Jista' l-Ministru jispeċifika wieħed wieħed il-Mużewijiet u postijiet storiċi oħra li l-Maltin jistgħu jżuru bla ħlas u kull meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mużewijiet u postijiet storiċi kollha minbarra l-Ipoġew ta' Ħal-Saflieni jkunu miftuħin biex il-Maltin jistgħu jżuruhom bla ħlas. Dan jistgħu jagħmluh kull l-aħħar Ħadd tax-xahar.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jorħsu l-liċenzji tal-motorcycles biex jinkorangixxi aktar is-sewqan ta' dawn il-vetturi, biex jonqsu il-konsum tal-fuel u jonqos ukoll it-tniġġis ta' l-ambjent? Jista' l-Ministru jikkunsidra ukoll li tgħola l-eta' tas-sewqan ta' ċerti muturi ta' kapaċita għolja biex jiġu evitati aktar inċidenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liċenzji tat-triq għal motorcycles ilhom ma jiżdiedu mill-1993, waqt li l-liċenzji tal-karozzi żdiedu darbtejn fl-1997 u 1998.
Il-liċenzja tal-motorcycles kienet dejjem daqs dik ta' l-ewwel klassi tal-karozzi. Din ma baqgħatx hekk mill-1997 meta l-ewwel klassi saret Lm22 u fl-1998 saret Lm30.
Għaldaqstant wieħed jista' jgħid li diġa' hemm differenza sostanzjali bejn il-ħlas għal liċenzji tal-motorcycles u dawk tal-karozzi.
Fir-regolamenti tas-sewqan il-ġodda, li ser jiġu ppubblikati aktar tard dan ix-xahar, biex wieħed ikun jista' jsuq ċerti motorcycles ta' kapaċita għolja, jiġifieri b'saħħa li taqbeż 25kW (33bhp) jew b'ratio bejn saħħa u piż li jaqbeż 0.16kW/kg jew motorcycles bis-sidecar b'ratio bejn saħħa u piż li jaqbeż 0.16kW/kg, irid ikollu jew 21 sena jew sentejn esperjenza ta' sewqan ta' motorcycle b'inqas saħħa.
Jista' l-Ministru jara li jiżdiedu l-parking lanes għall-muturi, peress li s-sewwieqa ta' dawn il-muturi rari jsibu fejn jipparkjaw u fuq kollox iħallsu l-liċenzja kważi daqs karozza u fejn ikun hemm parking lots dawn jispiċċaw jieħdu spazju daqs karozza?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liġi ma tagħmel ebda distinzjoni bejn mutur u karozza tant li vettura mħaddma b'qawwa mekkanika hija diskritta bħala vettura bil-mutur, għaldaqstant m'hemm ebda restrizzjoni għal motor cycles biex jużaw post ta' parkeġġ użat minn karozza.
Ta' min isemmi iżda li l-liġi titlob li meta jiġu pparkjati motor cycles dawn m'għandhomx jiġu pparkjati paraleli mal-bankina jew ħajt ta' triq, iżda għandhom jiġu pparkjati f'angolu ta' mhux anqas minn 45 grad għal dik il-bankina jew ħajt.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar ingaġġ ta' suldati fil-Forzi Armati ta' Malta? Kemm iddaħħlu fl-armata? Meta hemm ħsieb li jsir ingaġġ ieħor fil-Forzi Armati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-aħħar ingaġġ ta’ suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta sar skond is-sejħa li saret fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru 16,801 ta’ l-4 ta’ Ġunju 1999. Minn din is-sejħa kienu daħlu 84 suldat li ġew ingaġġati fl-1 ta’ Frar 2000.
Ninforma l-Onorevoli Membru illi saret sejħa oħra għal ingaġġ ieħor ta’ suldati skond il-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 17,061 li ġġib id-data tas-27 ta’ Frar 2001 u li l-proċess għall-istess ingaġġ jinsab fi stadju avvanzat. L-ingaġġ tas-suldati mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin. Fl-istess Gazzetta saret sejħa għal applikazzjonijiet għal dħul fl-Armata ta’ Uffiċjali Kadetti u permezz ta’ l-istess sejħa ġew ingaġġati 10 Uffiċjali Kadetti fl-1 ta’ Ottubru 2001.
