Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21791 Sitting 445 2000-12-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

International Management Development Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-parteċipazzjoni tagħna fl-International Management Development Committee" mill-1998 sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-International Management Development Committee inħoloq fuq inizjattiva meħuda minn numru ta' industrijalisti li joperaw f'Malta li ħolqu kumitat bejniethom sabiex iħaddem skema ta' taħriġ prattiku għall-middle managers u supervisors fis-settur tal-manifattura. Il-parteċipazzjoni tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, permezz tad-Dipartiment ta' l-Industrija, ikkonsistiet f'għajnuna finanzjarja limitata sabiex jingħata l-programm ta' taħriġ imsemmi.
Leg 9 PQ #21792 Sitting 445 2000-12-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dipartiment tal-Konsumatur — Amalgamazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' l-amalgamazzjoni maħsuba tad-Dipartiment tal-Konsumatur tal-Kompetizzjoni, jekk dan il-unit ġdid se jkollu premises ġodda jew inkella humiex se jibqgħu joperaw minn fejn qegħdin bħalissa? Jekk se jkun hemm premises ġdid fejn huwa maħsub li dan ikun u meta huwa maħsub li ssir it-transizzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-pjan biex id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur u dak tal-Kompetizzjoni Ġusta jiġu miġbura f'Diviżjoni waħda għadu mhux finalizzat, ma jkunx prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
Leg 9 PQ #21793 Sitting 445 2000-12-02 Oral · Interim From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Depożiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mill-1995 sal-lum kemm kienu jammontaw: (a) id-depożiti fissi; (b) kontijiet ta' tifdil; u (c) kontijiet kurrenti f'pajjiżna?

Response (DALLI, JOHN)

Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qeda tingabar u r-risposta ser tinghata f'xi seduta ohra.

Djar — Santa Luċija - Kuntratt

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm biex fil-każ ta' l-okkupant ta' flat f'Santa Luċija jiġi kkorreġut il-kuntratt ta' xiri ta' l-appartament tiegħu meta l-Awtorita' tad-Djar u l-Kummissarju ta' l-Artijiet, it-tnejn, irrikonoxxew li kien sar żball ġenwien li jmur kontra l-persuna imsemmija separatament u li għandu jiġi kkorreġut? Jista' jara li l-affarijiet jitmexxew 'il quddiem wara li ilu s-snin jitħabat biex jieħu dak akkordat lilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn korrispondenza li għaddiet bejn l-avukati ta' l-Awtorita' tad-Djar u dak tal-persuna imsemmija ma jirriżultax li hemm xi ħaġa li għandha tiġi kkorreġuta.

Djar — Għajnuna għat-tiswija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li l-pensjonant li ngħata għotja biex jirranġa d-dar mill-Awtorita' tad-Djar (File HAW 21/2000) ta' Lm408 jitħallas ammont kollu spettanti lilu peress li rċieva biss Lm196.23c minn dan l-ammont riċentement u issa li lesta x-xogħlijiet kollha li kellu jagħmel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm sar kuntratt fejn l-Awtorita' tad-Djar intrabtet li tagħti lil din il-persuna s-somma ta' Lm408, irriżulta li x-xogħol li sar ċioe' il-bdil ta' żewġ twieqi u bieb minn dak ta' injam għall-aluminium ġie stmat mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-valur ta' Lm255. Skond il-kundizzjonijiet ta' l-Iskema, l-applikant ikkwalifika għall-80% ta' l-istima ċioe' Lm204.
Leg 9 PQ #21730 Sitting 444 2000-12-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Correctional officer/assistant manager

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li correctional officer u assistant manager fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ġew sospiżi mingħajr preavviż aktar minn sitt xhur ilu u l-każ tagħhom għadu pendenti quddiem il-PSC? X'inhu jżomm milli dan il-każ, jiġi konkluż peress li dawn qegħdin nofs paga u jinnegaw kompletament l-akkużi miġjuba kontrihom? Jaf li dawn qegħdin jsofru tbatija kbira li tista' tkun għal xejn? Jaħseb li proċeduri bħal dawn ladarba bdew għandhom jiġu konklużi malajr kemm jista' jkun għas-sodisfazzjoni ta' kulħadd?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjali tal-Ħabs li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ġew sospiżi skond kif hemm ipprovdut fir-regolamenti ta` l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta` Dixxiplina). Il-proċeduri relatati jitmexxew skond ir-regolamenti tal-Kummissjoni u għalhekk iridu jgħaddu mill-kors kollu tagħhom kif provvdut mill-istess regolamenti.

