sa massimu ta' Lm15,000. S'issa applikaw 130 ħaddiem biex jirtiraw qabel iż-żmien u minn dawn 67 diġa ħallew il-Kumpanija. Il-Maltacom iddeċidiet li tniedi din l-iskema fid-dawl tal-pjan tagħha biex tirriorganizza l-Kumpanija.
Leg 9 PQ #5692 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Programmi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-PBS se jwaqqaf fl-aħħar ta' Marzu 1999, diversi programmi popolari fosthom Xarabank, Pjazza 3, Basta mhux Weekend u Ħadd ieħor? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif il-PBS wasal għal din id-deċiżjoni meta kulħadd jaf kemm dawn il-programmi televiżivi huma segwiti mill-poplu Malti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PBS approvat it-tkomplija fl-iskeda ta' TVM għal April, Mejju u Ġunju 1999 tal-programmi "Pjazza 3" u "Xarabank". Fil-każ ta' "Xarabank", iżda, t-tim li jipproduċih għażel li bħas-sena l-oħra, jtemm l-impenji tiegħu fl-aħħar ta' Marzu. Dwar "Basta Mhux Weekend" u "Ħaddieħor" il-PBS ma dehrilhiex li għandha żżommhom fl-iskeda billi ma kienux qed jiġġeneraw introjtu biżżejjed.
Leg 9 PQ #5693 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Tnaqqis ta' salarji/overtime

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Public Broadcasting Services se jnaqqas salarji jew overtime lill-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, kif se jsir dan it-tnaqqis?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PBS naqqset il-budget tagħha tas-sahra għal din is-sena bi tmintax fil-mija (Lm50,000). Din il-miżura hija maħsuba biex tolqot b'mod ugwali d-dipartimenti kollha fil-kumpanija u b'hekk issaħħaħ il-ħidma preżenti tal-PBS biex tirrazzjonalizza l-impenn finanzjarju tagħha. M'hemm kontemplat ebda tnaqqis fis-salarji.
Leg 9 PQ #5694 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Income Tax — Returns

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jintbagħtu r-returns ta' l-income tax liċ-ċittadini għas-sena bażi 1998?

Response (DALLI, JOHN)

Hu mistenni li l-ewwel returns tal-Income Tax għall-1998 joħorġu x-xahar id-dieħel. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant din is-sena se jkun introdott il-kunċett tas-Self Assessment u għalhekk se jkun hemm bżonn xi emendi għall-liġi tat-taxxa fuq id-dħul.

Jum il-Mara — Ċelebrazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet u ċelebrazzjonijiet saru mill-ministeru u d-dipartiment konċernat f'Jum il-Mara nhar it-8 ta' Marzu, 1999? Kemm intnefqu finanzi pubbliċi f'PR., reklamar, attivitajiet eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Makkinarju għat-twettiq tal-Politika tal-Gvern dwar in-Nisa fis-Soċjeta' hija l-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara flimkien mad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta'. Huwa dan il-makkinarju li huwa responsabbli mill-organizzar taċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Mara. Din is-sena il-Ministeru ħass li għandu jippjana kampanja ta' edukazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza favur parteċipazzjoni akbar u aktar sħiħa tan-nisa f'oqsma differenti tal-ħajja. Għalhekk l-attivitajiet u ċ-ċelebrazzjonijiet ma' sarux biss f'jum il-mara imma bdew minn xahar qabel, mat-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara. Matul dan ix-xahar saru diversi interventi fuq stazzjonijiet televizivi u tar-radju kemm minni bħala Ministru responsabbli mill-qasam dwar in-nisa fis-soċjeta', kif wkoll miċ-Ċhairperson tal-Kummissjoni u mid-Direttur tad-Dipartiment dwar in-Nisa fis-Soċjeta. Saru wkoll interventi varji permezz ta' konferenzi stampa, parteċipazzjoni f'konferenzi ta' studju u fil-gazzetti. Ġiet wkoll mtella kampanja televiziva biex teduka u tħeġġeg aktar nisa' għal parteċipazzjoni akbar u aktar sħiħa fil-livelli kollha tas-soċjeta'. Huwa ppjanat li din il-kampanja tiġi mxandra perjodikament. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda tal-attivitajiet li saru in konnessjoni ma' Jum il-Mara 1999, flimkien ma' l-ispejjes konċernati. 22.3.99
Leg 9 PQ #5461 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tat-Turiżmu

