Jista' l-Ministru jara li jsir it-tarmak jew għall-inqas levelling biż-żrar tal-parti ta' fuq ta' Triq San Anard, Tarxien li tħalliet mitluqa meta l-kumplament tat-triq ġiet irranġata kemm il-darba? Tista' titkompla s-central strip li hemm fil-kumplament tat-triq anke f'din il-parti tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija hija service road parallela ma' Triq San Anard.
Id-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokalita' jsir skond il-prijoritajiet li jkunu qedgħin jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jara li tinbidel il-plakka li turi l-isem ta' Triq Odilone Caruana (li tinsab kantuniera ma' Triq Giuseppi Cali) li tkissret u nqassmet fi tnejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Billi dan l-inkarigu qiegħed f'idejn il-Kunsilli Lokali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill- Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li n-numru ta' l-ID card qed jintbagħat separatament għal għajnuna tal-wens talli tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha li ilha li applikat minn Novembru u issa laħaq miet missier l-applikanti li għadha qed tieħu ħsieb lill-ommha? Jaf li din l-applikanti kellha titlaq mix-xogħol biex tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha u qed jiġi kkawżat lilha tbatija kbira finanzjarja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu out of stock il-lotion tar-ras Minoxidil 5% solution (jew Rogaine 5%) li jqum mal-Lm14 u li jird jintuża kull xahar minn xi pazjenti? Jaf li minn Awissu tas-sena l-oħra lill-ċerta pazjenta ilhom jgħidulha li out of stock minkejja li hija ntitolata għalih u mniżżel fil-karta s-safra tagħha u ġie approvat? Jaf li f'dan il-każ il-persuna kkonċernata anzjana qed ikollha toħroġ Lm14 kull xahar għal dan il-prodott mill-pensjoni tagħha li tbatija għaliha u għas-sieħeb tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni dwar l-applikazzjoni għall-liċenzji għat-temporary mobile kiosks fil-festi? Jivverifika li skond l-aħħar regolamenti maħruġa mill-gvern hemm min kellu l-ġust u se jibqa' jiġi allokat is-sit li kien jokkupa? Jaf kif u minn min jiġi stabbilit li trabba l-ġust fuq sit partikolari? Jaf li minkejja dawn ir-regolamenti, diversi kunsilli lokali qegħdin jagħżlu/jaċċettaw u joħorġu s-siti on a first come first served basis (skond id-data tal-applikazzjoni tagħhom)? Jaf li qed ikun hemm ħafna skuntentizza minħabba l-loop hole tal-ġust li qed tiġi skartata fil-fatt minn dawn il-kunsilli? Jaħsibx li jkun aktar ġust mal-operaturi ta' dawn il-gabbani li titneħħa din il-loop hole tat-trobbija tal-ġust u jkun hemm għażla bil-polza għal min ikun iteressat li japplika u b'hekk ħadd ma jiġi preferut fuq ħaddieħor?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni kkwalifikati bħala CSA's li huma rreġistrati mad-dipartiment tal-anzjani? Kemm minn dawn huma attwalment imqabbdin mill-gvern u kemm hemm fuq il-waiting list biex jingħataw ix-xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-capsules għall-artrite Art 50 Diacerheine kienu out of stock dan l-aħħar? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan il-prodott partikolari li jqum madwar Lm18 u li xi pazjenti pensjonanti kellhom b'hekk jixtruh minn buthom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Art 50 Diacerheine ma humiex inklużi fil-lista ta' prodotti mediċinali mixtrija mis-Servizzi Farmaċewtiċi, kemm ghal pazjenti rikoverati fl-isptarijiet kif ukoll għall-out patients. Sa llum ma kien hemm l-ebda talba biex jinxtara dan il-prodott.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li persuna marida, per eżempju bil-polio, ma għandiex dritt tirċievi xi forma ta għajnuna ta' benefiċċju soċjali għall-mard għas-sempliċi raġuni li tkun mara miżżewġa? Jekk dan mhux il-każ, jista' jgħid xi kriterju jista' jigwida tali persuni biex ikollhom xi forma t'għajnuna soċjali minħabba li jkunu disabled?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Irrid ngħid li persuna li tbati minn xi diżabilita' mhux neċessarjament li tkun teħtieġ għajnuna soċjali. Dan jippruvah in-numru ta' persuni b'diżabilita', inkluż persuni li jsofru mill-konsegwenzi tal-polio, li qegħdin jaħdmu. Lanqas m'hu l-każ li persuna ma tkunx intitolata għal għajnuna soċjali jew pensjoni għal diżabilita' għas-sempiċi raġuni li tkun miżżewġa.
