Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-garaxx ta' l-ambulanzi ta' l-isptar San Luqa huwiex minnu li hemm karozza impressed f'isem mara li qatt ma ssuq din il-karozza, u minflokha jsuq l-istess karozza impressed ir-raġel tagħha li huwa mpjegat bħala watchman mal-gvern ħafna drabi fil-ħinijiet tax-xogħol tiegħu? Din il-persuna applikat biex tidħol full-time mas-servizz ċivili?
Peress li skond l-aħħar Regolamenti tad-Dixxiplina dwar is-Servizz Pubbliku, wieħed mir-reati gravi li jista' jagħmel Kap ta' Dipartiment huwa li jwaqqa' s-Servizz Ċivili għaċ-ċajt u jagħti fama ħażina lill-istess servizz, u peress li dan l-aħħar fl-istampa lokali dehru diversi rapporti dwar kapijiet ta' dipartiment b'kundanni li jiskreditaw is-servizz, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew se jittieħdu mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kontra dawn il-kapijiet? Jekk ma ttieħdu l-ebda passi, għaliex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li dan l-aħħar kien hemm nuqqasijiet minn xi Kap ta' Dipartiment li jimmeritaw li jittieħdu passi dixxiplinarji kontrih.
Jista' l-Ministru jara li s-sidien tal-għalqa "Ta' Sqajfa" fil-limiti ta' Ħal Far fi Triq il-Miżieb, (magħruf ukoll bħala limiti taż-Żurrieq), li kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament, jingħataw il-kumpens dovut lilhom mill-gvern talli ttieħed lilhom parti minn din l-għalqa li kellha s-siġar tad-dwieli biex titwessa' t-triq? Fiex waslu l-proċeduri peress li hemm xi nies oħra fl-inħawi li kienu diġa' ġew kompensati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mill-files L375/88 u L375/88/30 jirriżulta li fis-26 ta` Ġunju 1989, id-Dipartiment ta` l-Artijiet għamel talba lid-Dipartiment ta` l-Agrikoltura biex jissottometti stimi għal kumpens ta` uċuħ u benefikati oħra tar-raba` in kwestjoni li ġiet esproprijata mill-Gvern. Sal-ġurnata tal-lum id-Dipartiment ta` l-Artijiet irċieva diversi 'Vouchers' għal tali ħlasijiet dwar plots fil-viċinanzi, pero` għar-rigward il-Plot No. 30, dan l-Uffiċċju m`għandu ebda pendenzi ta` pagament.
Hu d-Dipartiment ta` l-Agrikoltura li jrid jara jekk hemmx xi kumpens dovut, u jekk ikun il-każ, dan jgħaddieh lil dan l-Uffiċċju għal pagament relattiv.
Rigward il-ħlas ta` l-art esproprijata dan l-Uffiċċju qed jistenna lis-sid/sidien biex jissottomettu l-provinjenza ta` l-istess art sabiex isir l-att finali ta` ħlas għall-istess art.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-triq magħrufa t-Telgħa ta' Alla u Ommu fin-Naxxar tingħata d-dawl u tinkesa bit-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu kif ħareġ sejħa għall-offerti għal xogħol ta` rekostrużżjoni ta` din it-triq u l-proġett hu maħsub li eventwalment ikompli xogħol indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sistema l-ġdida tal-orali li ġiet introdotta din is-sena fil-kors tal-BA (Legal and Hymanistic Studies) u tal-LLD peress illi hemm studenti li qed jibagħtu għalihom għall-orali u oħrajn li ma jafux jekk hux se jibagħtu għalihom jew le?
Jista' jgħid kemm fiha marki l-orali bħala perċentaġġ mit-total peress li ħadd mill-istudenti ma jaf x'inhu jiġri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sistema ta' l-orali kif issa introdotta fil-fakulta` tal-liġi ġiet introdotta wara konsultazzjoni sħiħa ma' l-għalliema fil-fakulta`, ma l-istudenti tal-fakulta` u wara l-approvazzjoni tas-Senat. Din is-sistema tpoġġi l-eżamijiet li jsiru fil-fakulta` fuq l-istess binarju li jintuża fil-fakultajiet l-oħra.
Għalhekk l-orali ma għandux marki assenjati għalih, imma jintuża biex jiddetermina l-grad ta' student fejn l-eżaminaturi jkunu ndeċiżi fuq il-bażi ta' l-iskritt xi grad preċiż jista' jingħata.
Għalhekk l-istudent jista' biss jibbenefika mill-oral billi l-grad li jkun ġab fl-iskritt ma tkunx tista' titnaqqaslu. L-oral jintuża biss biex jiġi determinat il-grad ta' l-istudenti li jkunu każijiet borderline, per eżempju bejn F u D bejn l-average C u D+ jew fejn ikun ħa jġib grad għoli ħafna biex wieħed jiddeċiedi l-istudent ikunx verament ħaqqu dak l-għola grad.
