Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi meta xi membri tal-pulizija jkunu qed jagħmlu xi skorta speċjalment l-aktar waqt ġarr ta' kwantitajiet ta' flus mhux qed jingħataw ilbies protettiv, bħalma huma l-bullet proof jackets?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi meta tintalab skorta tal-Pulizija għat-traġġit ta` ammont kbir ta` flus, din normalment issir minn membri ta` l-S.A.G. li huma attrezzati b`dak kollu meħtieġ sabiex tkun eżegwita din it-tip ta` skorta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21148 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’ jista' l-Ministru jgħid għaliex ċerti pompi automatiċi tal-petrol mhux kollha jagħtu riċevuta fiskali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond id-dispożizzjonijiet tal-partita 5 ta’ l-Erbatax-il Skeda li tinsab ma’ l-Att tal-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Kap. 406) riċevuta fiskali għar-rigward ta’ oġġetti li jsiru permezz ta’ vending machine għandha tinħareġ meta jiġu magazzinati oġġetti f’dik il-magna u għandha tagħti kont tal-bejgħ li jkun sar mill-aħħar darba li jkunu ġew magazzinati l-oġġetti.
F’dan ir-rigward mhux meħtieġ li tinħareġ riċevuta fiskali għal kull bejgħ.
B'riferenza għall-artiklu f'The Times of Malta tal-Ħamis 2 ta' Novembru, 2000 taħt it-titolu "Social Rehabilitation of Mt Carmel Patients" - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - fejn id-DOI jgħid li ntlaħaq ftehim dwar id-deployment tan-nurses mat-tlett unions, jista' l-Ministru jikkonferma jew le din l-istqarrija?
Jista' jgħid jekk hux veru li hemm nurses li mhux qed jitħallew jagħmlu overtime għax għadhom jobdu d-direttivi?
Jista' jgħid hux veru li s-social centre ta' Mount Carmel ġie magħluq u s-serraturi tal-bibien ġew mibdula b'tali mod li l-istaff li s-soltu jaħdem hemm, ġew magħluqa barra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għada qed tinġabar. Risposta tingħata aktar tard.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari numru 18776 mogħtija lill-Onor. Mario Galea dwar it-total ta' nurses barranin li jaħdmu fid-diviżjoni tas-saħħa, jista' l-Ministru jwieġeb ukoll għal nurses barranin fi sptarijiet oħra bħal, per eżempju, Mount Carmel li tħallew barra fit-tweġiba?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fir-risposta tiegħi għall-Mistqosija Parlamentari Nru. 18776, hemm inkluż Staff Nurse li jaħdem fil-Psychiatric Outpatients Clinic, fl-isptar San Luqa li l-kuntratt tiegħu jiskadi fit-8 ta' Mejju 2001. Dan attwalment jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Management ta' l-isptar Monte Carmeli.
Minbarra dan hemm Staff Nurse oħra li taħdem fl-Isptar Monte Carmeli fuq bażi każwali sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sabiex tingħata l-kuntratt. Din ma ġietx inkluża fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18776 għax din il-Mistoqsija kienet tidher indirizzata għal dawk in-nurses barranin biss li għandhom kuntratt.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ġust li numru sostanzjali ta' ċittadini qed jirċievu ċitazzjonijiet mingħand il-local wardens bil-posta meta ħafna drabi l-anqas biss ikunu jafu bihom? Jaf li qed ikun hemm każi fejn min jirċievi ċ-ċitazzjoni mhux dejjem ikun il-persuna li forsi setgħet għamlet ir-reat?
Jaħsibx li din hi sistema li trid titranġa?
Response (GATT, AUSTIN)
In-notifika bil-posta tintuza biss meta l-kontravenzjoni ssir waqt li l-karozza tkun mixja (ez. uzu ta` mobile phone waqt sewqan) u ila tintuza sistema simili snin twal qable ma dahlu l-gwardjani lokali.
B'riferenza għall-artiklu li deher fil-Malta Today tal-Ġimgħa 3-9 Novembru, 2000 taħt it-titolu Destigmatising Mt Carmel Hospital, Paġna 10 - li kopja tiegħu qed tintbagħat separtament - fejn il-kelliem għad-dipartiment tas-saħħa qal li: "il-problema fl-Isptar Mt Carmel mhix l-istigma imma l-problema finanzjarja" u semma li biex sar "refurbishment tas-sala 5 ta' l-irġiel, hu stmat li ser ikun ta' xi nof miljun lira, jaħsibx il-Ministru li dan l-infiq hu pjuttost esaġerat? Jista' jagħti breakdown ta' kif intnefqu dawn in-nofs miljun lira għal din is-sala?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-somma ta' nofs miljun lira ikkwotata fl-artiklu, ma' tirreferix għas-Sala 5 ta' l-irġiel imma hija stima approssimattiva biex wieħed prattikament jibni swali mill-ġdid fl-isptar Monte Carmeli. Il-mod tal-kostruzzjoni ta' swali f'dan l-Isptar ma jiflaħx il-piż ta' bini modern. Għalhekk wieħed ikun aktar preċiż jekk jitkellem fuq bini mill- ġdid aktar milli 'refurbishment'.
