Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-ispejjeż li saru biex twessgħet u ngħatat it-tarmac fi sqaq it-Tramuntana Ħal Tarxien? Jista' jgħid jekk tħallasx xi kumpens lil xi ħadd, u jekk iva lil min, kemm u għaliex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi l-ispejjeż kollha nvoluti fix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' Triq it-Tramuntana huma mqassmin kif jidhre hawn taħt:
Bankini u service duct Lm12,015.41
Type 1 Lm1,289.17
Asfaltar tat-triq (60mm base u 40mm wearing) Lm8,945.29
Jiena nfurmat illi sa issa għadu ma tħallas l-ebda' kumpens.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jiġi ffinalizzat it-trasferiment tal-liċenzja tan-negozju Ref: TL/A/31/02 li issa ilha diversi xhur b'inkonvenjent kbir għall-applikant?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-trasferiment tal-liċenzji tan-negozju imsemmija fil-fatt ġie finalizzat u l-applikant ser jiġi infurmat dwar dan.
Jista' il-Ministru jgħid liema studji dwar setturi industrijali li saru mill-IPSE ġew iffinalizzati s'issa? Jista' jgħid kemm u liema huma dawk l-istudji li għadhom proġettati u meta hu proġettat li jiġu ffinalizzati?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudji li ġew iffinalizzati s'issa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-istudji dwar is-setturi industriljali li saru mill-IPSE u ġew finalizzati huma dawn:
Rapport dwar is-settur ta' l-għamara
Rapport dwar is-settur ta' l-inbid
Rapport dwar is-settur tal-frott ipproċessat u l-ħaxix
Rapport dwar i-settur tal-ġojjellerija
Rapport dwar is-settur ta' l-istampar
Rapport dwar is-settur tal-materjal tal-bini - metalli bażiċi
Rapport dwar is-settur tal-materjali tal-bini - prodotti minerali mhux metalliċi
Hemm proġettat studju dwar "rapport dwar is-settur ta' l-ifran". Huwa maħsub li dan l-istudju jiġi finalizzat fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu out of stock il-lotion tar-ras Minoxidil 5% solution (jew Rogaine 5%) li jqum mal-Lm14 u li jird jintuża kull xahar minn xi pazjenti? Jaf li minn Awissu tas-sena l-oħra lill-ċerta pazjenta ilhom jgħidulha li out of stock minkejja li hija ntitolata għalih u mniżżel fil-karta s-safra tagħha u ġie approvat? Jaf li f'dan il-każ il-persuna kkonċernata anzjana qed ikollha toħroġ Lm14 kull xahar għal dan il-prodott mill-pensjoni tagħha li tbatija għaliha u għas-sieħeb tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li Minoxidil 5% solution jinstab 'in stock' fl-Ispiżerija ta' Boffa.
Minoxidil 5% kien out of stock bejn Jannar u April 2002.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex qed jagħti permessi għal spiżeriji f’pajjiżna bħalissa? Meta ħareġ l-aħħar permess għal spiżerija? X’inhi r-raġuni għal din ir-restrizzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa teżisti friża għall-ħruġ ta` permessi għal spiżeriji ġodda.
Madankollu, d-Dipartiment qiegħed jikkunsidra applikazzjonijiet għal spiżeriji ġodda f'ċirkostanzi segwenti:-
L-applikazzjoni tkun għal spiżerija li minnha jinbiegħu biss mediċinali veterinarji.
Jekk qabel ma bdiet titħaddem il-friża, kien diġa` deċiż li jinħareġ permess, iżda sakemm saret din il-friża l-permess ikun għadu ma ħariġx minħabba xi xogħlijiet pendenti, eċċ
Jekk ikun hemm deċiżjoni ulterjuri minn awtorita` ġudizzjarja jew awtorita` oħra kompetenti bħalma huma l-Ombudsman u l-Qrati.
Jekk, għal raġunijiet umanitarji, tinħass il-ħtieġa li tinfetaħ spiżerija, bil-patt li
a. il-talba ssir mill-Kunsill Lokali tal-post fejn jiġu spjegati r-raġunijiet kollha għaliex għandha tinfetaħ spiżerija
b. ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-imsieħba soċjali kollha u mill-Gvern, u
ċ. ma jkunx hemm konflitt ma` spiżeriji eżistenti jew applikazzjonijiet preċedenti f'dik il-lokalita` jew 'area' ġdida fl-istess lokalita`.
