Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8016 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tkeċċew membri mill-Korp tal-Pulizija għax inqabdu jagħmlu atti kriminali f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jgħid kemm membri mill-Korp tal-Pulizija nqabdu jagħmlu atti kriminali f'dawn l-aħħar sitt xhur u ma tkeċċewx? Jekk kien hemm u ma tkeċċewx, għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sitt xhur tkeċċa membru wieħed tal-Korp fiwaqt li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti ħames membri oħra akkużati b'atti kriminali. Il-każ ta' erba` minnhom għadu pendenti quddiem il-Qorti filwaqt li każ ieħor għadu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #8017 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bejjiegħa tal-Monti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tiegħu dwar il-bejjiegħa tal-Monti li jarmaw kull nhar ta' Ħadd barra Bieb il-Belt u fil-foss ta' San Ġakbu meta jsir il-proġett ta' Bieb il-Belt? Veru li dawn se jitneħħew minn hemm? Jekk fl-affermattiv, fejn se jmorru?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1745.
Leg 9 PQ #8018 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Konsolat Ġenerali ta' Malta — Uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-ħsara li ġarrbu l-uffiċini tal-Konsolat Ġenerali ta' Malta li jinsabu f'York Street, Sydney fl-Awstralja fi ħruq li kien sar? Jista' jgħid min kien responsabbli għal din il-ħsara u min se jħallas? Jista' jgħid jekk dawn l-uffiċini reġgħux infetħu?

Response (BORG, JOE)

Fil-lejl ta` bejn it-Tlieta 16 ta` Marzu u l-Erbgħa 17 ta` Marzu 1999, kien hemm ħruq fir-raba` sular tal-bini fejn hemm l-uffiċċju tal-Konsolat Ġenerali għal New South Wales, f`127, York Street, Sydney. Is-sistema ta` l-isprinklers minħabba in-nar żbroffat u l-ilma ikkawża ħsarat estensivi fl-Uffiċċju li qiegħed fit-tielet sular. L-uffiċċju qatt ma kien magħluq għall-pubbliku u baqa` jopera minn uffiċċju temporanju fl-istess bini sas-7 ta` April 1999 meta l-Konsolat irritorna fl-uffiċċju oriġinali tiegħu. Il-ħsara ġiet iċċertifikata mill-kumpanija ta` l-Insurance li tammonta għal A$8,900. Il-claim mal-kumpanija ta` l-Insurance diġa` ġiet aċċettata u imħallsa.
Leg 9 PQ #8019 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Qrati — Ġurijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti? Jista' jgħid x'inhuma r-reati relatati ma' kull każ u d-dati għal meta se jiġu appuntati?

Response (GATT, AUSTIN)

Sal-lum hemm 58 ġurijiet pendenti li l-akkużi tagħhom ivarjaw minn omicidju, tentattiv ta` omicidju, pussess u traffikar ta` droga, serq u frodi. M`huwiex prattiku li jingħataw d-dettalji mitluba specjalment għax att ta` akkuza wieħed jista` jikkomprendi aktar min reat wieħed. Hemm tmintax-il guri li huma appuntati għas-smiegħ quddiem iz-zewg imħallfin li jippresiedu fil-Qorti Kriminali, erbatax minnhom ghal din is-sena, u erba ghas-sena id-dieħla. Jiena nfurmat li fil-ġranet li ġejjin ser jiġu appuntati ġurijiet oħra.
Leg 9 PQ #8020 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu mpjegati fl-Isptar San Luqa minn Ottubru, 1998 sal-lum? Kemm daħlu nisa u kemm irġiel? Jista' jgħid x'kienu l-impjiegi u jekk ħarġitx sejħa pubblika f'kull każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta` mpjegati li daħlu jaħdmu fl-Isptar San Luqa minn Ottubru 1998 sas-16 ta` Ġunju 1999 huwa erbgħin (40). L-informazzjoni mitluba dwarhom hija kif ġej: Grad Nisa Rġiel Total Enrolled Nurses 2 2 4 House Surgeon (Dentistry) 4 5 9 Physiotherapist 3 2 5 Midwife 3 - 3 Occupational Therapist 2 - 2 Pharmacist 1 3 4 Medical Laboratory Technologist - 1 1 Staff Nurse 4 3 7 ECG Technician 1 - 1 Houseman - 1 1 Medical Officer - 1 1 Consultant - 1 1 Registrar - 1 1 _________________________ 20 20 40 _________________________ F'kull każ ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet, ħlief għal Consultant u għal Registrar. F'dawn iż-żewġ każi, l-impiegi saru fuq bażi ta` kuntratt għal sena wara li t-talbiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa ġew approvati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #8021 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Banek — Mid-Med