MCC — Ftehim proġettat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ftehim proġettat ma' l-Accord li jieħdu f'idejhom l-MCC li kien nieda Gvern Laburista biex din tieqaf finanzjarjament fuq saqajha? Kemm hemm ħaddiema bħalissa mal-MCC? X'inhuma l-pjanijiet dwar dawn il-ħaddiema? Kemm kien it-telf/profitt tal-MCC sena b'sena mill-1994 sal-1998 (it-tnejn inklużi)?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni bħala l-Ministru responsabbli mill-'Mediterranean Conference Centre'.
Leg 9 PQ #5462 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Negozjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar il-ħaddiema tal-Kalaxlokk li qegħdin fl-istat li jirċievu l-paga mingħajr ma qed jingħataw xogħol? Jaħseb il-Ministru li din is-sitwazzjoni issa twalet wisq mingħajr ma l-gvern ħareġ b'soluzzjoni aċċettabbli għal partijiet kollha kkonċernati u li mhux sew li l-ħaddiema jibqgħu f'din l-inċertezza dwar il-futur tagħhom? Kemm ilhom issa għaddejjin it-trattattivi? Dawn jinsabu weqfin? Il-gvern kif se jżomm il-wegħda pre-elettorali tiegħu lil dawn il-ħaddiema li jassiguralhom l-impjieg?

Response (BONNICI, JOSEF)

In-negozjati dwar il-ħaddiema tal-Kalaxlokk għadhom għaddejin. Id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati bdew f'Ottubru 1998 u matul id-diskussjonijiet ġew esplorati diversi alternattivi. Waqt id-diskussjonijiet saru diversi tentattivi biex il-Kumpanija tieħu xi xogħolijet, pero` sfortunatament qed issibha diffiċli tikkompeti. Naturalment negozjati ta' dan it-tip, fejn l-għan ewlieni huwa li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha konċernati jieħdu ż-żmien. L-amministrazzjoni preżenti hija mpenjata li twettaq il-wegħdi elettorali kollha li huma nklużi fil-programm elettorali, inkluż li jkun hemm responsabbilta fil-finanzi pubbliċi.
Leg 9 PQ #5332 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru u ntlaqgħu talbiet (separatament) mill-1994 sa l-1998, sena b'sena, biex negozji jbiddlu l-ġeneru tan-negozju tagħhom fil-liċenzji tal-pulizija? Jista' l-Ministru jelenka l-proċedura meħtieġa ta' tali każijiet? Kemm tieħu żmien bħala average talba simili biex tintlaqa'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet għal-bdil tal-genere ta' negozju fil-liċenzja maħruġa mill-Pulizija, li saru fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997, u 1998, kien ta' 54, 73, 57, 73 u 62 rispettivament, filwaqt li fl-istess snin, in-numru ta' applikazzjonijiet milqugħa kien ta' 51, 40, 39, 46 u 48 rispettivament. Ninsab infurmat ukoll illi biex isir bdil fil-genere ta' liċenzja ta' negozju trid timtela applikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Liċenzji, fid-Depot tal-Pulizija, il-Furjana. Ma l-applikazzjoni jridu jiġu ppreżentati l-kopja ta' liċenzja jew liċenzji eżistenti, flimkien ma' l-irċevuta ta' ħlas valida għas-sena kurrenti li fiha jintalab il-bdil tal-genere ta' negozju, kif ukoll 'clearance' jew permess mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u dokumenti oħra skond il-genere tal-liċenzja. L-applikazzjoni mbagħad tiġi riferuta lid-Dipartimenti konċernati skond il-genere tal-liċenzja. Wara li l-applikazzjoni tkun ġiet ikklerjata (no objections) mid-Dipartimenti, din tintbagħat fid-Distrett tal-Pulizija tal-lokal biex tinħareġ il-liċenzja. Qabel ma jsir it-trasferiment jista' jkun il-każ li jkun meħtieġ li jintalab il-kunsens tal-ġirien li joqgħodu f'distanza ta' għoxrin (20) metru mill-post tan-negozju. Jekk ikun hemm oġġezzjonijiet mill-ġirien, l-applikazzjoni tiġi referuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija u f'dan il-każ l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni jitwaqqaf sakemm il-Bord jisma' l-ilmenti u jagħti l-pariri tiegħu. Fil-każ li l-Bord ikun tal-parir li l-liċenzja ma tingħatax, l-applikant jista' jagħmel appell quddiem it-Tribunal ta' l-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant jifhem li mhux possibli li jingħata żmien definit li jittieħed biex isir trasferiment ta' liċenzja ta' negozju. 15.03.99
Leg 9 PQ #5456 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