L-aħħar permess li nħareġ kien fil-15 t'April 2002.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm jammonta u bħala average l-ispejjeż tal-ġenituri li jkollhom iħallsu privatament (minkejja li jixtru l-uniformi mill-istess skejjel fejn jattendu uliedhom) biex jixtru l-uniformi għal uliedhom fl-iskejjel statali primarji u sekondarji rispettivatment? Jista’ jivverifika jekk hux minnu jew le, li tifla ta’ 8 snin li tattendi fl-iskola primarja statali ta’ Raħal Ġdid ingħatat lista ta’ items tal-uniformi li trid tixtrihom bilfors u li jammontaw (dawk li jkollha bżonn) għal xi Lm55? Peress li għal ġenituri bla xogħol jew single parents dan huwa ammont li jikkawża ċertu tbatija, ma teżisti l-ebda għajnuna għal dawn it-tip ta’ nies?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li din il-Mistoqsija waslet f'dan il-Ministeru l-bieraħ, 8 ta' Lulju 2002, it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-gvern intrabat li jagħti s-somma ta’ Lm25,000 lill-Ħamrun Spartans FC għall-bini tal-clubhouse? Huwa minnu li diġa tħallset is-somma ta’ Lm5,000 li suppost marret għal dan ix-xogħol u minflok tħallset bil-quddiem, intużat biex tħallsu l-players? Jista’ l-Ministru jinvestiga dan il-każ u jagħti rendikont lill-Kamra?
Jista' l-Ministru jikkonferma li fid-dental clinic tal-polyclinic ta' Raħal Ġdid qed ikun hemm nuqqas ta' staff/dentisti? Jista' jikkonferma li tħassru diversi appuntamenti għaliex huwa impossibbli għal min ikun qiegħed xogħol li jlaħħaq waħdu? Jista' jara wkoll li jitwaħħal air condition unit f'din d-dental clinic fejn ikun hemm sħana tremenda f'dan iż-żmien tas-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-full complement fid-dental clinic fiċ-ċentru tas-saħħa ta` Raħal Ġdid huwa ta` żewġ dentisti, wieħed dental hygienist full-time, w infermiera. Ma hemm ebda nuqqas ta` staff f'dan il-unit.
M'huwiex normali li jitħassru appuntamenti ħlief meta xi ħadd mid-dentisti joħroġ bis-sick leave u ma jkunx possibbli li jintbagħat dentist minn klinika oħra. Dan jiġri rari ħafna u fil-fatt din is-sena ġrat darba biss. Din il-proċedura hija l-istess f'kull ċentru tas-saħħa ieħor.
Hemm ippjanat li jsir refurbishment fiċ-ċentru tas-saħħa ta` Raħal Ġdid u l-airconditioning ser jiddaħħal bħala parti minn dan ir-refurbishment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' dawk il-persuni li attendew id-Detox centre? X'etajiet għandhom dawk li attendew? Bejn Jannar u Mejju 2002?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' żgħażagħ li nqabdu jabbużaw mid-droga bejn Jannar u Mejju 2002? Bejn 16 u 30 sena? Irġiel? Nisa? Tfal taħt 16-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju 2002, inqabdu 46 mara u 209 irġiel ta` bejn is-sittax u t-tletin sena (16-30) jabbużaw mid-droga. Infurmat ukoll illi inqabdu ukoll 5 bniet u tifel wieħed li l-eta` tagħhom kienet taħt is-sittax-il sena.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34306, jista' jgħid x'inhi l-posizzjoni dwar l-applikazzjoni għall-liċenzji għat-temporary mobile kiosks fil-festi? Jivverifika li skond l-aħħar regolamenti maħruġa mill-gvern hemm min kellu l-ġust u se jibqa' jiġi allokat is-sit li kien jokkupa? Jaf kif u minn min jiġi stabbilit li trabba l-ġust fuq sit partikolari? Jaf li minkejja dawn ir-regolamenti, diversi kunsilli lokali qegħdin jagħżlu/jaċċettaw u joħorġu s-siti on a first come first served basis (skond id-data tal-applikazzjoni tagħhom)? Jaf li qed ikun hemm ħafna skuntentizza minħabba l-loop hole tal-ġust li qed tiġi skartata fil-fatt minn dawn il-kunsilli? Jaħsibx li jkun aktar ġust mal-operaturi ta' dawn il-gabbani li titneħħa din il-loop hole tat-trobbija tal-ġust u jkun hemm għażla bil-polza għal min ikun iteressat li japplika u b'hekk ħadd ma jiġi preferut fuq ħaddieħor?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-applikazzjoni għall-liċenzji tal-kiosks li jarmaw fil-festi hija espressa fir-regolamenti elenkati fl-Avviż Legali relattiv.
Tajjeb jingħad li din il-pożizzjoni ttieħdet wara konsultazzjoni ma' l-Assoċjazzjoni Bejjiegħa fil-Festi u ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk il-Gvern ħass li għandu jirrispetta l-proċeduri adottati matul dawn l-aħħar snin mill-bejjiegħa.
Dawk il-Kunsilli Lokali li jqassmu l-postijiet fuq il-bażi ta' "first come, first served" ikunu qed imorru kontra l-istess regolamenti. Barra minn hekk ikunu qed joħolqu disgwid bla bżonn fost l-istess bejjiegħa. Għal dan il-għan, l-istess Avviż Legali jirrakkomanda li għandu jinħoloq kumitat bejn il-bejjiegħa fil-festi bil-għan li jgħin lill-Kunsilli Lokali fl-organizazzjoni tal-bejgħ matul il-festi.
