Jista' l-Ministru jagħti ftit spjegazzjoni ta' kif ġejja d-daħla għall-Isptar Monte Carmeli minn Triq l-Imdina, Attard? Jista' jgħid jekk hux se jsiru traffic lights jew zebra crossings biex il-pubbliku jkun jista' jaqsam it-triq għall-isptar bla perikolu, peress li t-triq qed titwessa' sostanzjalment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi kopja tal-pjanta ta' kif ser tiġi d-daħla għall-isptar Monte Carmeli kif iddisjinjata mid-Dipartiment skond il-gwida ta' l-esperti Ġermaniżi. Ma jirrizultax li hemm bżonn ta' 'Traffic lights', iżda 'Pelican Lights' sabiex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu.
Jista' l-Ministru jgħid min ibbenefika minn sponsorships li saru mid-Dipartiment tal-Lottu matul din is-sena? Kemm ħadet kull organizzazzjoni u jekk hemmx ħsieb li tali sponsorships jiżdiedu s-sena d-dieħla?
Response (DALLI, JOHN)
Matul 1999 id-Dipartiment tal-Lottu sponsorja lill-organizzazzjonijiet kif jidhru hawn taħt:
Malta Football Association Lm 10,000
Malta Racing Club Lm 5,000
Malta Olympic Committee Lm 5,000
Malta Basketball Association Lm 5,000
Downs Syndrome Conference Lm 3,000
Millennium Celebrations Organising
Committee Lm100,000
Ma jistax jiġi stabilit minn issa jekk tali sponsorships jiżdiedux.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw performances mill-orkestra nazzjonali mit-twaqqif tagħha fl-1998 sal-lum, xahar b'xahar? Kemm daħlet flus l-orkestra nazzjonali għal kull performance minn min ingaġġa s-servizzi tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' performances xahar b'xahar li ingħataw mit-twaqqif ta' l-orkestra nazzjonali sal-lum huma:
1997 1999
Ottubru - 0 Jannar - 3
Novembru - 0 Frar - 1
Diċembru - 2 Marzu - 4
April - 2
1998 Mejju - 2
Ġunju - 4
Jannar - 3 Lulju - 0
Frar - 3 Awissu - 0 (Seminar)
Marzu - 5 Settembru - 1 (Seminar)
April - 3 Ottubru - 2
Mejju - 1 Novembru - 2
Ġunju - 3 Diċembru - 4
Lulju - 0
Awissu - 0 2000
Settembru - 2
Ottubru - 1 Jannar - 2
Novembru - 1
Diċembru - 3
Għar-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija, tajjeb li wieħed jiftakar li l-Orkestra Nazzjonali hija kumpanija mmexxija fuq linji kummerċjali. Għaldaqstant, ġejt mogħti l-parir biex din l-informazzjoni tibqa' kunfidednzali.
Jista' l-Ministru jgħid x'assi għandha l-kumpannija Limsuk, inkluż proprjeta' immobbiljari? Jista' jgħid kemm daħħal il-gvern mix-shareholding tiegħu f'din il-kumpannija minn mindu twaqqfet sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'salarju/kondizzjonijiet ġie mogħti l-Maestro Michael Laus, bħala chairman ta'l-orkestra nazzjonali? Jista'jpoġġi l-kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jikkonferma li ċ-chairman preċedenti ta' l-orkestra nazzjonali ma kien jirċievi l-ebda ħlas għas-servizzi tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Fl-aħjar interess ta' l-Orkestra Nazzjonali, iċ-Chairman preżenti, Maestro Laus ġie mitlub jiddedika numru sostanzjali ta' siegħat kull ġimgħa għall-Orkestra. Għaldaqstant il-Bord tad-Diretturi ta' l-Orkestra Nazzjonali stabbilixxa illi ċ-Chairman ikollu rimunerazzjoni ta' Lm3500 kull sena.
Informat ukoll li ċ-Chairman preċedenti kien impjegat regolari mad-Dipartiment tal-Kultura fil-kariga tiegħu ta' Senior Principal Officer fuq skala 7 b'salarju ta' Lm5561 li kien jagħti s-servizz tiegħu kollu bħala Chairman ta' l-Orkestra. Huwa kien jirċievi wkoll onorarju ta' Lm400 fis-sena mill-fondi ta' l-Orkestra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il bozza twaħħlet mill-Enemalta f'Malta u f'Għawdex, lokalita'b'lokalita', matul din is-sena? Kemm-il talba għandha l-Enemalta biex jitwaħħlu aktar bozoz f'Malta u f'Għawdex? Jikkonferma l-Ministru dak li deher f'ġurnal Malti dan l-aħħar li l-Enemalta m'għandhiex aktar bozoz?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija qed tingabar u twegiba tinghata f`xi Seduta ohra. Dwar l-ahhar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsija numru 12829 waqt is-Seduta numru 222 fejn spjegajt il-fatti kif tassew huma u mhux kif jigu pinguti mill-gurnali ghax hekk ikun jaqblilhom fil-mument.