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien in-nutar li ppubblika t-trasferiment ta' l-ishma tal-gvern fil-Mid-Med Bank lill-HSBC?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif jaf tajjeb, it-trasferiment tal-isħma li kellu l-Gvern Malti fil-Mid-Med Bank plc lill-HSBC sar permezz ta` `Put-through` fil-Borża ta` Malta. Dan ma jirrikjedi ebda tip ta` servizz nutarili. Ngħid ukoll li l-`Brokerage` għal dan it-trasferiment ta` isħma sar mill-Bank Ċentrali.
Leg 9 PQ #8010 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Petrol stations

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 4991 dwar petrol stations?

Response (BONNICI, JOSEF)

F'Malta hawn 75 pompa tal-petrol, filwaqt li f'Għawdex hemm 10. Minn dawn il-pompi, 57 f'Malta u 7 f'Għawdex għandhom ATM. Il-policy preżenti tal-Korporazzjoni hija li ma jinħarġux liċenzji ġodda għal aktar pompi tal-petrol, iżda skond il-ftehim eżistenti bejn l-Enemalta u l-GRTU, dawk il-pompi li jinsabu fuq il-bankini jistgħu jiġu trasferiti għal lokalitajiet oħra sakemm ikun hemm il-permessi meħtieġa.
Leg 9 PQ #8011 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5761 dwar delegazzjonijiet mill-Ministeru tiegħu?

Response (BORG, JOE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #8012 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Kunsilli lokali — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5696 li kienet saret lill-Prim Ministru u ċioe' kemm kienet iċ-ċifra globali li tinkorpora l-ispejjeż kollha, li ntnefqet biex setgħu jinżammu l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu, 1999?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ntefqet is-somma ta` Lm 215,000 biex isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali nhar is-Sibt 13 ta`
Leg 9 PQ #8013 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dar il-Mediterran għal Konferenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ftehim proġettat ma' l-Accord li jieħdu f'idejhom Dar il-Mediterran għal Konferenzi li kien rieda Gvern Laburista biex din tieqaf finanzjarjament fuq saqajha? Kemm hemm ħaddiema bħalissa mal-MCC? X'inhuma l-pjanijiet dwar dawn il-ħaddiema? Kemm kien hemm telf/profitt mill-MCC sena b'sena mill-1994 sa l-1998, it-tnejn inklużi?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 5820 ta' l-istess Onor. Membru.
Leg 9 PQ #8014 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arloġġi tad-dawl

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-Korporazzjoni Enemalta għandha l-ħsieb tibdel l-arloġġi tad-dawl u jiġu nstallati oħrajn li jaħdmu b'cards apposta? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jsir dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent il-Korporazzjoni Enemalta ma għandhiex ħsieb li jiġu installati meters tad-dawl li jaħdmu bil-cards. Dan ma jfissirx li fil-futur il-Korporazzjoni ma tikkunsidrax li tintroduċi din is-sistema.
Leg 9 PQ #8015 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Kampanja kontra t-tipjip