Id-diversi kundizzjonijiet biex persuna b'diżabilita' tirċievi għajnuna soċjali jew pensjoni għal diżabilita' taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali huma dawk elenkati fl-istess Att. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata biex tiddiskuti l-każ speċifiku tagħha mal-Welfare Officer fl-eqreb Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jara li kont tat-telefon ta' persuna li mietet madwar seba' snin ilu u li ma jiġi xejn minn okkupant ġdid fl-istess fond fejn jinsab dan is-servizz, ma jibqax jintbagħat lill-okkupant il-ġdid stante li din avżat lill-Maltacom dwar dan u baqa' jiġri l-istess ripetutament? Id-dettalji tas-servizz in kwestjoni qed jingħataw separatament.
Response (BONNICI, JOSEF)
Nisnab infurmat li wara stħarriġ dwar dan il-każ, il-Maltacom ma sabet ebda talba mill-okkupanta l-ġdida biex tieħu xi azzjoni dwar dan is-servizz.
Hija l-prassi tal-Maltacom li, f'każ ta' abbonati li jiġu nieqsa, il-kumpanija tieħu azzjoni biex tirregolarizza s-servizz u tneħħih għal kollox jew tittrasferih fuq isem ħaddieħor jew wara talba ta' l-eredi inkella meta l-kontijiet jerġgħu jiġu rritornati mill-posta għax ma jkun hemm ħadd min jirċevihom jew ukoll meta jibdew jakkumulaw l-arretrati għax il-kontijiet ma jitħallsux. L-account ta' dan is-servizz partikulari dejjem inżamm in regola, tant li l-aħħar kont, maħruġ f'Mejju, diġa' tħallas.
Tajjeb jingħad ukoll li uffiċjal għoli tal-Maltacom ikkuntattja lill-abbonata li assiguratu li kienet imliet il-formoli meħtieġa biex is-servizz jinqaleb fuq isimha. Qed tittieħed azzjoni min-naħa tal-kumpanija biex dan it-trasferiment isir mill-aktar fis.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li meter tad-dawl u l-ilma li jkun bil-ħsara f'residenza qiegħed jintalab ħlas ta' Lm25 mingħand l-okkupant ta' residenza inkwistjoni fejn ikun jinsab il-meter biex jinbidel b'wieħed tajjeb minkejja li l-okkupant jista' m'għandu l-ebda tort?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tweġiba hija fin-negattiv. Infatti sabiex il-konsumatur jiġi mitlub iħallas id-danni jrid ikun hemm ħsara fiżika u mhux teknika.
Dan jirriżulta mir-regolamenti tal-Provvista ta' l-Elettriku, fejn il-konsumatur irreġistrat huwa responsabbli li l-apparat tal-Korporazzjoni Enemalta ma jsofri ebda ħsara fiżika.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni tas-saqaf tad-dar ta' mara separata bi tlett itfal żgħar li d-dettalji tagħha qed jingħataw taħt separate cover, biex jiġi assigurat li mhuwiex perikoluż, peress illi din il-persuna lanqas taffordja servizz ta' perit/surveyor biex isserraħ rasha għax batuta ħafna u ma tistax taħdem minħabba t-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlametari 33377 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu: Jista' jgħid x'sar mill-applikazzjoni mill-boy scouts biex tiġi mgħoddija lilhom il-batterija fi Triq F M Ferretti, l-Qajjenza fil-limiti ta' Birżebbuġa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li kienet saret sabiex il-B`Bugia Scout Group jingħata Ferretti Battery f`B`Bugia kienet ġiet rrifjutata. Ninsab infurmat ukoll li l-B`Bugia Scout Group kien irrefera l-każ lill-Ombudsman, iżda dan f`Ottubru tas-sena 2001 kien għalaq il-każ wara l-ispjegazzjoni li kienet tat it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern. Fid-dawl ta` din l-istess spjegazzjoni t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qed tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex tinħareġ sejħa għal offerti fuq l-istess Ferretti Battery.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi mhux qed ikun hemm kennies regolari fi Triq iċ-Ċimiterju, Raħal Ġdid? Jista' jivverifika kemm ilu ma jmur kennies f'din it-triq peress illi ġie rrapportat lili li kien hemm xi okkażjonijiet uniċi biss?