CCTV — Kontroll tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern rigward l-introduzzjoni ta'cameras u tagħmir ieħor li jiġbdu r-ritratti u jirrekordjaw l-ispeed tal-karozzi magħrufa bħala CCTV biex ikun hawn kontroll u sewqan aħjar fit-toroq? Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija li hija ripetizzjoni tal-mistoqsija parlamentari numru 5018 li għamilt lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li rriferini għalik?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tikkunsidra attivament ix-xiri ta' l-apparat li rrefera għalih l-Onor. Interpellant wara li l-vot kapitali tal-Pulizija għas-sena kurrenti żdied bi 40% fl-aħħar Budget. 15.03.99

ETC — Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li wieħed mill-inspectors ta' l-ETC li kienu qed jiġu nvestigati dwar abbużi fi dmirijiethom riċentement ingħata promotion? Fuq liema kriterji ngħatat din il-promotion?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi l-ETC għamlet sejha interna għall-postijiet vakanti ta' Senior Clerk li għaliha applikaw diversi ħaddiema tal-Korporazzjoni stess. Ninsab infurmat ukoll illi twaqqaf Bord ta' l-Għażla li kien kompost minn Mario Xuereb, General Services Division; Felix Borg, Training Services Division; u Charles Cassar, Human Resources and Administration li intervistaw lil kull min applika, liema Bord għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'mod unanimu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati miċ-Chief Executive u jinkludu persuna li qabel kienet Spettur. 15.3.99

ETC — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet qed isiru mill-ETC biex jgħinu negozjanti żgħar imexxu aħjar in-negozju tagħhom? Liema huma? Kemm qed jattendu għal kull kors? Dawn il-korsijiet isiru f'ħinijiet addattati għal dawn in-nies? Meta ġie introdott kull kors mill-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ s'issa torganizza sitt korsijiet fil-qasam tat-tmexxija ta' negozji żgħar. Dawn huma: Kif tibda negozju Servizzi t'għajnuna għan-negozju Kif tmexxi l-finanzi Kif tmexxi l-ħaddiema Kif tmexxi s-swieq Kif torganizza x-xogħol Fi Frar li għadda kien hemm kors wieħed għaddej dwar 'Kif tibda negozju' li għalih attendew seba' persuni. Il-Korsijiet isiru wara nofsinhar jew fil-għaxija biex ikun faċli għall-applikanti biex jattendu. Dawn il-korsijiet issa ilhom isiru għal diversi snin. Bil-għan li l-Korporazzjoni tħajjar aktar negozjanti jattendu, saru arranġamenti ma' diversi Kunsilli Lokali biex il-korsijiet isiru fuq bażi lokali kemm il-darba jkun hemm biżżejjed applikanti li jiġġustifikaw dan. 15.3.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol bħalissa li qegħdin jieħdu korsijiet immedjati mill-ETC f'xogħol ta' mastrudaxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fi Frar kien hemm sbatax il-persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol li parti mit-taħriġ tagħhom kien jinkludi xogħol ta' l-injam. 15.3.99

