Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni tal-Gvern fil-konfront ta' sidien ta' garaxxijiet li kienu mibnijin f'ċajjiżna bil-permessi kollha rilevanti f'toroq li kienu għadhom mhumiex kompluti u wara qegħdin jitlestew, meta kif qed jiġri f'ħafna każi, jirriżulta eventwalment li dawn ikollhom bżonn li ssir rampa biex ikunu aċċessibbli? Jaf l-Ministru li mhux dejjem possibbli li l-art tal-garaxxijiet titbaxxa biex tiġi aktar livell tat-triq minħabba li jkunu mibnijin fuq basements ta' terzi persuni? Jaf il-Ministru li fil-prattika dawn ir-rampi bilfors iridu jsiru fuq il-bankina u anke fil-triq biex il-garaxxijiet ikollhom l-aċċess meħtieġ? Jaf li dan l-aġġustament irid isir mhux tort tas-sidien li jkunu bnew bil-perness u fuq livelli stabbiliti minn surveyors li wara meta ssir eventwalment it-triq jiġu skartati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħolijiet kollha tat-toroq li jkun qed jagħmel id-Dipartiment isiru skond il-livelli pprovduti mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li hija responsabbli wkoll mill-ħruġ tal-livelli lill-iżviluppaturi minn meta jkun ser jibda xi xogħol ta' żvilupp f'xi triq. Jibqa diskutibbli jekk dawn l-iżviluppaturi isegwux il-livelli mogħtija lilhom mill-Awtorita' meta jkunu ser iwettqu l-iżvilupp li jkunu ġew mogħtija permess għalih. Bosta drabi jinqalgħu diffikultajiet minħabba li numru ta' żviluppaturi ma jsegwux il-livelli mogħtija.
B'referenza għal MPO Circular 16/2001, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal postijiet ta' Assistant Director f'kull dipartiment li għalih ħarġu l-appilkazzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir kontrol fuq min jibgħat messaġġi baxxi u abbużivi fuq it-telefon ċellulari ċioe fuq is-sistema S.M.S tal-Go Mobile u Vodafone?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li f'każijiet simili l-Pulizija, bil-koperazzjoni ta' l-operaturi awtoriżżati u b'approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni, tieħu l-passi neċessarji kontra min jagħmel użu mhux xieraq ta' xi apparat telefoniku nkluż dak ta' telefon ċellulari u dan ukoll skond l-Artiklu 39 tal-Kap 399 tal-Liġijiet ta' Malta.
Dwar messaġġi SMS li jidhru fuq il-mobiles, jista' jkun possibbli li jiġi ntraċċat jekk il-messaġġ intbagħatx minn fuq mobile ieħor, peress li jidher in-numru tal-mobile li minn fuqu ntbagħat il-messaġġ. Jekk pero', l-SMS intbagħat minn fuq website, teknikament hu kważi mpossibli li wieħed isir jaf is-sors oriġinali ta' tali messaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-mediċinali u l-apparat mediku li hemm fil-Air Disaster Boxes li hemm fil-klinika tal-Airport ilu ma jiġi ċċekkjat żmien twil? Meta l-aħħar li ġew iċċekjati? Veru li hemm items skaduti?
Jista' jara li l-affarijiet ikunu ċċekkjati peress li jekk Alla ħares qatt isir xi inċident tal-ajru, l-konsegwenzi kemm ikunu akbar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mediċinali u l-apparat mediku fil-klinika ta' l-ajruport jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tas-Saħħa.
Peress li ftit ilu ħarġet legal notice għas-sidien tal-klieb li jħammġu toroq u ma jnaddfux, jista' jgħid jekk din tapplikax wkoll għas-sidien taż-żwiemel u annimali oħra? Jistaż jgħid jekk sa issa inqabdux sidien tal-klieb li kienu fit-toroq u kien bla boroż tal-plastic? Kemm kien dawn u kemm weħlu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-Regolamenti ta` l-2000 dwar il-Kontroll tal-Klieb, li tagħhom qiegħed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi kien hemm għaxar persuni li nqabdu mill-Pulizija bi ksur ta` dawn ir-regolamenti. Tnejn minnhom kellhom il-każ tagħhom deċiż u weħħlu multa, filwaqt li l-każi l-oħra għad m`humiex deċiżi.
Peress li ftit ilu ħarġet legal notice għas-sidien tal-klieb li jħammġu toroq u ma jnaddfux, jista' jgħid jekk din tapplikax wkoll għas-sidien taż-żwiemel u annimali oħra? Jistaż jgħid jekk sa issa inqabdux sidien tal-klieb li kienu fit-toroq u kien bla boroż tal-plastic? Kemm kien dawn u kemm weħlu?