L-għażla tal-post permezz tal-polza tista' toħloq skuntentizza fost il-bejjiegħa nfushom. Ta' min iżomm f'moħħu li l-bejjiegħa għal żmien twil ilhom jirrispettaw il-postijiet ta' xulxin. Jiena persważ li impenn miż-żewġ naħat iwasslu għal soluzzjoni li tkun ġusta ma' kulħadd.
Jista’ l-Ministru jwieġeb għaliex persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jidhru separatament applikat għal għajnuna tal-wens f’Novembru 2001 talli tieħu ħsieb il-ġenituri tagħha u ma tħallsitx u issa saħansitra laħaq miet missierha u hi kellha titlaq ix-xogħol qabel ma miet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33547 magħmula fil-15 ta’ Mejju 2002 fejn bi żvista r-riferenza ta’ l-applikazzjoni għal notification ingħatat bħala DN0093/02 minflok DN 00983/02 li hi r-riferenza t-tajba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-każ tan-notifika DN 0983/02, il-bidliet jibdlu l-karattru u l-kuntest tal-bini. Għaldaqstant, il-bidliet m`humiex koperti mill-eżenzjonijiet mogħtija taħt l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni ta` l-Iżvilupp, u hija meħtieġa applikazzjoni sħiħa għal permess sabiex il-każ ikun jista` jitqies aktar fid-dettal skond il-merti tiegħu. Dan ir-rimedju huwa fil-fatt indikat ("a formal application to the Planning Authority for development permission is required") fl-istess ittra li ntbagħtet lill-perit ta` l-applikant, u ma jirriżultax li l-applikant mhux qed jingħata xi gwida minn naħa ta` l-Awtorita` dwar x`jista jagħmel.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li r-residenti kollha ta' Triq Inverness Paola qegħdin ibatu minn low voltage, speċjalment wara nofs in-nhar u saħansitra jinqatagħlhom id-dawl f'xi okkażjonijiet? Jista' jgħid x'azzjoni ser jieħu sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħolijiet ta' tisħiħ tas-sistema ta' vultaġġ baxx għandha ssir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pendenti (u jekk fl-affermattiv kemm hemm) applikazzjonijiet għall-istallar ta' air-conditioning units fil-poliklinika ta' Raħal Ġdid? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-installar ta' air-conditioning fil-Poliklinika ta' Raħal Ġdid jifforma parti mir-rifurbishment ta' dan ic-Ċentru tas-Saħħa. Dan il-proċess ta' refurbishment ilu li beda mis-sena 2000 u hu ppjanat li jitkompla b'mod aktar estensiv is-sena d-dieħla.
Fil-preżent ġew air-conditioned iż-żewġt ikmamar tal-General Practitioner, l-Ispiżerija fejn hemm żewġ units u t-Treatment Room fejn hemm żewġ units oħra.
Jista' l-Ministru jara li jiġi mibdul il-wire tal-elettriku li hemm fuq barra tad-dar 16, Triq Inverness, Paola li jagħti għal ġo l-istess residenza li huwa biċ-ċomb u rqiq wisq, peress illi qed jinqata d-dawl ta' spiss ta' din ir-residenza? Jaf li xi sentejn ilu kienu rranġaw il-meter ta' din ir-residenza u kien intqal li-residenti li kellhom jiġu l-ħaddiema tal-gvern biex jirranġaw dan il-wire u li fil-fatt dawn qatt ma tfaċċaw?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Jista' l-Ministru jara li l-pensjonant bil-karta ta' l-identita' bin-numru li qed jintbagħat separatament hux qed jirċievi pensjoni ġusta peress illi l-kopja miżżewġa flimkien tirċievi Lm167 fix-xahar? Din il-perusna mhux possibbli li tmur hi biex tara jekk il-pensjoni li qed tirċievi fil-fatt hix tajba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fit-triq fejn id-drive in li tagħti għal kumpless sħiħ ta' garaxxijiet li hemm bejn Triq Brittania u Triq l-Arkata f'Raħal Ġdid għaliex ikun hemm ħafna dlam bil-lejl għad-detriment ta' dawk li jgħaddu mill-inħawi speċjalment bil-mixi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta huwa maħsub li tiġi asfaltata Triq il-Pluvieri, l-Gudja li tinsab fi stat diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali qed jimplimenta programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qegħdin jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pendenti bħalissa applikazzjonijiet għal VAT refund fuq:- spejjes tat-tieġ, spejjes tal-funeral, spejjes ta' kostruzzjoni minn għarajjes, separatament u kemm hu t-total lura ta' VAT li qed tintalab lura għal kull kategorija indikata?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li applikazzjonijiet pendenti għall-VAT refund fuq spejjeż ta' tiġijiet hemm 57 li jammontaw għal madwar Lm42,750 u għall-funerali hemm 75 li jammontaw għal madwar Lm5,625.
Rigward spejjeż ta' kostruzzjoni minn għarejjes, din l-informazzjoni tista' tinkiseb mill-Awtorita' tad-Djar peress li din l-iskema m'għadiex taqa' taħt ir-responsabbilita' tad-Dipartiment tal-VAT.