Toroq — Esperti Ġermaniżi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport magħmul mill-esperti Ġermaniżi GTZ dwar l-istat tat-toroq f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jgħid liema partijiet mill-istess rapport huwa maħsub li jkunu addattati mill-Gvern tal-ġurnata u minn meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inqiegħed fuq il- mejda tal-kamra kopja ta` dan ir-rapport. Dwar it-tieni parti tad-domanda għad fadal iktar xogħol x`isir qabel ma jiġi deċiż liema partijiet ser jiġu addattati u meta, għalkemm il-parti dwar il-kwalita tax-xogħol u kontroll tiegħu diġa qed tiġi applikata.
Leg 9 PQ #5326 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Planning Authority bħalissa għal: (i) tibdil fin-natura ta' negozji; (ii) estenzjonijiet ta' negozji? Liema tip ta' negozju jittrattaw dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha quddiemha 380 applikazzjoni pendenti għal bdil fin-natura tan-negozji. I-tip ta' negozji li jittrattaw dawn l-applikazzjoni jvarjaw; fosthom l-aktar komuni hemm bdil ta' użu għall-uffiċini, snack bars, take-away, spiżeriji u hairdressers. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar talbiet għal estenzjonijiet speċifikament għal negozji biss. 10.03.99
Leg 9 PQ #5327 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji għal negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji għal ftuh ta' negozji ġodda sena b'sena mill-1994 sa l-1998 (it-tnejn inklużi)? Ta' liema ġeneru ta' negozju kienu tali liċenzji? Kemm jeżistu liċenzji tal-pulizija għal negozji bħalissa? Ta' liema ġeneru ta' negozju huma dawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' liċenzji għal ftuħ ta' negozji ġodda li nħarġu fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997, 1998, kien ta' 453, 480, 542, 418 u 388 rispettivament. Rigward it-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant ninsab infurmat li dan hu kif jidher fiż-żewġ Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 10.03.99
Leg 9 PQ #5328 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħela ta' fuel fuq karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm: (a) inħela fuel (diesel u petrol) mill-vetturi li kienu direttament imniżżla taħt is-Segretarjat Parlamentari għal Għawdex mill-31 ta' Ottubru, 1996 sa l-aħħar ta' Frar, 1998? (b) mill-vetturi direttament imniżżla taħt il-Ministeru għal Għawdex mill-5 ta' Settembru 1998 sal-5 ta' Jannar 1999?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-ammont ta' petrol li nħela mill-31 ta' Ottubru 1996 sa' l-aħħar ta' Frar 1998 mill-vetturi tas-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari għal Għawdex kien ta' Lm3050.60,0. Mill-banda l-oħra l-ammont ta' petrol li nħela mill-vetturi tas-Segretarjat Privat tal-Ministru għal Għawdex mill-5 ta' Settembru 1998 sal 5 ta' Jannar 1999 kien ta' Lm551.87,0. Ma nħelal-ebda diesel minn dawn il-vetturi fil-perijodi msemmija. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li l-ammont ta' petrol li nħela mill-vetturi tas-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari għal Għawdex fl-istess perijdou s-sena ta' qabel, jiġifieri bejn il-5 ta' Settembru 1997 sal-5 ta' Jannar 1998, kien ta' Lm909.07,0.

