Jaf l-Ministru illi fil-grounds tas-Saint Dorothy's Junior School f'Ħaż-Żebbuġ, Malta qed ikun hemm għadira kbira tad-drenaġġ li ġej minn drenaġġ mis-sistema tal-Gvern li huwa ta ' periklu serju għat-tfal? Jaf li s-sorijiet ġew imwegħda li se jsir re-direction tas-sistema biex tiġi solvuta l-problema iżda jidher li l-azzjoni mhux qed tittieħed minn naħa tal-Gvern? Jista' jintervjeni biex din is-sitwazzjoni serjissima tiġi rimedjata kemm jista' jkun malajr?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li qed nitlob l-awtoritajiet tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex isegwu dan l-ilment mad-Dipartiment konċernat, ikun tajjeb li peress li l-materja li rrefera għaliha l-Onor. Membru taqa' taħt id-Dipartiment tad-Drenaġġ, nissuġġerixxi li din id-domanda ssir ukoll lill-Onor. Ministru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jara li fil-Birgu u max-Xatt tal-Port, wara l-inċident tragiku li ġara f'Jum il-Ħelsien, u diversi inċidenti simili oħrajn, jitwaħħlu barriers almenu fil-black spots fejn ġraw inċidenti simili fil-passat biex dawn ma jibqgħux jirrepetu ruħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima qed tikkonsidra x'miżuri ser jittieħdu fil-post imsemmi.
B'riferenza għat-twaħħil tal-pelican lights f'Luqa Road, Raħal Ġdid, li kienet ġiet approvata mill-bord tat-traffiku s-sena l-oħra, jista' l-Ministru jgħid:
(1) Għalfejn ġew imwaqqfa milli jagħmlu x-xogħol in kwestjoni l-ħaddiema minn persuni li sabu oġġezzjoni, wara li diġa' ttieħdet id-deċiżjoni tal-bord? Għalfejn din id-deċiżjoni tal-bord ma tiġix enforced jekk hemm bżonn anke bl-għajnuna tal-pulizija?
(2) Jista' l-Ministru jikkonferma, jew jiċħad, dak li ġie rrapportat lili, li min qed iwaqqaf ix-xogħol qed jgħid li għandu l-backing ta' segretarju parlamentari tal-gvern, kontra r-rieda tal-poplu kważi kollu li jiffrekwentaw l-inħawi?
(3) Meta se jsir ix-xogħol u tispiċċa darba għal dejjem din is-sitwazzjoni redikola u jispiċċa l-periklu għar-residenti ta' Raħal Ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hija ħaġa normali li meta jkunu ser jitwettqu d-deċiżjonijiet tal-Bord isiru aġġustamenti fis-setting ta` dak li jkun qed jiġi mplimentat bi qbil ma' l-istess Bord. Fil-każ imsemmi jirriżulta li l-aktar post li jaqsmu nies fih huwa ftit aktar il-fuq minn fejn fil-fatt kien ippjanat li jsir il-pelican crossing li għalkemm fl-istess triq jaqa fil-konfini tal-Kunsill ta` Ħal Tarxien.
Fil-mument ix-xogħol kellu jerġa jieqaf peress li saru sottomissjonijiet ġodda dwar fejn għandha titpoġġa din il-pelican crossing mill-Kunsill ta` Raħal Ġdid li fil-preżent qegħdin jiġu kkunsidrati mill-Bord u mid-Dipartiment.
Dwar it-tieni domanda ma jirriżultax li dan l-ajdut wasal għand il-Bord jew id-Dipartiment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk biex mara separata tkun eliġibbli għar-relief tridx tkun tgħix waħedha? Tali persuna tkun intitolata għal-relief anke jekk tkun qed tirċievi manteniment mingħand ir-raġel flimkien ma somma flus lump sum wkoll mingħand ir-raġel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Għajnuna Soċjali titħallas lil kap ta' familja li jissodisfa t-test tal-meżżi kif stabbilit f'Taqsima V tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. L-istess Att jipprovdi li familja tista' tkun komposta minn persuna waħda.
Mara separata hija eliġibbli għall-Għajnuna Soċjali dment li l-manteniment li hi tirċievi mingħand ir-raġel tagħha flimkien ma xi kapital li jista' jkollha ma jaqbiżx l-imsemmi test tal-meżżi. Fl-eżempju li qiegħed iġib l-Onor. Interpellant il-limitu ta' riżorsi kapitali huma ta' Lm4000.
Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali — Impjegati Ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda matul is-sena 2000 ma' organizzazzjonijiet jew entitajiet parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Xi gradi qegħdin jokkupaw dawn il-ħaddiema?
X'salarji/benefiċċji qed jieħdu l-imsemmija ħaddiema?