Question

Jista' l-Ministru jżid il-kampanja kontra t-tipjip speċjalment fil-kliniċi u fl-isptarijiet u fl-istess ħin jagħmel aktar sorveljanza f'postijiet fejn mhux suppost li jsir tipjip?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Meta jidħlu lmenti mill-pubbliku rigward it-tipjip li jkun qiegħed isir b'abbuż f'postijiet fejn dan mhux permess bħal sptarijiet u Ċentri tas-Saħħa, id-Dipartiemnt tal-Promozzjoni tas-Saħħa mill-ewwel jieħu azzjoni biex l-uffiċjali nkarigati mit-tmexxija tal-postijiet imsemmija jiġu nfurmati. Barra minn hekk id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa jieħu ħsieb jibgħat materjal kontra t-tipjip bħal posters u anke booklets biex jitqassmu b'xejn għall-pubbliki li jiffrekwentaw dawn il-postijiet. Fejn hu possibbli li jintwera wkoll videos b'tema favur is-saħħa fil-waiting rooms. Nixtieq ngħid lill-Onor. Membru li diversi inizjattivi jittieħdu minn żmien għal żmien biex tiġi ntensifikata l-kampanja kontra t-tipjip fil-postijiet kollha mhux fil-kliniċi u l-isptarijiet biss. Propju dan l-aħħar fil-'World No Tobacco Day' nedejna b'kollaborazzjoni mal-Ministeru tat-Trasport, inizjattiva oħra fejn qed jiġu stampati miljun 'slogan' kontra t-tipjip fuq wara tal-biljetti tat-trasport Pubbliku.
Leg 9 PQ #7956 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Taxpayer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tat-taxpayer, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għamlet objections għas-snin 1989 sa l-1993 (snin ta' stima) għal żbalji ovvji b'ittra datata 24 ta' Novembru, 1994 u li sal-lum għadha mingħajr tweġiba?

Response (DALLI, JOHN)

Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali.
Leg 9 PQ #7957 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Pulizija fuq xogħol il-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma huwiex minnu jew le li l-overtime tal-pulizija li jkun imisshom xogħol il-Qorti apparti l-ħinijiet normali tagħhom, mhux se jibqa' jitħallas?

Response (BORG, TONIO)

Le. Kien fiż-żmien l-Amministrazzjoni li tagħha kien jifforma parti l-Onorevoli Interpellant, li ġara dak allegat minnu stess li llum.
Leg 9 PQ #7958 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Triq il-Kurenel Mas - Bozoz

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal bozoz/lampi fi Triq il-Kurunel Mas, f'Ħal Tarxien?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba biex jitwaħħlu bozoz/lampi, fi Triq il-Kurunell Mas, F'Ħal- Tarxien, ġiet approvata u x-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra.
Leg 9 PQ #7959 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Pilota