Jista' l-Prim Ministru jgħid wara d-diversi aspettativi li kien hawn f'pajjiżna dwar it-tħaffir taż-żejt, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn wasslu l-pjanijiet biex isir tħaffir ġdid?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Saru pjanijiet biex jitħaffer bir ġdid iżda l-kuntratt għal dan ix-xogħol għadu ma ġiex konkluż. Il-Kamra tiġi mgħarfa dwar dan meta u jekk dan iseħħ.
Nixtieq insemmi li Hardman Resources NL, li kienu ngħataw kuntratt f’Awissu ta’ l-1998, għadhom ma rnexxilhomx isibu kumpanija sieħba biex iħaffru bir fil-Lvant ta’ Malta. Għal dan il-għan il-Gvern diġa estenda l-kuntratt għal diversi drabi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jgħin lis-sajjieda li qed jiġu misruqa u mhedda minn sajjieda Tuneżini? Jikkonferma l-Ministru li s-sajjieda talbu għajnuna lill-awtoritajiet? Jekk fl-affermattiv, x'għajnuna qed tingħata jew ingħatat mill-Ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull okkażjoni fejn ikollhom bżonn, il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd qiegħed jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lis-sajjieda Maltin u Għawdxin. Ma naħsibx li l-Onor. Interpellant għandu għalfejn jitlob konferma għaliex kont jien stess li semmejt il-problema waqt konferenza ta' l-aħbarijiet dwar it-Tielet Sena ta' Ħidma tal-Gvern. Bħal f'kull każ ieħor bħal dan, il-Ministeru ġabar ir-rapporti tas-sajjieda, talab u ħeġġeġ għal kull għajnuna possibbli mill-Forzi Armati u kkuntattja lill-awtoritajiet Tuneżini anki bl-għajnuna tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin skond kif inhu xieraq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Malta hawnx persuni mill-Afganistan li qed jitolbu kenn politiku? Jekk iva, kemm hawn u kemm ilhom f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa f`Malta hawn seba` (7) refuġjati mill-Afghanistan li lkoll huma rikonoxxuti mill-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR).
L-ewwel raġel wasal Malta fil-21 ta` Ġunju 2001 u ġie rikonoxxut mill-UNHCR fis-7 ta` Awissu 2001.
Żewġ ġuvintur oħra waslu Malta fit-2 ta` Lulju 2001 u ġew rikonoxxuti mill-UNHCR fil-11 ta` Lulju 2001.
Hemm ukoll familja t`erbgħa (missier, omm u żewġt itfal) li waslu Malta fit-13 t`Awissu 2001 u ġew rikonoxxuti mill-UNHCR fis-17 t`Awissu 2001.
Infurmat ukoll illi fil-mument f`Malta ma hawn ebda każ pendenti t`applikant għal status ta` refuġjat mill-Afghanistan.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex applikanti ġodda li qed jitolbu biex tinħarġilhom liċenzji tal-kaċċa u l-insib ħalli jkunu jistgħu jipprattikaw id-delizzju li tant iħobbu qed idumu kważi sena biex jinħarġilhom il-permess? Jaħsibx li hemm ħafna burokrażija żejda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sabiex tkun tista` tinħareġ liċenzja għall-kaċċa huwa meħtieġ eżami, li fost oħrajn, jiddetermina kemm dik il-persuna li applikat għal liċenzja taf tagħraf l-għasafar u xi jgħidu r-regolamenti għall-ħarsien tal-fawna. Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet pendenti għall-kaċċa li għandha l-Pulizija, huma proprju dawk li qed jistennew l-eżitu ta` dan l-eżami li jsir mid-Dipartiment tal-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm ilhom li bdew l-attakki fuq l-Afganistan għaddewx ajruplani militari mill-ispazju ta' l-ajru Malti? Jista' jgħid kemm-il darba għaddew u meta? Jista' jgħid jekk intalabx permess?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Casino Di Venezia li hemm fi Skans Palace il-Birgu? Jista' jgħid kemm minnhom huma mill-Cottonera? Jista' jgħid jekk dawn kienux jirreġistraw għax-xogħol qabel ġew impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Settembru 2001 kien hemm 97 persuna mpjegata mal-Casino di Venezia, li minnhom 11 huma mill-Kottonera. 3 minn dawn il-11 kienu jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar ingħatawx xi promozzjonijiet fost is-survelliance officers li hemm fid-Divizjoni tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid xi kriterji ntużaw fl-għoti ta' dawn il-promozzjonijiet? Kemm saru, u b'kemm żdiedet il-paga?