Jista' l-Ministru jispeċifika x'inhi r-raġuni illi għadhom ma tħallsux bilanċi dovuti in konnessjoni ma' żvujtar ta' cesspits li sar mill-kuntrattur fl-1997/98 (files WD323/98/1 u WD 94/98)? Jista' jara li dawn il-każi jiġu finalizzati u jekk hemm xi differenzi x'jiġu diskussi mal-kuntrattur kkonċernat isir dan biex tinstab soluzzjoni finali għal ħlas dovut?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pagamenti msemmija qegħdin fil-proċess li jitħallsu.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 14967?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-pjanijiet dwar il-Villaġġ tas-Snajja f`Ta` Qali għadu ma ġiex finalizzat, ma naħsibx li jkun opportun li wieħed jagħti dettalji f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16068 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe': Jistax jikkonferma li residenti fi Triq Dun Karm Sant f'Ħal Tarxien qegħdin ibatu minn dawl baxx jew nieqes fit-triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jipprova jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jiġi mistħarreġ u jekk ikun il-każ, tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 14058?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti li qegħdin fl-Isptar Monte Carmeli mhux minħabba mard mentali, iżda biss minħabba problemi soċjali, fosthom nuqqas ta' akkomodazzjoni huwa ta' 22. Dawn ma jinkludux pazjenti li qed jużaw l-Isptar Monte Carmeli bħala dar residenzjali għal persuni b'diżordni mentali.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16069 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe': Jistax jikkonferma jew jelabora jekk huwiex minnu li l-gvern qiegħed jikkonsidra tibdil fil-ħinijiet ta' l-għalliema fl-iskejjel statali?
Jista' l-ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-irranġar tal-premises ġodda għall-Ministeru tat-Turiżmu fi Triq il-Merkanti? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-infiq? Meta se jispiċċa l-imsemmi xogħol u l-ministeru jibda jopera minn hemm?
Response (REFALO, MICHAEL)
Bi tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Infurmat li x-xogħol ikun tlesta sa l-aħħar tas-sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14597, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li għal persuni mentalment disabled li ma jħallsux kera, il-pensjoni/allowance tieqaf wara sitt xhur mid-dħul tagħhom fl-Isptar Monte Carmeli?
Jista' l-Ministru jikkjarifika wkoll għal-liema rapport qiegħed jirriferi fl-aħħar sentenza tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 14597?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14597 kien intqal ċar li wara l-ewwel sitt xhur mid-dħul tagħhom fl-isptar, il-Pensjoni tinbidel f'Allowance.
Rigward ir-rapport imsemmi fl-istess risposta, dan huwa r-rapport li obbligat jagħmel il-kuratur tal-persuna biex jinforma lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li l-persuna daħlet l-isptar u ilha aktar minn sitt xhur hemmhekk. Ir-rapport jista' jkun ukoll dak li normalment isir wara, mill-isptar, li jinforma 'l-imsemmi Dipartiment bl-istess ċirkostanzi tal-persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' ħlasijiet li għad iridu jsiru in konnessjoni maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju li saru fl-aħħar tas-sena l-oħra/bidu ta' din is-sena?
Jista' jgħid kemm minn dawn huma in konnessjoni ma' security personnel (watchmen) li tqabbdu privatament għall-okkazjoni? Meta ser jitħallsu dawn l-ispejjeż issa li għaddew madwar ħames xhur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kontijiet qed jiġu verifikati u l-ħlas qed isir. Sa l-10 ta' Mejju 2000, kien għad fadal Lm275,000 fi ħlasijiet xi jsiru pendenti l-verifiki meħtieġa.
Minn din iċ-ċifra, Lm11,424 huma dovuti għal servizzi ta' sigurta`.
Informat ukoll li l-ħlas dovut lis-Security Personnel (watchmen) mistenni li jsir fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom wheelchairs l-awtoritajiet tas-saħħa f'pajjiżna? X'inhi l-kondizzjoni ta' dawn il-wheelchairs u meta nxtara l-aħħar lot?
Peress li hemm ilmenti mingħand pazjenti li qed jingħataw wheelchairs maħmuġin u saħansitra imsaddin, jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata peress li l-pazjenti jistħoqqilhom aħjar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fil-mument hemm 1,008 `wheelchairs` mislufin għand in-nies. Dawn ma jinkludux il-271 wheelchair li jinsabu fis-swali, fl-isptarijiet u fiċ-Ċentri tas-Saħħa. Il-kondizjoni tal-`wheelchairs` hija tajba. L-aħħar `lot` inxtara fi Frar, 1999. Il-wheelchairs jitnaddfu malli jinġiebu lura u jekk ikun fihom xi ftit sadid ma jfissirx li għandhom jintremew. Naħseb li l-pazjenti huma moqdija` sewwa u s-servizz huwa mingħajr ħlas.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': Jista' jara li jitkompla x-xogħol ta' tqegħid tal-kanen tal-ilma fi Triq San Tumas Tarxien/Fgura li kien beda iżda waqaf, mill-kantuniera ma' Triq il-Pellikani għad-direzzjoni ta' Ħal Tarxien? Jaf il-Ministru li dan ix-xogħol wieqaf, qed jikkawża inkonvenjent kbir għar-residenti fl-inħawi u għal dawk li jgħaddu minn Triq San Tumas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xoghol li sar s`issa fi Triq San Tumas kien fuq in-naha tal-Fgura, fejn inghata wicc bil-Hot Rolled Asphalt.
Il-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma giet infurmata mill-Kunsill Lokali ta` Hal Tarxien bil-programm ta` ippjanar ghall-kisi ta` toroq bil-Hot Rolled Asphalt. Fil-lista ta` dawn it-toroq hemm inkluza Triq San Tumas.
Il-Korporazzjoni qed tara x-xoghol li hemm bzonn isir fuq il-katusi ta` l-ilma f`dawn it-toroq u xi spejjez hemm involuti. Hu mahsub li fi zmien mhux il-boghod il-Korporazzjoni tinforma lill-Kunsill Lokali ta` Hal Tarxien bix-xoghol li hemm bzonn isir biex iz-zewg partijiet flimkien isibu l-ahjar mod kif jista` jitwettaq dan ix-xoghol.