Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10963 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Amministrazzjoni tal-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Amministrazzjoni tal-Qorti issir awtonoma mill-gvern? Jekk hemm dan il-ħsieb meta se jibdew id-diskussjonijiet għal dan il-pass? X'inhuma l-argumenti favur u kontra?

Response (GATT, AUSTIN)

`Jidhirli li l-ewwel pass li ghandu jittiehed hu li l-amministrazzjoni preżenti tiġi msahha - proċess li nbeda - u li l-awtonomija preżenti tiġi amministrata ahjar, awtonomament.`
Leg 9 PQ #10964 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li hemm b'lura biex il-kontijiet jibdew jiġu up to date?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-perjodu li jmiss ser jibdew jintbagħtu fi żmien ġimgħa oħra. Dan ifisser li sa l-aħħar ta' din is-sena jkunu ħarġu l-kontijiet li jkopru l-1998. Il-kwistjoni kollha dwar kontijiet li qegħdin b'lura qed tkun kunsidrata mill-ġdid mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Leg 9 PQ #10918 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Koperattiva tal-Furnara — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Koperattiva tal-Furnara dwar ir-reviżjoni tal-prezzijiet tal-ħobż? Jikkonferma l-Ministru l-informazzjoni li għandi li l-ħobż se jgħola b'madwar 50% tal-prezz tal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 10249 fis-Seduta numru 156.
Leg 9 PQ #10919 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Visti minn tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' visti minn tobba għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista'l-Prim Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu? Jista' l-Prim Ministru jgħid kif waslu għal din l-għażla? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-Ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il vista/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Ottubru 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 5325 f'seduta 73 tad-9 ta' Marzu 1999.
Leg 9 PQ #10955 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Imrieħel — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titlesta l-bypass ta' l-Imrieħel li bħalissa qed isiru xi xogħlijiet fuqha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa m`hemm l-ebda xogħol li qed isir fil-Bypass ta` l-Imrieħel mid-Dipartiment tat-Toroq.
Leg 9 PQ #10956 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Impjegati b'reduced hours

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati li talbu li jaħdmu bir-reduced hours/responsibility leave? Kemm minnhom ġew approvati? F'liema gradi kienu dawk li t-talba tagħhom ġiet approvata? Fuq liema persentaġġi ta' sigħat ta' xogħol se jaħdmu? Fuq liema kriterji dawn ġew approvati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ma kien hemm ebda impjegati li talbu li jaħdmu bir-reduced hours/responsibility leave.
Leg 9 PQ #10957 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpannija Saipen — Tiftix għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-kumpannija li kienet qed tagħmel it-tiftix għaż-żejt is-Saipen żarmat kollox minn Kerċem, Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Nterpellant ġentilment mitlub jirreferi għall-Press Release Numru 1540 maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fit-8 ta' Ottubru 1999 fejn isib it-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu.
Leg 9 PQ #10958 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ma ġeddidtx il-liċenzja tagħha f'Ottubru 1999 minħabba l-fatt li din il-vettura m'għaddietx mill-VRT?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji ma għandu l-ebda ndikazzjoni li dan seħħ.
Leg 9 PQ #10524 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Ref. A035295WSC

Question

Jista' l-Ministru jindaga x'inhi r-raġuni li tibdil ta' meter ta' natura urġenti b'riferenza A035295WSC li ilu li ntalab mit-2/6/99 minn pensjonanta li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament, għadu sal-lum ma sarx minkejja telefonati kontinwi minn din l-anzjani lill-Water Services Corporation? Jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent ma jkomplix inutilment?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jittieħdu l-passi neċessarji.
Leg 9 PQ #10525 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Distrett Nru. 4 — Trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa in konnessjoni ma' l-inkonvenjent serju kkawżat minn xita ta' trab iswed li qed jolqot diversi rħula fin-nofs inhar ta' Malta fosthom Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, Santa Luċija, il-Fgura u l-Marsa? Jaf il-Ministru li minn tests li saru fuq sample miġbur mill-kunsilli lokali fil-laboratorju ta' l-Universita' ta' Malta jirriżulta li dan fih kontenut qawwi ta' ħadid li qed jagħmel ħsara liċ-ċittadini ta' dawn l-inħawi? Qed jiġi nvestigat jekk dan it-trab hux qed joħroġ minn fabbrika li tqatta' l-ħadid f'dawn l-inħawi? Jekk fl-affermattiv, x'irriżulta? Jekk fin-negattiv, tista' ssir din l-investigazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ħa passi fir-rigward ta' l-emissjoni ta' trab b'kontenut għoli ta' ħadid. Dan il-każ jinstab pendenti quddiem il-Qorti. Rigward il-problema ta' trab iswed li qed jolqot il-parti msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent qiegħed f'kuntatt ma' kumpanija Ingliża b'esperjenza twila fil-materja biex il-fenomenu jiġi studjat u tinstab l-oriġini tat-trab iswed.
Leg 9 PQ #5696 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali, li tinkorpora l-ispejjeż kollha, li ntnefqet biex setgħu jinżammu l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar l-ispejjeż li ntefqu fl-organiżżazzjoni ta' l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu 1999 kienu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Rigward il-politika tal-Gvern dwar ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ f'bordijiet governattivi, nirreferi lill-Onor. Membru għall-programm elettorali tal-1998 tal-Partit Nazzjonalista li f'sezzjoni VIII, proposta numru 200, jgħid li Gvern Nazzjonalista "jiżgura li jkun hemm preżenza ta' żgħażagħ fil-bordijiet kollha li d-deċiżjonijiet tagħhom jolqtuhom b'mod sinifikattiv." Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 7876. 28.7.99

Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellha applikazzjonijiet il-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' għal għajnuna, x'tip ta' għajnuna intalbet u ngħatat u kemm-il applikazzjoni ġiet rifjutata u fuq liema kriterji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant tista' tinkiseb minn dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet pubbliċi. Ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - 1999; Indaqs - Fuljett tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' - paġna 5. Kopja ta' dawn il-pubblikazzjonijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. 5.7.99
Leg 9 PQ #8510 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Wied il-Għajn — Triq il-Buttar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq il-Buttar, Wied il-Għajn inqalgħet xi għaxar xhur ilu biex ġew mgħoddija xi servizzi u baqgħat maqlugħa sal-lum? Jaf il-Ministru li għalkemm kien intefa' xi terrapien fil-gandotti dawn kollha reġgħu nqalgħu? Jaf il-Ministru li f'din it-triq hemm drawwa li jipparkjaw ix-xarabankijiet tat-turisti li żgur mhux qed jieħdu impressjoni tajba ta' dan l-iżdingar? Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li din it-triq li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-gvern tiġi rranġata suret in-nies?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-asfalt ta` din it-triq ser isir bħala parti mill-proġett ta` l-`embellishment` tal-lokal.

Impjiegi — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi riveduta l-liġi dwar il-part-timers? Jaf li ħafna drabi dawn it-talin qed jiġu sfruttati, imġiegħla jaħdmu 19.5 hours biex ma jkunux intitolati għal ċerti benefiċċji, mħaddma bil-lejl jew f'peak hours ta' xogħol? Jaf li ċerti sidien qed iħaddmu żewġ part-timers biex ma jħaddmux wieħed fulltime? Ma jaħsibx li għandha tiġi studjata bis-serjeta' l-qagħda ta' dawn it-talin? Jaf li l-liġi dwar Conditions of Employment Regulations Act (CERA) l-aħħar li ġiet implimentata kien fl-1952?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-punti mqajjma mill-Onor. Interpellant qed ikunu kkunsidrati, flimkien ma' provedimenti oħra li jinħtieġu tibdil, f'diskussjonijiet li qegħdin isiru dwar il-"Conditions of Employment Reg. Act." Għalkemm din il-liġi ddaħħlet fis-seħħ fl-1952, matul iż-żmien kienet emendata ta' l-anqas 23 darba. Ta' min jgħid li diskussjonijiet qegħdin jinvolvu lil Gvern u lil imsieħba soċjali tiegħu. 30.06.99
Leg 9 PQ #8023 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Peress li xi ġimgħat ilu f'risposta parlamentari l-Ministru kien qal li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jinħarġu f'April li għadda, jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma fid-dawl ta' dan id-dewmien? X'kienu r-raġunijiet għal dan id-dewmien? Jista' l-Ministru jassigura li l-kontijiet jibdew joħorġu biex mhux imbagħad jaqgħu kollha f'daqqa għand il-konsumatur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa' bagħtet 90,000 kont tad-dawl u l-ilma għall-konsum domestiku. Dawk relattivi għall-konsum kummerċjali diġa' intbagħtu. Hu mistenni li sa l-ewwel ġimgħa ta' Lulju ikunu ntbagħtu l-kontijiet kollha. Naturalment il-kontijiet huma bir-rati mraħħsa wara r-reviżjoni li saret mill-amministrazzjoni preżenti.
Leg 9 PQ #8024 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus f'value added tax il-gvern matul l-ewwel tlett (3) xhur tas-sena - minn Jananr sa Marzu, 1999?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni hi ppublikata fil-gazzetta tal-Gvern.
Leg 9 PQ #8025 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-Żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex minnu li fil-Bir Madonna taż-Żejt li hemm f'Kerċem, Għawdex għadu għaddej xi tħaffir għaż-żejt u qed isiru testijiet dwar dan it-tħaffir? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-imsemmija testijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 7923 u 8061.
Leg 9 PQ #8026 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li jieħdu qualification allowance? Kemm qed jieħu kull ħaddiem ta' din l-imsemmija qualification allowance u fiex inhi d-diploma/degree/masters, etc li għaliha qed jieħdu l-allowance? Jikkonferma l-Ministru li d-degree, etc li qed jitħallsu għaliha hija konformi max-xogħol li qed jagħmlu hekk kif stipulat f'ċirkolari maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub jinħtieġ ħafna xogħol biex jiġi verifikat u tweġiba tingħata xi darba f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #8086 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

BOV — Bejgħ ta' isħma

Question

Wara li l-gvern biegħ l-isħma kollha tiegħu fil-Mid-Med Bank lill-HSBC, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb biex l-ishma li fadallu fil-Bank of Valletta jinbiegħu ukoll?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni tingħata meta jkun il-waqt.