Ir-'refurbishment' ta' Sala 5 ta` l-irġiel sewa Lm45,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' overdose kien hemm fis-Sala Nru 2 ta' l-irġiel fl-isptar Monte Carmeli mill-ewwel ta' din is-sena sal-lum?
X'kienu l-każi ta' overdose?
X'passi ttieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għal din il-mistoqsija parlamentari qegħda tinġabar u r-risposa tingħata fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Pulizija fil-Korp li qed jagħmlu xogħol differenti minn dak suppost ta' pulizija bħal pereżempju xi sengħa eż. mastrudaxxa eċċ?
Jista' jgħid x'inhu x-xogħol jew sengħa li jagħmlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 32 membru tal-Korp tal-Pulizija li huma assenjati xogħol konness ma` diversi snajja. Dawn is-snajja jinkludu electrician, ħaddied, bookbinder, mastrudaxxa, maintenance, mechanic, panel beater, sprayer, ħajjat, tappezzar, vulcanizer, radio technicians, typewriter repairer, spare parts store keepers.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw l-Inspectorate Unit li ġew maħtura fil-Ministeru tiegħu?
Jista' jgħid xi kwalifiki għandhom u f'liema grad ta' xogħol (jew skola) għandhom kull persuna?
Jista' jgħid jekk qatt xi ħadd minnhom kellu xi każ kriminali u jekk fil-pożittiv, min?
Meta jidħlu bil-lejl jitħallsu overtime rate jew bir-rata normali?
Għandhom xi allowance speċjali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li bħalissa hemm żewġ impjegati li qed jiffurmaw l-Inspectorate Unit ta` din id-Diviżjoni. Wieħed qiegħed fi Skala 11 u l-ieħor fi Skala 14. Ninsab infurmat li skond ir-records tad-Diviżjoni tas-Saħħa ma jirriżultax li xi wieħed minnhom kellu xi każ kriminali. Il-ħlas li jsir meta jagħmlu l-inspection bil-lejl huwa 'overtime rate'. L-ammont ta` overtime permess għal inspection huwa limitat. Ma` għandhom l-ebda allowance ta` dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ċerti pompi automatiċi tal-petrol mhux kollha jagħtu riċevuta fiskali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-pompi u s-sistema awtomatika fl-istations huma proprjeta' tas-sidien tal-pompi tal-petrol u għalhekk il-Korporazzjoni Enemalta mhijiex responsabbli mit-tħaddim tagħhom.
Għaldaqstant missuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 19536 mogħtija lil Onor. Charles Buhagiar dwar xogħol ta' upgrading li sar fl-embellishment f'Tas-Sliema, jista' l- Ministru jagħti breakdown ta' l-ispejjeż tal-bini ta' latrina li ġiet tiswa (s'issa) Lm 18,403, kif ukoll breakdown ta' l-ispejjeż minfuqa għall-bini tal-ġibjun li ġie jiswa Lm 21, 699?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-valur finali tal-kuntratti msemmija mill-Onorevoli Interpellant huma:
(i) Bini ta' latrina u rampa għall-aċċessibilta fi Triq it-Torri Slieama - Lm24,553.03ċ
(ii) Bini ta' ġibjun għall-ilma tax-xita f'Fond Għadir Sliema - Lm27,614.26ċ
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra breakdown ta' dawn l-ispejjeż.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li bħal issa hawn fis-suq konsenja ta' diesel inferjuri ħafna għax fiha ħafna kimika ta' sulphur li qed tikkaġuna ħafna duħħan mill-vetturi, qed jikkawża ħafna tniġġiż ta' l-arja kif wkoll ħsara lil istess makni tal-vetturi?
Kemm ġie kkunsmat kull sena, sena b'sena mill-1998 sal-lum minn dan it-tip ta' diesel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 20961 waqt is-Seduta numru 422.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq il-kwestjoni tas-suq ta' Marsaxlokk li kien tnieda minn Gvern Laburista bi qbil mal-Pulizija, l-Assoċazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti u l-kunsill lokali tal-lokal?
Jekk il-Gvern jaqbel li dan isir, meta huwa maħsub li jitwettaq u jekk le, x'inhi l-alternattiva ta' dan il-Gvern peress illi kulħadd huwa inċert?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent qed issir evalwazzjoni tad-diversi aspetti ta' din il-materja u meta jkun il-waqt il-Gvern jesprimi ruħu dwarha.