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li fid-Diviżjoni tas-Saħħa l-grad ta` Surveillance Officers ma jeżiżtix.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-liċenzja tal-karozzi (jiġifieri dawn li jkunu mwaħħla mal-windscreen) ser joħorġu bla ma jkun hemm informazzjoni personali jiġifieri bla isem u bla indirizz?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liċenzja tal-vetturi, jiġifieri l-windscreen disc, bdew joħorġu mingħajr id-dettalji personali mit-12 ta' Settembru, 2001. Dan ifisser li minn din id-data, kull min iġedded il-liċenzja, din tinħariġlu mingħajr dettalji personali, jiġifieri l-isem u l-indirizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm liċenzji ta' negozji li ġew irtirati mis-sidien tagħhom jew li ġew trasferiti minn fuq isem għal ieħor separatament sena b'sena mill-1995 sal-llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ liċenzji ta’ negozju li ġew irtirati u trasferiti mis-sidien tagħhom mill-1995 sat-30 ta’ Settembru 2001 kienu kif ġej:-
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001
Liċenzji ta’ negozju li ġew iritirati
426
249
214
188
263
188
113
Liċenzji ta’ negozju li ġew trasferiti
438
413
319
330
220
249
194
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw kumpaniji/partnerships għall-likwidazzjoni ta' l-intrapriża tagħhom sena b'sena mill-1995 sal-llum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' soċjetajiet kummerċjali li ġew xolti fis-snin 1998 sa 2001 huma kif ġej:
1998 - 732
1999 - 375
2000 - 585
2001 (sal-31 ta' Awissu) - 375
Peress li records għas-snin 1995, 1996 u 1997 iridu jiġu kompilati manwalment minn sorsi differenti jingħataw aktar l-quddiem.
Jaf l-Ministru li l-plakka kommemorattiva ta' l-ex Prim Ministru Taljan Francesco Crispi twaħħlet erronjament fuq dar li ġġib in-numri 25/26 Triq il-Kbira, Tarxien u mhux fuq id-dar indikata fir-risposta li hu kien tani għal mistoqsija parlamentari nru. 25713 (seduta 37) jew fl-invit li nħareġ għall-okkazjoni tal-kxif ta' din il-plakka? Infurmat l-Ministru li jidher li n-numri tad-dar fejn kien jgħix f'Ħal Tarxien l-imsemmi ex-PM Taljan fil-fatt jidher li ġew erronjament ddupplikati fuq il-fond fejn attwalment twaħħlet din il-plakka?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-problema ta' liema dar attwalment għex fiha Francesco Crispi ġiet solvuta permezz ta' riċerka f'dokumenti depożitati f'Malta, kitba ta' storiċi Maltin u ritratt ipprovdut min-neputi ta' Francesco Crispi li jgħix fl-Italja. Dan minħabba li matul iż-żmien in-numri ta' bibien ta' Triq il-Kbira Tarxien ġew mibdula kemm-il darba u per konsegwenza wieħed ma' jistax jorbot fuq in-numri eżistenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet u kemm jammontaw fi flus għal refunds dovuti lill-Nutara/membri tal-pubbliku/entitajiet governattivi separatament in konnessjoni ma' ħlas għal riċerki ordnati fir-reġistru pubbliku ta' Malta u kemm ilhom jistennew l-aktar dawn il-pendenzi biex jiġu mħallsa?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28272, ninsab infurmat illi bħalissa qegħdin jiġu identifikati l-każijiet li jimmeritaw li jingħataw "refund" ħalli wara li dan ikun awtorizzat, ikun jista` jsir ir-refund dovut. Għalhekk it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jinġabar u tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 28276 dwar kaxxa ta' l-ittri li tneħħiet minn Triq id-Dejma, Tarxien u twaħħlet f'triq li xejn mi ftit 'l bogħod (Triq Dun Karm Sant) b'inkonvenjent kbir għar-residenti tan-naħa ta' Ħal Tarxien qrib Bulebel fejn oriġinarjament kienet il-kaxxa ta' l-ittri, peress li tajjeb li twaħħlet kaxxa tal-ittri fi Triq Dun Karm Sant għaliex kienet bżonnjuża iżda daqstant huwa ħażin li tneħħiet dik li kien hemm fit-tarf ta' Triq id-Dejma, Tarxien kif sar.