Jista' l-Ministru jgħid min kien l-artist li ħoloq il-logo ġdid ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu? L-artist ġie magħżul jew saret xi sejħa għal disinni biex jintgħażel wieħed minnhom?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li fis-26 ta' Frar ta' l-1998, saret sejħa mill-'NTOM', fil-gazzetti lokali għall-proposti għall-'logo' għall-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta kif ukoll għall-'brand image' ġdida għall-Gżejjer Maltin.
L-'NTOM' irċeviet b'kollox dsatax (19) il-proposta, għaxra minnhom minn aġenziji lokali.
F'Mejju ta' l-1998, il-Ministeru għat-Turiżmu ta' dak iż-żmien waqqaf Bord biex jeżamina l-proposti kollha.
Wara l-ewwel fażi tal-proċess ta' l-għażla, disa' aġenziji ġew 'shortlisted'; sussegwentement, dawn niżlu għal tlieta, li minnhom tnejn kienu barranin u waħda lokali. Wara l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru 1998, tlabt lill-Bord biex ikompli bix-xogħol tiegħu. Il-Bord għażel lill-'Identity Management Consultant' Ingliża 'Luxon Carra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-iskola sekondarja Kan.P.Pullicino tar-Rabat, m'għandhomx sala fejn jistgħu jsiru attivitajiet extra kurrikulari bħal Prize Day u quddies? X'qiegħed iżomm milli tinbena sala, meta tmiss ma' l-iskola hemm biċċa art proprjeta' tal-gvern? Jaf il-Ministru li l-amministrazzjoni ta' l-iskola ilha snin titlob biex tinbena sala? Ġiet ikkonsidrata din it-talba? Jekk fl-affermattiv, x'sar fir-rigward?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proposta qed tiġi konsidrata flimkien ma ħafna oħrajn minn skejjel diversi.
Jista'l-Ministru jgħid kemm qed jiġi kkalkolat li se jikber id-dħul tal-gvern matul is-sena 2000 mit-taxxa l-ġdida fuq foreign artists/entertainers?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-iskop ta` l-emenda dwar rata ta` taxxa fissa ta` 10% fuq dħul minn foreign artists\entertainers mhix intenzjonata biex jiżdied id-dħul tal-gvern iżda biex tkun simplifikata l-proċedura eżistenti. Din mhix xi taxxa ġdida .
S`issa kull foreign entertainer li kien jiġi Malta biex jagħti xi wirjiet kien obbligat li jimla l-formola tat-taxxa u jibgħat ir-rendikont ta` dħul u spejjeż li kien ikollu konnessi ma` jinħolqu diffikultajiet kbar kemm għall-persuni involuti kif ukoll għad-Dipartiment biex ikun stabbilit il-qliegħ li għandu jkun intaxxat bir-riżultat li kwistjonijiet bħal dawn kienu jibqgħu ikaxkru għal diversi xhur jew snin sħaħ.
Għalhekk bl-emenda issuġġerita fil-Budget Speech dawn l-artisti issa se jkunu intaxxati b`rata fissa fuq id-dħul li jkollhom, u din tkun finali u ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jibgħatu l-formoli tat-taxxa u r-rendikont kif kien isir.
Jista' l-Ministru jgħid x'shareholding għandha l-MIMCOL u l-MGI Ltd f'entrapriżi/azjendi oħrajn? F'liema entitajiet u kemm hu stmat li jiswa dan ix-shareholding f'kull każ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li ħareġ il-gvern għall-Malta Drydocks u l-Malta Shipbuilding, separatament u sena b'sena, mill-1992 'l hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12822.
Jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm inżammu laqgħat mal-furnara dwar it-tneħħija tas-sussidju fuq il-ħobż, kif imħabbra fil-budget ta' din is-sena? Meta saru dawn il-laqgħat u ma' min? Meta nbeda dan is-sussidju u għal kemm kien jammonta sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul l-1999 saru diversi laqghat bejn il-Koperattiva tal-Furnara u l-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici dwar il-prezz tal-Hobz tal-Malti. Dawn il-laqghat saru kemm fid-dawl ta` talba mill-furnara ghal kumpens ghal zidiet fl-ispejjez taghhom kif ukoll b`relazzjoni mal-hsieb tal-Gvern li jispicca s-sussidju fuq id-dqiq li minnu jsir l-istess hobz tal-Malti, kif fil-fatt sar.