B'konnessjoni mar-IV Edizzjoni Konkors Kitba għall-Palk Francis Ebejer organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura fl-1999, kemm nefaq id-Dipartiment tal-Kultura biex isir id-dramm rebbieħ "Kull Ġieħ u Glorja fit-Teatru Manoel"?
Min ħadu d-dħul li kien hemm mill-bejgħ tal-biljetti? Għaliex id-Dipartiment tal-Kultura ddeċieda li jiffinanzja d-dramm "Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" biex dan ukoll isir fit-Teatru Manoel meta d-dramm la ħa t-tieni jew it-tielet premji u ġie l-aħħar wieħed fost il-ħamsa li ssemmew b'ġieħ?
Id-Dipartimenti tal-Kultura beħsiebu jiffinanzja d-drammi li ġew it-tieni u t-tielet u l-erba' l-oħra li ssemmew qabel "Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" biex dawn ikunu jistgħu jsiru wkoll? Jekk le, din ma tkunx diskriminazzjoni kontra dawn? Kemm ħareġ flus id-Dipartiment tal-Kultura għall-"Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" u kif tqassmu?
Min se jieħdu d-dħul li jkun hemm mill-bejgħ tal-biljetti għal dan id-dramm? Kemm ħarġet l-Universita' ta' Malta f'pustaġġ, stampar ta' karti, eċċ biex tagħmel propaganda lil "Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" u għaliex l-Universita' ddeċidiet li tagħmel dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:-
a) L-ispiża kienet ta' Lm3298 kollox inkluż anke l-kiri tat-Teatru Manoel
bl-ispejjeż tiegħu.
b) Id-dħul mill-biljetti ħadu d-Dipartiment tal-Kultura.
c) Ma kienx hemm klassifika f'dawk id-drammi li fil-fehma tal-ġurija
"spikkaw fuq l-oħrajn".
d) Mhux l-ewwel darba li d-Dipartiment tal-Kultura għin fil-produzzjoni
ta' drammi bil-Malti u mhux biss dawk li jkunu ġew ippremjati f'xi
konkors.
e) Le
f) Id-Dipartiment tal-Kultura sponsorja parzjalment dan id-dramm billi ser
joħroġ Lm2000. Dawn ikopru biss parti mill-ispejjeż ta' din il-produzzjoni.
Informat ukoll li l-Universita` ma nefqet xejn fl-istampar ta' ebda materjal b'konnessjoni mad-dramm "Tkun darb'oħra, Mikelanġ". Hija parti mill-'mission statement' tal-Precincts Office li jgħin kemm lill-istudenti kif ukoll lill-istaff ta' l-Universita` fl-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' attivitajiet kulturali organizzati minnhom. Is-somma totali li ntefqet f'pustaġġ in konnessjoni mad-dramm imsemmi keinet ta' Lm15.
Jista’ l-Ministru jgħid min minn huma d-dipartimenti li jikkontribwixxu d-data għall-Common Data Base tal-Gvern?
Min huwa l-kap tad-dipartiment li taħtu taqa' l-Common Data Base tal-Gvern?
X'tip ta' informazzjoni tinġabar f'din il-Common Data Base tal-Gvern?
Min huma l-persuni u d-dipartimenti li għandhom aċċess għal din id-database u x'tip ta' informazzjoni jistgħu jieħdu minnha?
Jikkonferma li l-Ministru li għamel użu min din id-data base biex jibgħat iċ-ċirkolari lil dawk kollha li iffirmaw il-petizzjoni tal-G.W.U.?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartimenti li jikkontribwixxu d-data għall-Common Data Base tal-Gvern huma r-Reġistru Pubbliku (Malta u Għawdex) u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali kif ukoll il-Kummissjoni Elettorali u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Il-Common Data Base taqa` taħt ir-responsabbilita` tad-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili fi ħdan id-deskasteru tiegħi. Il-Kap ta` dan id-Dipartiment huwa id-Direttur tar-Reġistrazzjoni Ċivili.
S`issa, f`din il-Common Database tinġabar informazzjoni dwar persuni u indirizzi.
Bħalissa hemm 52 Dipartiment tal-Gvern, bi 891 persuna li għandhom il-permessi meħtieġa biex ikollhom aċċess għal din il-Common Database. L-informazzjoni li jistgħu jaraw hija dik imsemmija hawn fuq.
Il-Ministeru ta` l-Intern ma bagħat l-ebda ċirkulari lil dawk li iffirmaw il-petizzjoni tal-General Workers Union.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min minn huma d-dipartimenti li jikkontribwixxu d-data għall-Common Data Base tal-Gvern?