Jista' l-Ministru jara li terġa titwaħħal kaxxa fil-post fejn kienet għax din kienet ta' użu kbir għar-residenti ta' l-inħawi, ħaddiema tal-fabbriki u nies li jieqfu bil-karozza mat-triq prinċipali biex jimpostaw ittri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien nfurmat li flimkien mal-programm ta’ manutenzjoni tal-kaxxi ta’ l-ittri qed jiġi mwettaq ukoll pjan ta’ reviżjoni ta’ fejn jinstabu mwaħħlin ċerti kaxxi. Dan ikun meħtieg minn żmien għal żmien minħabba l-iżvilupp ta’ ċerti postijiet u nħawi. L-għan hu li jiżgura li l-kaxxi tal-posta jitqiegħdu f’postijiet fejn jista’ jsir l-aħjar użu tagħhom.
Fil-każ imsemmi, ftit ‘l isfel minn Triq id-Dejma teżisti kaxxa oħra fi Triq San Anard li tintlaħaq aħjar mill-ħaddiema tal-fabbriki u nies fit-triq prinċipali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi n-Nutara jridu jħallsu immedjatament għal riċerki ordnati fir-Reġistru Pubbliku malli jinġabu, filwaqt illi refunds ta' ħlasijiet inħallsa żejda minn Nutara għadhom ma rifonduti wara xhur sħaħ?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb illi għan-Nutara, hemm arranġamenti speċjali ta` kif jiġi effettwat il-pagament dovut fuq ir-riċerka.
Rigward "refunds", għar-Reġistru Pubbliku dan huwa kunċett ġdid u riċentement ġiet stabbilita proċedura biex isiru dawn ir-refunds. Jista` jkun li kien hemm xi "delay" biex isiru dawn ir-refunds sakemm ġiet stabbilita` din il-proċedura.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kaxxa tal-ittri li kienet fil-kantuniera fit-tard ta' Triq id-Dejma, Tarxien l-ewwel tneħħiet imbagħad twaħħlet waħda ġdida u wara ftit din wkoll inqalet għal kollox f'temp ta' ftit ġranet?
Jaħsibx li mhuwiex ġust li dan is-servizz ġie mneħħi lir-residenti tal-inħawi u jaħsibx kif saru l-affarijiet kien hemm ħela ta' fondi li setgħu jintużaw aħjar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Maltapost bħalissa qiegħda tagħmel programm ta' manutenzjoni tal-kaxxi ta' l-ittri madwar Malta u Għawdex. Fl-istess ħin qed tutiliżża kaxxi ġodda biex tgħin lill-pustiera fit-tqassim u għalhekk qed isir ukoll xi spustar ta' kaxxi.
Peress li l-kaxxa l-antika fi Triq id-Dejma kienet fi stat ħażin, twaħħlet waħda temporanjament biex il-pubbliku jinqeda xorta.
Fil-fatt, issa kaxxa ġdida ġiet impoġġija b’mod permanenti ftit il-bogħod fi triq Dun Karm Sant biex tkopri l-bżonnijiet imsemmija hawn fuq.
Jista' l-Ministru jgħid meta se titkompla tingħata l-asfalt Triq is-Sorijiet, Tarxien, li issa ilha maqlugħha għal ġimgħat sħaħ, peress illi din it-triq tintuża ħafna u lanqas huwa xieraq li l-abitanti ta' din it-triq jibqgħu f'dan l-istat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li x-xogħol tal-culverts irriżulta fi ħsara aktar milli mistennija, fit-triq qed isiru arranġamenti biex l-asfalt ta` din it-triq ikun jista` jingħata l-wisgħa kollha u peress li dan huwa addizzjonali għall-kuntratt qed jintemmu proċeduri biex il-kuntratt jikber u jkopri wkoll dan ix-xogħol.