Principalment dawn il-laqghat saru fuq zewg livelli. Saru laqghat ta` natura purament teknika, li tmexxew mid-Direttur tal-Kummerc, u ohrajn li matulhom kont prezenti jiena. Il-laqghat teknici saru direttament mar-rapprezentanti tal-Koperattiva tal-Furnara inkluzi l-President u l-konsulent finanzjarju taghha. Fil-laqghat li saru mieghi attenda wkoll rapprezentant tal-G.R.T.U.
Is-sussidju fuq konsum ta` dqiq ghall-uzu fil-produzzjoni tal-hobz tal-Malti nbeda fl-1993. L-ammont ta` sussidju kull sena kien kif gej:
1993 Lm 32,005
1994 Lm 77,397
1995 Lm 448,488
1996 Lm 542,420
1997 Lm 690,859
1998 Lm1,096,321
1999 Lm 1,346,542
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet għat-twaqqigħ tal-ħajt tad-dock tat-Tarzna f'Bormla? Meta hu mistenni li jibda dan ix-xogħol? Min se jagħmlu u b'liema kondizzjonijiet miftiehma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi x-xogħol fuq is-sit biex ikun jista' jitwaqqa' l-ħajt tal-Baċir Numru 1, diġa' beda u dan qiegħed isir b'kollaborazzjoni bejn it-Tarzna u t-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti Maltin u barranin fl-iskola ta' Bighi? Hemm vakanzi ta' teachers f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Abram Gatt, Bighi ingħalqet nhar l-4 ta' Lulju 1999. Il-bini li kien jintuża minn din l-Iskola issa qiegħed jintuża miċ-Ċentru Malti għar-Restawr li twaqqaf f'Mejju 1999.
Minbarra laboratorji u workshops tar-resawr, iċ-Ċentru iħaddan fih l-Istitut għall-Istudji fir-Restawr li joffri korsijiet li jvarjaw minn sena għal erba' snin. L-ewwel sittax-il studenti fl-Istitut għall-Istudji fir-Restawr iddaħħlu f'Ottubru 1999 u jinkludu 14-il Malti u żewġ barranin. Hu mistenni li n-numru ta' studenti fiċ-Ċentru jista' jitla' sa mhux aktar minn mija u għoxrin (120) matul medda ta' ħames snin.
L-għalliema fl-istitut għall-Istudji fir-Restawr huma taħlita ta' restawraturi Maltin u barranin, part-time lecturers Maltin u barranin u teachers/instructors mid-diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn ta' l-aħħar jgħallmu diversi suġġetti awżiljarji inkluż Computer Studies, Taljan, Ingliż, Physics, Technincal & Line Drawing kif ukoll jippreparaw korsijiet ta' tħejjija bil-Malti u bl-Ingliż u jgħinu fix-xogħol tal-Laboratorji u workshops. Jeżistu numru ta' postijiet vojta għal speċjalisti fir-restawr kif ukoll ta' lecturers/għalliema u oħrajn mistennija li jinqalgħu hekk kif l-istudenti jimxu minn sena għall-oħra fl-istudji tagħhom kif ukoll meta jinbdew korsijiet ġodda.
B'riferenza għall-iskola ta' Bighi, jista' l-Ministru jgħid: (a) fuq liema kriterji ntgħażel l-istaff; (b) kemm hemm instructors/għalliema; (ċ) fiex waslet it-tender għal kċina li se tiswa madwar Lm26,000; u (d) kemm hemm studenti bħalissa f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Waqt li nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mstoqsija Parlamentari 10965, inżid li:
1. Il-kriterji li fuqhom intgħażel l-istaff ivarja skond il-livell ta' taħlim li mistenni jagħmlu:
a) Dawk l-għalliema li huma speċjalisti fir-restawr jew li jagħtu lectures fl-istorja ta' l-Arkitettura, l-istorja ta' l-Arti, l-Arkejoloġija, kimika, fotografija, etc, intagħżlu wara sejħa pubblika li xxandret fil-gazzetta tal-Gvern kif ukoll f'gazzetti Maltin u Taljani f'Mejju/Ġunju 1999.
i) Il-kriterji għal restawraturi/għalliema kienu jinkludu li
dawn kellhom kwalifiċi ta' l-Istituto Centrale per il
Restauro, l-Istituto Centrale per la Patologia dell'Libro
ta' Ruma, l'Opificio delle Pietre Dure ta' Firenze jew
ekwivalent aċċettat minn dawn l-istituzzjonijiet.
ii) Il-kriterji għal-lecturers ta' livell universitarju kien
ta' speċjalizzazzjoni terzjarja f'xi kamp ta' l-istorja ta'
l-Arkitettura, Arti jew Arkejoloġija.