Response (GATT, AUSTIN)
Matul is-sena 2000 gew impjegati zewg haddiema. Dawn huma:-
(i) Driver/Messenger (Part-time)
Paga: LM 48.38 fil-gimgha
(ii) Cleaner (Casual)
Hlas: LM 2 is-siegha
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 21714, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet u x'miżuri ttieħdu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ordnat lill-kuntrattur jirranġa x-xogħol li kien għamel fl-entratura msemmija. Il-kuntrattur għadu ma tħallasx ta' dan ix-xogħol u mhux ser jitħallas qabel isir ix-xogħol meħtieġ. Kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, ir-residenti qatt ma ġew "billed" għal żewġ metri kwadri konkos.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fid-Diviżjoni tas-Saħħa li jieħdu xi forma ta' allowance fissa? Għal-liema raġuni jieħu din l-allowance u kemm jieħu f'termini ta' flus ta' din l-allowance?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fid-Diviżjoni tas-Saħħa hemm numru ta' ħaddiema li jieħdu dawn l-allowances kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Mhux possibbli li wieħed jagħti kemm jieħdu f'termini ta' flus peress li ċertu allowances ivarjaw minn persuna għall-oħra.
Allowances oħra għandhom ammont fiss bħal:
i) Nursing Premium - Lm 400, Lm 550 jew Lm 750 fis-sena
ii) Qualification Allowance - Lm 150, Lm 200, Lm 300 jew Lm 400 fis-sena
iii) Case load allowance (MCH) - Lm 350 fis-sena
iv) Clothing Allowance - Lm 26 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' persuni mħarrka minħabba ksur tar-regolamenti dwar tgħabija żejda s-sena li għaddiet?
Kemm minn dawn kienu dwar tgħabija żejda ta' passiġġieri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija ħarrket 211 persuna fuq ksur tar-regolamenti dwar tagħbija ta` vetturi. Minn dawn, 177 kienu jirrigwardjaw tagħbija ta` passiġġieri.
Jirriżultalu l-Ministru illi diversi sidien ta' ħwienet/negozji ż-żgħar qed jiġu avviċinati mill-performing right society biex iħallsu talli jkollhom xi casette/CD jdoqq fil-premises tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s-Small Business Unit waslitilha nformazzjoni li kien hemm każ wieħed li fih spetturi tas-Soċjeta' tal-Performing Right marru f'ħanut u talbu ħlas skond il-liġi. Is-sid tal-ħanut aċċetta li jħallas.
Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li tinsab quddiem il-blokk tal-gvern 51A fi Sqaq Brittanika, Numru 1, Tarxien, li ilhom jirrapportaw ir-residenti bil-ħsara mingħajr ma jsir xejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza msemmija diġa saret.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar taxxa ta' reġistrazzjoni ta' karozzi li jaħdmu bil-batterija sena b'sena mill-1997 sal-2000(inkuża) separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Billi it-teknoloġija li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant hi waħda ġdida, n-numri ta' karozzi simili li daħlu f'Malta kien ftit li xejn. Hu għalhekk li fl-aħħar Budget naqqasna t-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq dawn il-karozzi biex ikun jistgħu jiġu offruti fis-suq bi prezz raġġonevoli u għalhekk inħajru l-użu tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar VAT fuq bejgħ ta' (i) solar heaters / solar panels matul is-snin 1997, 1998, 1999 u 2000 separatament sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu ma tistax tingħata peress li fid-denunzja tal-VAT ma ssirx distinzjoni bejn taxxa miġbura fuq bejgħ ta' solar heatersżsolar panels u taxxa miġbura fuq attivita' ekonomika oħra magħmula mill-istess persuna reġistrata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien kkalkulat id-dħul minn infiq tat-turisti li żaruna matul is-snin 1995, 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000 separatament sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub, li jkun ippubblikat perjodikament mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika, huwa kif ġej :
1995 - Lm232,804,000
1996 - Lm228,868,000
1997 - Lm249,836,000
1998 - Lm254,617,000
1999 - Lm271,383,000
2000 - Lm206,223,000
(Jannar sa Settembru)
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jirċievu benefiċċji soċjali, bħala perċentaġġ tat-total fil-pajjiż, persuni kategorizzati bħala self-employed? Jista' jagħti breakdown tagħhom, per eżempju, pensjoni ta' l-eta', mard, eċċ.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tista' tingħata biss fir-rigward ta' l-Allowance tat-Tfal. Madwar 4,846 applikant għall-Allowance tat-Tfal iddikjaraw illi għandhom impjieg full-time bħala self-employed. Dan huwa madwar 12 fil-mija ta' dawk kollha li jirċievu din l-allowance.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu t-tentattivi min-naħa tal-Ministeru biex ma jintilfux madwar 40,000 turist fis-sena mingħand l-operaturi Frosch? Dawn spiċċaw? X'kienu t-talbiet speċfiċi tal-Frosch f'dan ir-rigward?