Min huwa l-kap tad-dipartiment li taħtu taqa' l-Common Data Base tal-Gvern?
X'tip ta' informazzjoni tinġabar f'din il-Common Data Base tal-Gvern?
Min huma l-persuni u d-dipartimenti li għandhom aċċess għal din id-database u x'tip ta' informazzjoni jistgħu jieħdu minnha?
Jikkonferma l-Prim Ministru li għamel użu min din id-data base biex jibgħat iċ-ċirkolari lil dawk kollha li iffirmaw il-petizzjoni tal-G.W.U.?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel l-ewwel erba’ mistoqsijiet lill-Ministru ta’ l-Intern.
It-tweġiba għall-aħħar mistoqsija hi fin-negattiv.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' l-Eureka Services Ltd ġiex imġedded peress li ħafna minn dak li hemm fil-kuntratt għadu ma ġiex onorat?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf illi skond kif stipulat fil-paragrafu 21 (m) il-perijodu transitorju ġie mtawwal fuq talba tal-Gvern bi qbil mal-kumpanija u għalhekk jirriżulta li l-mistoqsija hija prematura apparti l-fatt illi l-Onorevoli Interpellant qed jagħmel asserzjoni ġenerali bla ma jkun speċifiku.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-iskrivani li hemm fir-reġistru pubbliku f'isem l-Eureka Services Ltd humiex qegħdin jagħtu irċevuta fiskali tal-VAT minflok timbru fuq irċevuta li juri li sar il-ħlas?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant jaf li bejn Ottubru u Frar/Marzu ta` din is-sena, ma kien hemm ebda involviment min-naħa tad-dipartiment tar-Reġistru Pubbliku. Wara Marzu il-ftehim daħal fit-tieni fażi u issa r-riċerki qegħdin jiġu ordnati u jinġabru direttament mid-Dipartiment. Fi ftit ġimgħat oħra, il-ftehim ser jgħaddi għat-tielet fażi fejn il-Gvern jibda joħroġ ir-riċerki b`mod uffiċjali. Il-kumpanija tibqa` tħallas il-VAT iżda l-ħlasijiet lid-dipartiment jibqgħu VAT neutral.
Fil-fatt, dwar din it-tielet fażi, id-Direttur Ġenerali diġa` talab il-parir tad-dipartiment tal-VAT u s-servizz li l-kumpanija qed tagħti u ser tibqa` tagħti lill-Gvern huma suxxettibli għall-ħlas tal-VAT. Il-klijenti ma jħallsux VAT. Iżda d-Dipartiment irid jirkupra l-ispejjeż kollha. L-uniku eċċezzjoni ser tkun ir-riċerka tat-Testmenti Pubbliċi - hemm mhux ser ikun hemm ħlas tal-VAT għax il-Kumpanija, bħala parti mill-pakkett tal-ftehim, intrabtet li toffri dan is-servizz lill-Gvern, bla ħlas.
Tajjeb li nieħu din l-okkażżjoni sabiex infakkar lill-Onorevoli Interpellant li, wara żmien twil li l-Gvern ma kien qiegħed idaħħal xejn mir-riċerki ħlief ħlas tal-VAT u CET fuq riċerki li kienu jsiru mill-kumpanija imsemmija fil-mistoqsija, din is-sena l-ħlas ta` VAT għar-riċerki żdied għal madwar Lm12,000 kull tlett xhur.
Għalhekk, filwaqt li nieħu gost ninnota l-interess li qed juri l-Onor. Interpellant fil-ġbir tat-taxxi, kont napprezza iktar kieku dan l-interess esprimih fi żmien meta kienet topera sistema qabel Ottubru 1999, meta kienu jsiru riċerki minn persuni privati u ħlas ta` VAT ma kien isir xejn.
Din l-evazzjoni issa ġiet kontrollata bis-sistema ġdida ta` riċerki li dan il-Gvern introduċa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li sar is-survey ta' l-area mill-Public Works biex isir kumpless sportiv fil-Cottonera?
Kemm swiet u meta tħallset?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-survey ta' l-area fejn ser jinbena l-kumpless sportiv tal-Cottonera kien sar f'Novembru 1995. In-nefqa ammontat għal Lm2,771.50. Nofs din is-somma tħallset f'Mejju 1997 u n-nofs l-ieħor tħallas f'Settembru 1999.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal-mistoqsija parlamentari nru. 19030, jista' l-Ministru jgħid kemm hawn gwardjani lokali f'pajjiżna raħal b'raħal?
Response (GATT, AUSTIN)
M'ghandi xejn x'inzid mar-risposta li tajt ghad-domanda parlamentari msemmija.