ETC — Reġistrazzjoni għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li persuna li jkollha liċenzja ta' negozju fuq isimha iżda li tkun fil-proċess li tittrasferiha fuq terzi persuni jew tneħħi minn fuqha, tirreġistra għax-xogħol ma' l-ETC? Jaħseb il-Ministru li peress li minħabba f'burokrazija dan il-proċess kapaċi jieħu ż-żmien biex jiġi finalizzat, mhux ġust li bniedem ma jkun qed jirċievi l-ebda benefiċċji ta' disimpjieg jew jirreġistra għal xogħol sakemm il-liċenzja titneħħa minn fuqu? Jekk fl-affermattiv, x'passi beħsiebu jieħu l-Gvern preżenti biex jilqa' għal din l-inġustizzja mas-self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull persuna li għandha liċenzja ta' negozju fuq isimha iżda li tkun fil-proċess li titrasferiha fuq terzi persuni jew li tneħħiha minn fuqha tista' tirreġistra għax-xogħol ma l-ETC jekk tipproduċi kopja ta' l-applikazzjoni uffiċjali li hi tagħmel għand il-pulizija għal dan il-għan. Fil-każ ta' trasferiment dan japplika biss jekk dan it-trasferiment ma jsirx fuq membri tal-familja immedjata tagħhom. Peress li, kif qed jgħid l-Onor. Membru il-proċess kollu tat-trasferiment hu twil u kapaċi jieħu ż-żmien biex jiġi finaliżżat, kif semmejt qabel, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tesiġix li l-proċess ikun sar kollu qabel ma persuna tkun tista' tirreġistra iżda biss li tipproduċi l-applikazzjoni uffiċjali għal dan it-trasferiment. 10.3.99
Leg 9 PQ #5330 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju sena b'sena fl-1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 separatament? Kemm hemm trasferimeti ta' liċenzji pending bħalissa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju li saru fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997, u fl-1998 kien ta' 335, 438, 413, 319 u 330 rispettivament. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju hu ta' 137. 10.03.99
Leg 9 PQ #5331 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-average amount of time li tieħu biex liċenzja tal-pulizija ta' negozju tiġi trasferita minn fuq persuna għal oħra? Jista' l-Ministru jelenka l-proċedura meħtieġa għal tali trasferimenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi biex liċenzja ta' negozju tiġi trasferita minn fuq persuna għal oħra, il-persuna li f'isimha tkun il-liċenzja flimkien mall-persuna l-oħra jridu jippreżentaw f'Uffiċċju tal-Liċenzji, fid-Depot tal-Pulizija, il-Furjana, il-kopja ta' liċenzja jew liċenzji eżistenti, flimkien ma' l-irċevuta ta' ħlas valida għas-sena kurrenti li fiha jintalab it-trasferiment tal-liċenzja. Jiġu mitluba ukoll, il-proof of ownership tal-post tal-persuna li fuqha tkun ser tiġi trasferita l-liċenzja, il-karta ta' l-identita', il-biljett tas-Sigurta' Nazzjonali, kopja taċ-ċertifikat tal-V.A.T. f'isem l-applikant u fuq il-post liċenzjat, u pjanta tal-post. Jista' wkoll ikun meħtieġ ċertifikat minn persuni kwalifikati bħal electrician jew perit u dan skond il-genere tal-liċenzja. L-applikazzjoni mbagħad tiġi riferuta lid-Dipartimenti konċernati li jvarjaw skond il-genere tal-liċenzja. Wara li l-applikazzjoni tkun ġiet ikklerjata (no objections) mid-Dipartimenti, din tintbagħat fid-Distrett tal-Pulizija tal-lokal biex tinħareġ il-liċenzja. Qabel ma jsir it-trasferiment jista' jkun il-każ li jkun meħtieġ li jintalab il-kunsens tal-ġirien f'distanza ta' għoxrin (20) metru mill-post tan-negozju. Jekk ikun hemm oġġezzjonijiet mill-ġirien, l-applikazzjoni tiġi riferuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija u f'dan il-każ l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni jitwaqqaf sakemm il-Bord jisma' l-ilmenti u jagħti l-pariri tiegħu. Fil-każ li l-Bord ikun tal-parir li l-liċenzja ma tingħatax, l-applikant jista' jagħmel appell quddiem it-Tribunal ta' l-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija. Għalhekk l-Onor. Interpellant jifhem li mhux faċli li wieħed jagħti żmien definit li jittieħed biex isir trasferiment ta' liċenzja ta' negozju. 10.03.99