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mhux qed ikun hemm caretakers mal-latrina li hemm fil-pjazza ta' Raħal Ġdid, u qed ikun hemm ħmieġ u ntejjen b'mod regolari skond ma ġie rrapurtat lili?
Response (GATT, AUSTIN)
Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet taghom jagixxu skond il-prijoritjaiet, esigenzi u l-mezzi taghhom.
Ghaldaqstant nissuggerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi ghaliha, fil-fatt hija wahda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsill.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mara li tkun rikoverata b'mod permanenti fl-IsptarMonte Carmeli li pero` tkun tidher reġistrata fuq l-indirizz tad-dar residenzjali tagħha huwiex obbligat żewġha (ċittadin Malti ) li jħallas tal-kera ta' martu f'dan l-isptar meta huwa pensjonant?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi jekk il-persuni għadhom miżżewġin, ir-raġel hu obbligat iħallas il-kera. Jekk il-post m'għandhomx aktar bżonnu jista jirrinunzja għall-kirja u jirritornaw iċ-ċwievet lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Housing — Appartamenti tal-Gvern - Stallar ta' Lifts
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni biex jiġi installat lift fil-Blk E Dr B, Triq Ġuże D'Amato, Paola? Jekk fl-affermattiv x'sar minnha? Jaħsibx li għandha tiġi mfassla policy mill-gvern biex fejn l-istallar ta' lift jkun possibbli fi blokkijiet t'appartamenti, li appliazzjoni ssir awtomatikament biex forsi b'hekk is-sitwazzjoni ta' residenti li fittxew akkomodazzjoni alternattiva f'tali każijiet jonqsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li saret applikazzjoni għall-installar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-installar ta' lifts tapplika, fost ħwejjeġ oħra, ;meta jkun hemm persuna b'diżabilita' ta' mobilita' tabita f'dawk l-appartamenti, nitolbu jiċċara x'qed ifisser b' "applikazzjoni ssir awtomatikament" fit-tieni parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dwar kemm ġranet kienet magħluqa l-għassa ta' Ħal Tarxien matul l-2001? Jaf li din l-għassa fil-prattika dejjem magħluqa u t-Tarxiniżi jkollhom jinżlu r-Raħal Ġdid jew iż-Żejtun f'każ ta' xi bżonn? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan u jgħid xi skeda ta' ftuħ għandha din l-għassa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-rekords tad-detail of duties għas-sena 2002 jirriżulta illi regolarment ikun hemm kuntistabbli dettaljat fl-Għassa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu illi l-kuntistabbli li jkun għassa joħroġ fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet.
Jista' l-Ministru jara li jiġu miżbura sewwa ż-żewġt siġar li hemm quddiem Blk III, Triq Ħal Luqa, Tarxien għaliex dawn kibru tant li xi anzjani li jgħixu fl-istess blokk ma jistgħux jaraw isfel meta jħabbat il-bieb tal-blokk għax dawn saru goffi u jrid ikollhom xi lifter biex jkunu jistgħu jiġu miżbura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-siġar imsemmija nżabru fit-3 ta' Mejju 2002.
Jista' l-Ministru jara x'inhuma l-kriterji biex gallarija tal-ġebel fi flat tingħalaq kompletament bl-injam jew bl-aluminium? Dan huwa possibli li jsir? X'inhuma l-kriterji ġenerali għaliex applikazzjoni għal notification no DN0093/02 li tikkonċerna persuna marida ħafna bi spazzju limitat ħafna tidher li kull darba qed tiġi rrifjutata mingħajr ma' l-applikant jingħata xi gwida dwar x'jista' jagħmel, b'mod partikolari meta l-każ huwa wieħed ta' natura umanistika?
Response (BORG, TONIO)
Ladarba x-xogħlijiet imsemmija jaffettwaw materjalment il-karattru tal-faċċata, jeħtieġu applikazzjoni għall-permess ta` l-iżvilupp mhux notifika taħt l-Ordni dwar in-Notifikar ta` l-Iżvilupp (DNO).
In-notifika indikata (DN 093/02) hija għal antenna satellitari u mhux għal tibdil ta` gallarija, u ninsab infurmat illi din lanqas ma jirriżulta li ġiet irrifjutata.