Benefiċċji soċjali — Ħlas tal-Wens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-ħlas tal-wens lil dawk li jgħixu ma' xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna u li jkollhom jabbandunaw ix-xogħol tagħhom għandu massimu ta' ħlas ta' Lm100 fix-xahar? Jaħseb li dan l-ammont ftit wisq għal bniedem li jkollu jabbanduna xogħolu? Hemm ħsieb li din l-iskema tiġi riveduta? Jista' jagħti ftit dettalji dwar din l-iskema għal min japplika eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tipprova għas-sodisfazzjon tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li (a) tkun qiegħda tieħu ħsieb fuq bażi full-time u regolarment tal-ġenitur tagħha jew ħuha, oħtha, nannitha, zijuha, zijitha, missier jew omm tar-rispett jew ħuha jew oħtha tar-rispett; u (b) tkun qiegħda tgħix fl-istess dar ta' abitazzjoni ta' dik il-persuna li minħabba infermita' tkun kostretta li tgħaddi ħajjitha f'sodda jew f'wheelchair, tista' tirċievi l-Pensjoni tal-Wens. Din il-Pensjoni tingħata jekk min japplika jissodisfa t-test tal-mezzi kalkolati skond id-dispożizzjonijiet ta' Parti IV tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Barra minn hekk il-persuna li tibda tirċievi din il-Pensjoni tista' tkun intitolata għal credits ta' Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rata ta' kull erba' ġimgħat hija ta' Lm117.76 li magħha jiġi miżjud il-Bonus Addizzjonali ta' Lm5.36. Barra minn hekk jiġi mħallas il-Bonus ta' Lm58 f'Ġunju u Lm58 f'Diċembru. Il-fatt li l-persuna tkun ikkwalifikat għal din il-pensjoni jista' jkollha d-dritt għall-Karta r-Roża u benefiċċji oħra relatati li huma suġġetti għat-test tal-meżżi. Fil-preżent m'hemm ebda ħsieb li din il-pensjoni tiżdied ħlief bir-rata li tiżdied kull sena għall-għoli tal-ħajja. Wieħed għandu jqis li persuna li tkun qiegħda tieħu il-Pensjoni tal-Wens tkun qiegħda tgawdi b'riżultat ta' l-attivita' tagħha, benefiċċji oħra bħal ma huma dawl u ilma u ħafna drabi tisjir bla ħlas ġaladarba din tkun qiegħda tifforma parti mill-familja tal-persuna li tkun qiegħda tieħu ħsieb.
Leg 9 PQ #21714 Sitting 443 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Santa Luċija

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kuntrattur imqabbad mill-Water Services Corporation biex jagħmel xogħol f'Awissu li għadda fl-entratura ta' Blk U Dr A Triq iċ-Ċinerarja, Santa Luċija, ikaħħal u jbajjad l-entratura u jagħmel il-konkos fejn tħaffer minflok ma jitħalla t-terrapien u stopcock cover meta r-residenti ġew billed għal konkos ta' xi 2m kwadri li fil-fatt qatt ma sar? Jaħseb il-Ministru li dan in-nuqqas serju jimmerita investigazzjoni serja dwar ħlasijiet għal xogħol li fil-fatt qatt ma jkun sar?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jiġi investigat u jekk ikun il-każ jittieħdu l-miżuri relattivi.

Garage tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li kien imġiegħel espert fil-garage tal-gvern biex jara jekk il-fannijiet li hemm humiex biżżejjed skond il-kubaġġ ta' l-area kif stabilit mir-regoli internazzjonali fuq is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol? Jista' jgħid meta saret din iż-żjara? Tlesta r-rapport? Jekk fl-affermattaiv, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? X'inhuma l-konklużjonijiet ewlenin f'dan ir-rapport? X'reazzjonijiet kellu l-Gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol m'għandhiex informazzjoni li sar xi tip ta' studju dwar dak li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Jekk jixtieq iżjed informazzjoni hu mitlub li jsaqsi lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #21716 Sitting 443 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-plot li tinsab fi Triq Xandru Farrugia, kantuniera ma' Triq Dun Karm Sant, Tarxien, li hija abbandunata u mimlija skart f'nofs din l-area residenzjali titnaddaf u jittella' ħajt madwarha skond il-liġi minflok iċ-ċint baxx li fiha llum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19922 (Seduta 392).