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7126?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-inċidenti li għalih qed issir referenza kien jinvolvi Boeing 737-300, mikri mill-Air Malta mill-Air Holland, li kellu dak li teknikament hu magħruf bħala 'hard landing' meta ġie biex jillandja fi tmiem it-titjira tiegħu numru GG527 tas-7 ta' Mejju minn Amsterdam għal Kreta minħabba 'horizontal windshear' li huwa fenominu atmosferiku mhux rari f'dan l-ajruport partikulari. Filwaqt li l-inċident qed jiġi nvestigat, bħalma huwa normali f'każi bħal dawn, jidhirli li ma jknux prudenti li f'dan l-istadju, iktar u iktar minħabba li l-inċident jinvolvi direttament linja ta' l-ajru barranija, li nidħol f'iżjed dettalji ħlief li ngħid li ma kien il-każ ta' sospensjoni tal-pilota nvolut jew xi passi dixxiplinari oħra, u li l-Air Malta ma ġietx mitluba tħallas għal xi ħsarat in konnessjoni ma' dan l-inċident.
Leg 9 PQ #8009 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5763 dwar delegazzjonijiet mill-Ministeru tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Ottubru 1998 sal-15 ta' Marzu 1999 saru 3 żjarat f'pajjiżi barra minn Malta mill-Ministeru. Id-delegazzjonijiet kienu magħmulin kif ġej: 1. Mill-Onor. Louis Galea, li saret fi Granada, Spanja,fuq stedina ta' l-Aga Khan Award għall-Arkitettura u li l-ispiża tagħha kienet ta' Lm474.02. 2. Mill-Onor. Louis Galea, is-Sinjuri Charles Xuereb, Rev. Prof. Saviour Chircop u Frank Mifsud li saret f'Londra fuq żjara lill-British Broadcasting Corporation, British Council u awtoritajiet edukattivi u li swiet Lm900.87. 3. Mill-Onor. Louis Galea, is-Sinjuri Charles Mizzi, il-Prof. Juanito Camilleri u Albert Callus u li saret għall-Konferenza għall-Ministri minn pajjiżi Ewropej u Mediterranji ta' l-Edukazzjoni li ġiet tiswa Lm1361.45. Fl-istess perjodu ta' żmien kien hemm żewġ delegazzjonijiet mis-Segretarju Parlamentari u tnax mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport li żaru pajjiżi barra minn Malta. Id-dettalji tagħhom ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.(Dok.A) Ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta' bursaries u konferenzi li għalihom attendew parteċipanti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni - skeda li turi l-isem tal-parteċipant, il-pajjiż fejn saret il-visita, l-iskop tal-visita u l-ispejjeż involuti.(Dok.B) Rigward id-Dipartiment tal-Kultura, minn Ottubru 1998 sal-15 ta' Marzu 1999 kien hemm żjarat barra minn Malta kif ġej: Delegazzjoni komposta mid-Direttur tal-Kultura li żaret il-Kunsill ta' l-Ewropa fuq laqgħa tal-Kumitat Kulturali bejn l-14 u s-16 t'Ottubru. L-ispiża kienet koperta mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Rigward id-diversi Kumitati li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Kultura kien hemm dawn iż-żjarat: Delegazzjoni komposta minn Gaetano Abela, Chairman u Robert Cefai, Segretarju tal-Kumitat tal-Kanzunetta Maltija li attendew il-FIDOF General Meeting u MIDEM'99, bejn il-25 u 28 ta' Jannar 1999 bi spiża ta' Lm785. Delegazzjoni komposta minn Anton Miceli, is-Segretarju tal-Kumitat tal-Karnival, Ritienne Balzan, ir-Reġina tal-Karnival u Norman Hill, ir-rebbiieħ tal-Karru tal-Karnival li żaru Viareggo bejn id-19 u t-23 ta' Frar 1999 bi spiża ta' Lm334.50. Żjara l-Ġermanja in konnessjoni mal-Kanzunetta għall-Ewropa komposta minn Chris Scicluna, il-kompożitur, Diane Stafrace, Philippa Farrugia Randon, u Francesca Tabone, il-Grupp rebbieħ, u Robert Cefai, is-Segretarju tal-Kumitat bejn is-26 ta' Frar u l-1 ta' Marzu 1999 bi spiża ta' Lm808. Lista ta' Delegazzjonijiet mid-Dipartiment tal-Mużewijiet ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Dok.C). Infurmat ukoll li ma saret ebda delegazzjoni la mid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji u lanqas mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet.
Leg 9 PQ #7126 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Pilota

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li pilota ta' l-Air Malta li kien qed jagħti s-servizzi tiegħu lill-kumpannija barranija (aktarx Olandiża) ftit ġimgħat/jiem ilu kien involut f'inċident fejn ġiet ikkawżata ħsara lill-ajruplan u ġie mwaqqaf/sospiż minn dan l-inkarigu minnufih minn dan is-servizz, iżda fl-istess waqt għadu jagħti s-servizzi tiegħu lill-Air Malta minkejja din is-sospensjoni u l-investigazzjoni li għaddejja dwar il-każ? Huwa minnu li l-Air Malta kellha tħallas biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata? Jekk fl-affermattiv, kemm? X'passi ħadet l-Air Malta fil-konfront ta' dan il-bdot?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6451 Sitting 93 1999-05-10 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjonijiet — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3963 dwar impjegati f'korporazzjonijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba kważi nġabret kollha u għalhekk it-tweġiba relattiva tingħata fi żmien qasir.