Response (GATT, AUSTIN)
L-interpellant hu mitlub illi jaghmel id-domanda lill-Ministru koncernat.
Peress li Triq Sant Anna f'Ħal Tarxien hi triq ferm dejqa u hija one way, jista' l-Ministru jara li minn żmien għall-żmien imur warden biex jara li ma tinkisirx il-liġi, peress li ta' spiss sewwieqa ta' vetturi qed jitilgħu kontra l-one way ?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-Kunsill Lokali Tarxien ircieva d-delega ta` l-infurzar ta` certu ligijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant jirrivolgi ruhu lill-Kunsill imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn scrap yards li għandhom il-permessi meħtieġa biex joperaw f'Malta kif wkoll f'Għawdex? Jista' jgħid fl'liema lokalitajiet jinstabu? Jista' jgħid wkoll kemm hawn scrap yards li qed joperaw u li ma għandhomx il-persuni meħtieġa? Jista' jgħid f'liema lokalita' jinstabu? X'qed isir dwar dawn u biex jiregolizzaw il-posizzjoni tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-responsabilitajiet tal-Car Park Attendants? Jista' jgħid per eżempju jekk dawn humiex responsabbli f'każ ta' ħsara ta' xi vetturi waqt li din tkun ipparkjata? Kemm hrmm car park attendants f'pajjiżna bħalissa f' Malta u f'Għawdex separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'permess qed jiġi miżmum u għalfejn mill-Ministeru tiegħu biex propjeta ġdida li qed tiġi akkwistata mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien, ssir l-uffiċini l-ġodda tal-Kunsill Lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda permess mehtieg skond l-Att dwar l-Kunsili Lokali ma qed jinzamm mill-Ministeru tieghi tant illi kemm jien kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi approvajna t-talba fis-17 ta` Jannar 2001.
Peress li hemm min ilu li applika f'Diċembru 2000 biex jingħata is-servizz ġdid tad-dawl fil-maisonettes ġodda tal-Gvern fi Triq l-Istefanotis, Santa Lucia, jista' l-Ministru jgħid meta ser jingħata dan is-servizz peress li hemm koppji li ser jiżżewwġu fi ftit xhur oħra u kemm koppji miżżewġa li qed iħallsu l-kera talpost li qegħdin jokkupaw bħalissa barra il-pagamentio mensili lill-Bank fuq is-self li ħadu biex jixtru il-post f'San Lucia?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li huwa previst li s-servizzi ġodda li qed issir riferenza għalihom jingħataw aktar tard dan ix-xahar flimkien ma' xogħolijiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għad-dewmien mid-Dipartiment tal-Mużewijiet lill-Kunsill Lokali Tarxien biex id-dar 27/28 (qabel 24/25) Triq il-Kbira, Tarxien tiġi rikonoxxuta bħala d-dar fejn kien jgħix l-ex Prim Ministru ta' l-Italja Franceso Crispi. Jaf l-Ministru li s-sidien tal-fond ppresentawlu d-dokumenti kollha relattivi tramite l-Kunsill Lokali lill-awtoritajiet tal-Mużewijiet li jistabbilixu dan il-fatt u lanqas biss plakka komemonorattiva li turi din l-istorja ma tista' titwaħħal mal-istess dar bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li plakka kommemorattiva b'tifkira ta' Francesco Crispi għandha titwaħħal qrib il-kantuniera tad-dar numru 27/88 Triq il-Kbira, Tarxien u ser tiġi mikxufa f'ċerimonja qasira għall-okkażjoni nhar it-2 ta' Ġunju 2000 mill-E.T. Guido de Marco, il-President ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea skond il-provedimenti tat-Trattat ta' Ruma, l-istati membri ma jkunux jistgħu jibqgħu jagħtu sussidji lil entitajiet u korporazzjonijiet li huma tal-Gvern jew li l-Gvern għandu kontroll fihom? Peress li l-Universita' ta' Malta hija tal-Gvern skond l-Att dwar l-Edukazzjoni ta' 1988, il-Gvern ha jkun jista' jkompli jissusidja lill-Universita' u jekk le, l-istudenti li bħalissa qegħdin jagħmlu kors l-Universita' u jieħdu stipendju kif se jintlaqtu? Il-Gvern ħa jkun jista' jkompli jagħti stipendju lill-istudenti meta Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-kuntest ta' sħubija fl-UE, is-sussidji mogħtija mill-gvern lil entitajiet kummerċjali kemm dawk li fihom għandu interess jew li fuqhom għandu kontroll u anki dawk li fihom m'għandux interess jew kontroll ikunu regolati bl-Artiklu 87 tat-Trattat ta' Ruma. Dan l-artiklu jipprojbixxi sussidji b'mod ġenerali, iżda jippermettihom taħt kundizzjonijiet hemm stipulati.
