Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15975 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Swali

Question

Veru li fl-Isptar Monte Carmeli minkejja li d-Direttur tad-Diviżjoni tas-Saħħa qed jagħti l-impressjoni li kollox miexi sew, jeżisti taħwid kbir fis-swali? Veru li żewġt nurses nisa ġew attakkati fil-Ward 10, minn xi pazjenti, ġew mweġġa' sew u ntbagħtu l-Isptar San Luqa għal aktar kura? Veru li l-mediċina li s-soltu titqassam fis-7.00 a.m. ġiet imqassma anke fil-11.00 a.m. f'ċerti swali waqt l-azzjonijiet industrjali? Jista' l-Ministru jgħid meta se jirtabu l-irjus u jerġgħu jibdew in-negozjati f'din il-materja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Direttur tad-diviżjoni tas-Saħħa dejjem saħaq u qatt ma ħeba l-fatt li din l-azzjoni estrema minn naħa tal-unions ta` l-infermiera qed toħloq tbatija lill-pazjenti u tista tkun ta` periklu kemm lill-pazjenti kif ukoll lil dawk illi jieħdu ħsiebhom. Veru li żewġ nurses ġew attakkati fuq il-female ward 10. Dan sfortunatament jiġri minn żmien għal żmien ġo sptarijiet mentali madwar id-dinja. In-nurses involuti intbagħtu l-isptar San Luqa għall-vista. L-għada daħlu xogħol normali. Ta` min isemmi illi dan l-inċident seħħ waqt li s-sala kellha n-numru ta` nurse normali. Veru li minħabba l-azzjoni tat-tliet unions tan-nurses pinnoli tas-7.00a.m. f`ċerti swali tqassmu fil-11.00a.m. Għal raġunijiet bħal dawn, id-divizjoni tas-Saħħa tant ikkritikat lit-tliet unions tan-nurses li l-azzjonijiet tagħhom kienu qed jolqtu primarjament lill-pazjent. Id-Diviżjoni tas-Saħħa dejjem lesta tinneġozja izda ma tistax iċċedi fejn għandha raġun jew tabroġa r-responsabilita taħħa.
Leg 9 PQ #15976 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Overtime

Question

Peress li d-direttur tad-Diviżjoni tas-Saħħa, jgħid li jrid inaqqas mill-infiq għal ħlas ta' overtime fl-Isptar Monte Carmeli għaliex f'dawn l-aħħar xhur, ċerti gradi ta' mpjegati bħal skrivani, bajjada, WTOs, supervisors, fattigi u saħansitra anke l-hairdresser, ġew eġevolati billi biddlulhom ir-roster tax-xogħol, u ngħatawlhom ammont konsiderevoli ta' sigħat biex fejn qatt qabel ma ħadmu overtime, jibdew jaħdmu huma wkoll? X'sens jagħmel li ċertu xogħol qed jibda jsir fil-Ħdud u l-festi biex isir ħlas doppju, flok ma jsir fost il-ġimgħa? Kemm tħallas overtime ta' dawk il-kategoriji ta' mpjegati esklużi nurses, fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ta` min jgħid li l-kontroll tal-overtime qed isir fuq il-gradi kollha mhux biss fl-isptar Monte Carmeli izda f`kull settur tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Matul is-sena 2000, la nbiddlu rosters u lanqas ngħataw oħrajn ġodda. Mill-gradi ta` ħaddiema msemmija, dawk li jagħmlu xogħol ta` overtime il-Ħadd huwa kif ġej: No.1 W.T.O. No.1 Supervisor No.2 Drainage Workers No.1 Hair dresser Il-W.T.O., is-Supervisor u d-drainage workers jaħdmu madwar ħames sigħat fil-waqt li l-Hairdresser taħdem xi sagħtejn. Din ta` l-aħħar tagħmel xogħol il-Ħdud biex tagħti dehra aħjar il dawk il-pazjenti li jkunu se joħorġu bil-leave. Ta` min jgħid ukoll li nhar ta` Ħadd ikun hawn aktar viżitaturi mis-soltu u għalhekk qed jingħata servizz ta` hair dresser `l dawk il-pazjenti li jkunu jridu jirranġaw xagħarhom. Il-fattigi ukoll jaħdmu xogħol ta` overtime il-Ħadd iżda dan isir ġewwa l-wards biex tinżamm aktar indafa. Fl-ewwel tliet xhur ta` din is-sena, l-overtime mħallsa lill-impjeġati (eskluż n-nurses) jammontaw għal LM56,000.
Leg 9 PQ #15977 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Triq il-Pellikani - Arblu