Djar — Santa Luċija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-miżuri meħtieġa biex il-bieb prinċipali ta' Blk U Dr A Triq iċ-Ċinerarja Santa Luċija, jiġi rranġat għaliex dan ma jistax jingħalaq sew u qed ikun ta' inkonvenjent fil-maltemp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija tad-Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #21718 Sitting 443 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Santa Luċija — Triq iċ-Ċinerarja - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir bozza fuq l-entratura tal-blokk U Bieb A, Triq iċ-Ċinerarja Santa Luċija, peress illi hija mudlama ħafna filgħaxija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata bit-talba ta' l-Onorevoli Interpellant. Min-naħa tagħha, il-Korporazzjoni qed tikkunsidra t-talba flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #21719 Sitting 443 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tar-residenti ta' Ħal Tarxien fl-inħawi ta' Triq l-Isqof Tumas Gargallo f'Ħal Tarxien li ilhom ibatu minn kurrent elettriku baxx minkejja li safejn naf jien ġew approvati x-xogħlijiet neċessarji u l-ewwel fażi fil-fatt tlestiet f'April/Mejju 2000 u t-tieni fażi kellha tibda f'Ottubru, ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol u meta huwa maħsub li jitlesta?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata hekk kif din tkun għad-dispożizzjoni tiegħi.
Leg 9 PQ #21665 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC

Question

Wara li l-MDC telqet minn House of Catalunya fl-1992 u minn dak iż-żmien marret f'diversi uffiċini u ntnefqu ħafna flus f'kull post li kienet, jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus u fiex? Jista' jgħid x'kellha kera f'kull każ sal-preżent?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra
Leg 9 PQ #21666 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Qorti tal-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu r-riformi meħtieġa biex titwaqqaf il-qorti tal-familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegibiet moghtija ghall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 16095 u Nru 16136.
Leg 9 PQ #21668 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-ex-servicemen mhux se jieħdu ż-żieda ta' Lm1.50 mħabbra mill-gvern fl-aħħar budget? Il-pensjonanti bl-eta' se jeħduha din iż-żieda?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba l-fatt li d-Dipartiment tat-Teżor ma jagħtix iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja, nitlob lill-Onorevoli Membru li jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li xi persuni li jirreġistraw għax-xogħol irċevew xi ġimgħat ilu korrispondenza mingħand l-awtoritajiet fejn infurmawhom li se jitnaqqsilhom id-dole money u wegħduhom li se jingħataw bonus fl-aħħar tas-sena minflok? Jista' jispjega u jagħti aktar dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li ma jafux b'każijiet bħal dak li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant li jgħaddi kopja tal-korrispondenza li qiegħed jirreferi għaliha lid-Direttur tas-Sigurta' Soċjali biex jinvestiga l-każ ikkonċernat.
Leg 9 PQ #21670 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Luċija - Junior Lyceum

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-klassijiet kollha fil-junior lyceum ta' Santa Luċija huma kollha mingħajr ventilaturi? Jaħseb li din hija ħaġa tajba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-klassijiet fil-Junior Lyceum ta' Santa Luċija għandhom ventilazzjoni apposta fit-twieqi li tista' tinfetaħ ukoll fix-xitwa. Meta l-klima tkun sħuna, il-ventilazzjoni tiġi aktar faċilitata permezz tal-fannijiet li hemm fil-klassijiet.
Leg 9 PQ #21675 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — CSAs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn CSAs bħalissa li jmorru jagħtu servizz lill-anzjani f'darhom? Veru li dawn ma jistgħux jew mhux qed jingħataw aktar minn massimu ta' 30 siegħa fil-ġimgħa? X'inhi r-raġuni li dawn huma kkunsidrati bħala self-employed u mhux impjegati tad-dipartiment tas-saħħa ta' l-anzjani u qed ikollhom iħallsu bolla b'rata għolja u m'għandhomx sick/vacation leave waqt li biex jitilqu jridu jagħtu notice period bħala impjegati normali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #21533 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Triq il-Wilġa - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-parti ta' Triq il-Wilġa, Tarxien li baqħet mhux asfaltata minkejja li diġa' ġew mgħoddija s-servizzi fiha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti ta' Triq il-Wilġa li għadha mhix asfaltata jonqos isir l-iżvilupp fiha biex tkun tista' tinfetaħ għall-wisgħa li hemm bżonn. Il-Kunsill Lokali għamel wiċċ temporanju ta' asfalt biex in-nies fil-lokalita' jkunu jistgħu jinqdew sakemm isir aktar żvilupp.