Response (REFALO, MICHAEL)
Il-ħidma tal-Ministeru kienet tikkonsisti f’waħda ta’ appoġġ u konsultazzjoni kontinwa mal-MTA u l-MHRA li nnegozjaw direttament mar-rappreżentanti tal-FTI.
Għall-aħjar informazzjoni tal-Onor. Interpellant l-FTI li matul l-2000 tilfet madwar Lm700 miljun fil-kors tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħha, nxtrat mill-kumpanija Ingliża Airtours.
Id-direzzjoni ġdida tal-FTI bil-ħsieb li terġa’ ġġib il-kumpanija fuq saqajha, ddeċidiet li tnaqqas il-programmi tagħha lejn Malta kif ukoll b’rata ogħla dawk lejn destinazzjonijiet turistiċi oħra. Din id-deċiżjoni ttieħdet ferm qabel ma bagħtu rappreżentanti Malta bil-ħsieb li jbaxxu r-rati tal-lukandi u jiksbu għajnuna diretta fi flus mingħand l-Awtorita’ tat-Turiżmu u għalhekk in-negozjati ma kellhomx x’jaqsmu ma’ reviżjoni jew żieda fil-programm għas-sajf 2001.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jimtlew il-vakanzi għall-postijiet ta' senior environment inspectors fi ħdan id-dipartiment ta' l-ambjent? Jista' jgħid kemm huwa l-complement meħtieġ għal dawn il-postijiet u kemm kien hemm applikanti għalihom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċeduri biex jimtlew il-vakanzi għall-postijiet ta' senior environment inspectors inbdew. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent qiegħed jistenna l-awtorizazzjoni biex jippubblika ċ-ċirkulari relatata ma' dan il-milgħi.
Fil-preżent, il-complement huwa ta' sitta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru set-offs mid-dipartiment tat-taxxi sena b'sena mill-1998 'l hawn ma' taxpayers li jagħtu lill-gvern iżda li fl-istess waqt kienu għadhom qed jistennew ħlasijiet mill-gvern lilhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma kellu l-ebda set-off diretta minn bilanċi dovuti lil xi taxpayers minn xi dipartiment ieħor tal-Gvern biex titħallas it-taxxa dovuta. Kien hemm madankollu xi każijiet fejn saru arrangamenti bejn id-Dipartiment li kellu jagħti flus lil xi fornituri ta’ prodotti jew servizzi u l-persuna jew kumpanija konċernata fejn, permezz tal-Ministeru tal-Finanzi, inbidlu ċ-ċekkijiet bil-bilanċi rispettivi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm żdiedu u naqsu impjegati maċ-Ċivil sena b'sena mill-1992 sal-lum?
Jista' jagħmel l-istess eżerċizzju fir-rigward ta' l-entitajiet parastatali jew li għandu maġġoranza fihom il-gvern għall-istess perijodu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Skeda ‘A’ li tagħti dettalji dwar żieda jew tnaqqis fit-totali ta’ ħaddiema fis-Servizz Pubbliku mill-1992 sa Ottubru ta’ din is-sena, kif ukoll Skeda ‘B’ li tagħti l-istess dettalji dwar ħaddiema f’korpi/kumpanniji parastatali li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni dwar xi entità parastatali oħra, nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' refużjonijiet ta' income tax x'jitħallsu mill-gvern għas-snin ta' qabel l-1998 separatament sena b'sena minn meta dawn huma dovuti u bħala totali globali?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet u miri ta-gvern biex dawn it-taxpayers jirċievu lura ħlasijiet dovuti lilhom?
Kemm minn dawn huma dovuti lill-self-employed, kumpanniji/ditti kummerċjali separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija din :
Sena ta' Stima Ammont Lm
Sas-sena 1989 200,385
1990 53,569
1991 55,301
1992 107,430
1993 233,111
1994 295,041
1995 732,642
1996 1,389,908
1997 2,375,423
1998 12,474,483
Minn dawn Lm1.63 miljun huma dovuti lis-self-employed; Lm6.08 miljun lill-kumpaniji u l-kumplament lill-individwi oħra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 17763, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju dwar il-jewellers li kien rrefera għalih b'risposta għall-istess mistoqsija parlamentari li ngħatat fis-7 ta' Lulju ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istudju dwar xi emendi fl-Ordinanza Dwar il-Haddiema d-Deheb u Haddiema l-Fidda [Agenteria] [Kap 46] ghadu mhux iffinalizzat.