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15697 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jara li jitwaħħal arblu tad-dawl fi Triq il-Pellikani, Tarxien (fil-parti tat-triq segregata mill-kumplament ta' Triq il-Pellikani) peress li tinsab mdallma ħafna għad-detriment tar-residenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba biex jizdied id-dawl fi Triq il-Pellikan f`Hal Tarxien qed tigi ikkunsidrata flimkien ma` talbiet ohra.
Leg 9 PQ #15703 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Minimum wage earners

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li l-minimum wage earners impjegati mal-gvern jibdew jitħallsu l-paga kull ħmistax minflok kull xahar biex it-tbatija li għaddejjin minnha l-familji tagħhom bħalissa tkun ikkontrollata aħjar?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-frekwenza tal-ħlas tal-paga ma` jitqisx li għandu jeffetwa tajjeb jew ħażin il-ħajja tal-impjegati. Barra minn hekk, peress li dan qed jiġi diskuss mal-Unions li jirappreżentaw lill-istess impjegati, mhux opportun li nikkummenta iżjed fuq is-suġġett.
Leg 9 PQ #15704 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Language/science labs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm language labs u science labs fl-iskejjel statali, primarji u sekondarji separatament? F'liema skejjel jinsabu? Hemm ħsieb li fil-futur qarib jiżdied in-numru ta' dawn?

Response (GALEA, LOUIS)

L-infomrazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Leg 9 PQ #15705 Sitting 286 2000-05-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Art rooms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jeżistu art rooms fl-iskejjel statali, primarji u sekondarji? F'liema skejjel jeżistu dawn l-art rooms? Jaħseb li hemm biżżejjed minn dawn? Kemm hemm bħalissa art teachers fl-iskejjel statali, primarji u sekondarji separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Sekondarji u tas-Snajja' hemm 40 Art Rooms. Dawn jinsabu fl-iskejjel li se nsemmi: B'Kara BSS - 1 Cospicua GSS - 1 Gżira BSS - 1 Ħamrun GSS - 2 Marsa BSS - 1 Samra GSS - 1 Qormi BSS - 1 Mosta GSS - 1 Paola BSS - 1 Rabat GSS - 1 St Venera BSS - 1 Tarxien GSS - 2 Żebbuġ BSS - 1 Żurrieq BSS - 1 Corradino BJL - 2 Blata l-Bajda GJL - 3 Ħamrun BJL - 2 Mrieħel GJL - 2 Ħandaq BJL - 3 Sandhurst GJL - 2 Verdala BJL - 1 St Luċia GJL - 1 Victoria BJL & Sec - 2 Żejtun GJL - 2 Naxxar BS - 2 Victoria GJL & Sec - 1 Marsa GS - 1 Tarġa Gap Trade Sc. - 2 Informat ukoll li fl-iskejjel Primarji hemm 14-il għalliem Peripatetic ta' l-Art u fl-iskejjel Sekondarji u tas-Snajja' bħalissa hemm 69 għalliema ta' l-Arti.
Leg 9 PQ #15697 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Triq il-Pellikani - Arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħal arblu tad-dawl fi Triq il-Pellikani, Tarxien (fil-parti tat-triq segregata mill-kumplament ta' Triq il-Pellikani) peress illi din tinsab mdallma ħafna għad-detriment tar-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #15698 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Triq il-Pellikani - Għalqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir bl-għalqa li tinsab faċċata tad-djar fi Triq il-Pellikani, Tarxien (il-parti maqtugħa mill-kumplament tat-triq) u li hija mifnija minn ħmieġ u ġrieden? Tista' titnaddaf u jittellgħu ħajt madwarha skond il-liġi? Veru li din hija green area?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Minn investigazzjoni li għamel id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jirriżulta li l-lokalita' hi waħda fejn qed isir ħafna bini. Fil-lokalita' jeżistu pockets li għadhom ma ġewx żviluppati u li fihom qed jintefa' skart tal-bini mill-attivitajiet tal-viċin. Skond il-'Provisional Development Plan', l-area msemmija mill-Onorevoli Interpellant hi ndikata għall-bini ta' 'terraced houses'. Billi l-area tappartjeni lil sit privat, ġie nfurmat il-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien biex jieħu l-miżuri għat-tindif tal-post skond il-liġi.
Leg 9 PQ #15699 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Triq il-Pellikani - Tabella