Madanakollu, dan l-artiklu ma' japplikax għall-fini tal-qadi tal-funzjonijiet edukattivi ta' l-Universita` ta' Malta skond l-Att ta' l-Edukazzjoni. Għaldaqstant, il-baġit allokat lill-Universita` jista' jibqa' jiġi allokat anki fil-kuntest ta' sħubija bħalma jsir fil-preżent. L-istudenti li bħalissa qed jagħmlu kors l-Universita` ma' jintlaqtu b'ebda mod.
L-istess jingħad dwar l-istipendju, fejn fil-kuntest ta' sħubija Malta xorta tkun tista' tħallas stipendju lil studenti Maltin. Ta' min jgħid li sussidju fil-forma ta' stipendju lill-istudenti b'ebda mod m'huwa sussidju kif kontemplat fl-Artiklu 87 tat-Trattat.
Inoltre, m'hemmx lanqas obbligu li dan l-istipendju jitħallas lil studenti ċittadini ta' pajjiżi oħra ta' l-UE li jagħżlu li jiġu jistudjaw fl-Universita` ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħlasijiet li qegħdin isiru lir-Reġistru Pubbliku (Dipartiment tal-Gvern) għal riċerki (fit-trasferimenti/passivita eċċ) jinkludux il-VAT? Jekk fl-affermattiv 1) Għalfejn l-ammont ta' VAT m'huwiex qed jitniżżel fl-invoices għall-istess riċerki li joħroġ id-Dipartiment kif kien isir qabel meta kienu joħorġu l-invoices minn Eureka Services Ltd? 2) Dan il-VAT jista' jitnaqqas minn Nutara u persuni oħrajn li jiġbru l-VAT meta jsiru l-ħlasijiet lid-Dipartiment tal-VAT? 3) Jaħsibx li l-fatt li Dipartiment tal-Gvern qiegħed jiġbor VAT mingħand il-konsumatur jmur kontra il-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-VAT kif inhi bħalissa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlasijiet li jsiru lir-Reġistru Pubbliku għal riċerki m'humiex suġġetti għall-VAT.
F'dan ir-rigward ma hemm ebda VAT x'titniżżel fuq l-invoices li jinħarġu mid-Dipartiment. Peress li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku mhux jiġbor VAT ma hemm ebda VAT x'tintalab lura minn nutara u persuni oħrajn li jiġbru l-VAT. Id-Dipartiment tal-Gvern, kif spjegat hawn fuq mhux qed jiġbor ebda VAT mill-konsumatur.
Wara inċident li fiha sfat mtjara tfajla minn Ħal Tarxien riċentement fi Triq Tal-Barrani, jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma ġietx stabbilita rotta temporanja alternattiva għall poplu ta' Ħal Tarxien minflok ikollhom jinżlu fi Triq Tal-Barrani bil-periklu kollu involut? Ta' min kienet id-deċiżjoni li r-rotta alternattiva temporanja li kienet tgħabbi n-nies minn ġor-raħal, ġiet mibdula biex tal-linja jibqgħu għaddejjin dritt minn Triq tal-Barrani min flok jidħlu f'Ħal Tarxien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rotta 29 ma tneħħietx minn ġo Ħal Tarxien. Minħabba xogħolijiet li qed isiru ħdejn il-knisja, din ir-rotta ġiet devjata biex toħroġ fit-Triq tal-Barrani ħdejn it-Traffic Lights fit-tarf ta' Triq il-Palma.
Għaldaqstant, kull passiġġier seta' jirkeb u juża din ir-rotta mill-bus stop eżistenti li jinsab daqs 30 metru 'l bogħod mit-Traffic Lights. B'hekk jiġi evitat il-bżonn li wieħed jaqsam it-triq tal-Barrani biex jirkeb karozza tal-linja.
Ir-rottot l-oħra li kienu jgħaddu minn ġo Ħal Tarxien qabel bdew ix-xogħolijiet hawn fuq imsemmija, issa ġew devjati biex jibqgħu għaddejjin dritt minn ġo Triq tal-Barrani.
Dan l-arranġament isir kull meta jkun hemm il-festa tar-raħal kif ukoll meta jkun hemm xi xogħolijiet matul ir-rotta li minħabba fihom tingħalaq it-triq.