iii) Il-kriterju għall-għalliema fil-fotografija kienu:
a) kwalifiċi akkademiċi
b) speċjalizzazzjoni fl-arti grafika
c) esperjenza u portfolio
b) L-għalliema/instructors li jgħallmu suġġetti awżiljarji bħall m'huma Computer Studies, Physics, Taljan, Ingliż, Technical u Line Drawing intgħażlu minnn dawk l-għalliema/insturctors li kienu jgħallmu fl-iskola tas-snajja' Abram Gatt, Bighi, qabel ma din ingħalqet nhar l-4 ta' Lulju 1999.
i) Il-kriterji għall-għalliema/instructors kienu:
a) il-kwalifiċi u esperjenza tagħhom
b) ix-xeħta għal suġġetti tekniċi jew artistiċi
c) ir-rieda li jibqgħu jgħallmu Bighi wara li għalqet l-
iskola Abram Gatt fejn kienu jgħallmu qabel
d) il-ħtieġa taċ-Ċentru tar-Restawr għas-servizzi li setgħu
joffru;
2. In-numru ta' restawraturi/għalliema, lecturers, għalliema u instructors part-time u full-time ivarja minn sena għal sena skond il-ħtiġijiet taċ-Ċentru u l-korsijiet offruti fih. Bħalissa dawn l-għalliema part-time u full-time ilaħħqu madwar 40 bejn barranin u Maltin
3. It-tender għall-kċina taċ-Ċentru Malti għar-Restawr għadu m'għalaqx. Mistenni li dan jiġi kkunsidrat flimkien ma' tenders oħra f'Diċembru 1999. Il-kċina trid tlaħħaq mal-ħtiġijiet kollha taċ-Ċentru (li jinsab f'Bighi u fejn m'hemmx faċilitajiet oħra fil-viċinanzi), jiġifieri
a) korp studentesk li mistenni jitla' sa mhux aktar minn
120 ruh;
b) ir-restawraturi residenti Taljani u barranin (li joqgħodu
fiċ-Ċentru u li jistgħu jitilgħu sa 20 ruh)
c) ir-restawraturi u ħaddiema oħra li jaħdmu fiċ-Ċentru ta'
Bighi, (liema numru ta' restawraturi u ħaddiema oħra ġie li
jaqbeż il-mitt ruh)
d) viżitaturi li jattendu għal seminars jew korsijiet oħra.
Kif ġie imwieġeb f'aktar dettall fit-tweġiba għall-Mistoqsija Numru 10965, fl-Istitut għall-Istudji fir-Restawr hemm 16-il studenti fil-kors tad-Degree in Conservation and Restoration Studies li nfetaħ l-ewwel darba f'Ottubru 1999 u li jdum 4 snin. Hu mistenni li n-numru ta' studenti jibqa' jiżdied kull sena permezz tad-dħul fil-kors ta' 4 snin u dak f'korsijiet iqsar.
B'riferenza għall-iskemi tax-xiri ta' appartamenti tal-gvern bi prezz sussidjat li kienu jsiru fis-snin tmenin u li għad għandhom il-kondizzjoni li s-sussidju jiġi ritornat lill-gvern mill-benefiċċjarji mingħajr l-ebda kondizzjoni ta' żmien ċioe' jittrasferuh meta jittrasferuh u mhux sa ċertu żmien, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar dawn l-ammonti ta' sussidju fis-sens li jekk jgħaddi ċertu perijodu ta' żmien ma jkunx hemm l-obbligu li jiġu refunded lill-Gvern bħalma jsir fi skemi oħrajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar tonora l-kundizzjonijiet tal-kuntratt iffirmat bejnha u l-benefiċjarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala self-employed skond l-aħħar statistika? Jista' jagħti breakdown ta'dawn is-self-employed, raħal raħal?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li f'Settmebru 1999, in-numru ta' persuni li jaħdmu għal rashom kien ta' 15,427.
L-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika ma jiġborx statistika ta' dawn it-tip ta' ħaddiema raħal b'raħal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm dħul mil-Lotterija Nazzjonali sena b'sena mill-1990 sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li id-dħul mill-Lotterija Nazzjonali bejn 1990 u 1999 kien kif ġej:
1990 1991 1992 1993
Lm Lm Lm Lm
255,648 181,876 209,028 66,725
1994 1995 1996 1997 1998
Lm Lm Lm Lm Lm
33,202 86,221 120,480 252,308 183,000
Id-dħul mill-Lotterija Nazzjonali għall-1999 għadu mhux stabilit minħabba li l-pożizzjoni tkun magħrufa wara l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema fabbriki għandha interess/shareholding il-Libyan Arab Maltese Holding Company Ltd? Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena xi dħul kellu l-gvern mill-istess kumpannija mit-twaqqif tagħha sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.