Question

Jista' l-Ministru jara li tinbidel it-tabella tat-triq fil-parti ta' Triq il-Pellikani, Tarxien li tinsab segregata mill-kumplament tat-triq u li fiha hemm tabella li irronjament taqra "Triq Xandur Farrugia" li qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq informa lill-Kunsilli Lokali bil-kummenti ta' l-Onor. Interpellant u qed jieħu azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #15700 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Technical Institute Electrians — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li lill-istudenti ta' l-ewwel sena tat-Technical Institute Electricians qed jgħidulhom li jew isibu sponsor huma inkella jaqtgħulhom l-Lm40 allowance tas-sajf u fl-istess ħin dawn l-istudenti ma jistgħux jaħdmu part-time? Jista' jikkjarifika x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-awtoritajiet edukattivi jiċħdu kategorikament li intqal diskors simili lill-istudenti. Informat ukoll li l-ETC ippruvat issib xogħol lil kull apprendist sa minn Lulju ta' l-ewwel sena ta' l-apprendistat il-quddiem. Fl-aħħar nett informat li, l-istudenti għandhom dritt għall-għotja ta' Lm100 fix-xahar bejn Lulju u Settembru kemm jekk jinstabilhom xogħol u anke jekk le. Madanakollu, kemm il-darba l-apprendist jinstablu xogħol, jekk ma jattendix ma jitħallasx.
Leg 9 PQ #15701 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Sleeping policemen

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru sleeping policemen fl-entratura ta' Triq l-Imqaddes tal-Qedem, Tarxien, partikolarment kif tikser għal ġo fiha minn ġo Triq Ġorġ Caruana, Tarxien peress li din qed tintuża minn fast traffic li juża t-triq bħala short cut għal Zabbar Road?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat kemm mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta` Hal Tarxien.
Leg 9 PQ #15702 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm u xi progress sar fil-kwestjoni tat-trab iswed li qed jifni diversi rħula fin-nofsinhar ta' Malta, fosthom Ħal Tarxien? Peress li fil-fehma tiegħi l-gvern qiegħed jittratta din kwestjoni b'mod leġġer, jista' jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata mill-aktar fis?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15502 (Seduta 280).

Koperattivi

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14982, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-ħames koperattivi ġodda li se jitwaqqfu fil-futur qarib? Jista' jgħid ukoll liema dipartimenti tal-Gvern saru laqgħat dwar koperattivi fis-servizz pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħames koperattivi li ġew imwaqqfa riċentament huma: 1. Action Line Co-operative Limited 2. Archaeology Services Co-op Limited 3. Miles Co-op 4. Northern Cleaning Co-operative Limited 5. Local Wardens Co-operatives Society Limited Fir-rigward ta' koperattivi fid-Dipartimenti tal-Gvern u entitajiet pubbliċi bħalissa qegħdin isiru taħdidit avvanzati fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Filwaqt li ser isiru taħdidit preliminari fil-Works Division (Marsa) u f'diversi dipartimenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, fil-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd, fil-Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni u fil-Ministeru għall-Għawdex.
Leg 9 PQ #15378 Sitting 276 2000-04-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Umberto Colosso - Studenti

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni illi l-istudenti ta' l-iskola Umberto Colosso ta' l-iskema ESTS Electronics Servicing ES4, tħallew bla għalliema tal-matematika minn Ottubru tas-sena l-oħra sa nofs Marzu ta' din is-sena? Huwa sewwa illi apparti dan in-nuqqas, l-istess studenti qed jgħidulhom li jridu jagħmlu l-final exams tal-matematika fuq is-sillabu kollu f'Ġunju li ġej? Huwa minnu li l-istudenti kollha ma jridux joqogħdu għal dan l-eżami b'dawn il-kondizzjonijiet? Peress li minħabba dan in-nuqqas dawn l-istudenti diġa' tilfu l-eżamijiet tal-half yearly f'dan is-suġġett, se jittieħed in konsiderazzjoni dan in-nuqqas meta jiġi kkorreġut eżami finali għal dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ES4 tħallew bla għalliema peress li ma kienx hemm għalliema tal-Matematika biex jieħdu l-lezzjonijiet kollha. Peress li issa naqset klassi ta' ESTS għalhekk l-għalliema ta' din il-klassi ġie assenjat il-lezzjonijiet ta' ES4. Dawn l-istudenti m'għandhomx finali, iżad jagħmlu eżamijiet ta' City and Guilds li m'humiex fil-matematika. F'dan l-istadju l-matematika tkun mgħallma biss bħala support għat-teorija. Għaldaqstant dawn l-istudenti mhux se jbatu minn dan in-nuqqas.
Leg 9 PQ #15199 Sitting 273 2000-03-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Negozji

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14970 dwar one stop shop għal negozji, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-vakanzi għal uffiċjali li bħalissa qed isir il-proċess ta' l-għażla tagħhom? X'personnel huwa maħsub li jkollha din il-unit ladarba tkun fully functioning?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bhalissa ghaddej il-process biex jimtlew vakanzi ghal Assistant Direttur u tlitt Ufficjali Principali. Meta l-Unit tkun `fully operational` din tkun komposta minn Assistent Direttur, tlitt Ufficjali Principali, Skrivan u Messaggier.
Leg 9 PQ #15200 Sitting 273 2000-03-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Copyright

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-qorti, sena b'sena mill-1995 sa l-2000, dwar ksur ta' copyright?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar in-numru ta` persuni mressqa l-Qorti dwar ksur tal-Copyright Act hu kif ġej : 1995 1996 1997 1998 1999 2000* ---- ---- ---- ---- ---- ---- 13 8 9 24 23 2 * Sal-24 ta` Marzu.
Leg 9 PQ #15207 Sitting 273 2000-03-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Vetturi — Ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ambulanzi fil-pajjiż? Kemm minnhom huma tal-gvern u kemm tal-privat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-pajjiż hawn disgħa u sittin (69) ambulanza. Sebgħa u ħamsin (57) huma tal-gvern u tnax (12) huma tal-privat.
Leg 9 PQ #14985 Sitting 272 2000-03-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Kultura — Avvenimenti kulturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jkunu l-avvenimenti kulturali mniedi mid-Dipartment tal-Kultura sa l-aħħar ta' din is-sena? Kemm huma l-flus ivvotati għal dawn l-attivitajiet separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Jannar ta' din is-sena s'issa id-Dipartiment tal-Kultura diġa` nieda numru ta' attivitajiet kulturali bħal kunċert ta' l-Epifanija, il-Karnival, il-Kanzunett għall-Ewropa u oħrajn li jsiru fuq bażi regolari bħall-Cultural Tours u l-Kunċerti ta' Nofsinhar. Informat ukoll li id-Dipartiment għandu ippjanati numru ta' attivitajiet kulturali oħra fosthom : 1) Cultural Tours oħrajn 2) Francis Ebejer Play Writing Competition 3) Underwriting of Maltese Plays 4) Kunċerti ta' Nofsinhar oħrajn 5) Festival Nazzjonali ta' Għana 6) Mnarja u St.John's Bon Fires 7) Jazz Festival 8) Attivitajiet Kulturali b'kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali 9) Cultural Support Programme 10) Maltese Culture Abroad Għall-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi l-Onor. Membru għall-estimi Ġenerali għas-sena 2000 li huwa fuq l-istess stil ta' dawn l-aħħar snin.
Leg 9 PQ #14986 Sitting 272 2000-03-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ċirkewwa — Inċident fatali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-investigazzjoni ta' l-inċident fatali li sar fiċ-Ċirkewwa fejn fih mietu tliet ħaddiema mid-Dipartiment tad-Drenaġġ? X'miżuri ġodda daħħal id-Dipartiment tad-Drenaġġ wara l-inċident imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjoni dwar dan l-inċident għadha sejra. Rigward it-tieni parti tad-domanda, barra mill-fatt li qegħdin jittieħdu passi biex ikun jista' jinxtara aktar apparat, saru diversi laqgħat ma' ħaddiema u rappreżentanti tal-ħaddiema taħt forma ta' "Awareness Campaign". Inxtara wkoll aktar ilbies li jinstab fis-suq lokali għax mhux kull ilbies protettiv jinstab lokalment.