Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żebbuġ — Triq Mamo

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 11367, jista' il-Ministru jindaga għalfejn għadu ma sarx it-tibdil meħtieġ fi Triq Mamo, minkejja diversi rapporti li saru lil-uffiċjali ta' l-Enemalta? Ritratti li qed jiġu mibgħuta separatament (7) jixhdu dan il-bżonn.

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li kif diġa spjegajt fir-risposta għall-mistoqsija Parlamentari nru. 11367 li l-linji m'humiex perikolużi u għalhekk ma hemmx urġenza biex jinbidlu, x-xogħol meħtieġ għandu jsir flimkien ma xogħolijiet oħra simili.

Organizzazzjoni Equal partners — Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrikmanda li l-organizzazzjoni "Equal partners' li qed tagħmel xogħol siewi fis-settur tal-persuni b'diżabilita' tibda tingħata għajnuna mill-gvern biex tkun tista' tlaħħaq aħjar ma' l-ispejjeż li għandha?

Response (GALEA, LOUIS)

Inħoss li f'dan l-istadju jkun aħjar li wieħed jistenna ir-rakkomandazzjonijiet tal-'working group' li qed jaħdem fuq l-edukazzjoni inklussiva.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Mamo

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 11367, jista' il-Ministru jindaga għalfejn għadu ma sarx it-tibdil meħtieġ fi Triq Mamo, minkejja diversi rapporti li saru lil-uffiċjali ta' l-Enemalta? Ritratti li qed jiġu mibgħuta separatament (7) jixhdu dan il-bżonn.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Marmo

Question

Jista' il-Ministru jindaga għalfejn il-linja qadima u perikoluża tad-dawl li hemm fi Triq Mamo f'Ħaż-Żebbuġ għada ma nbidlitx?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret ma jirriżultax li l-linji huma perikolużi u għalhekk ma hemmx bżonn li jinbidlu għal issa.

Attard — Zebra Crossing

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrikkmanda li ssir zebra crossing ħdejn il-junction bejn Notabile Road u Żebbuġ Road, H'Attard?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Traffic Management Directorate irriżulta li Notabile Road, Żebbug Road u Triq Żagħfran huma kollha mgħammra b’Pelican Crossing. Il-post msemmi mill-Onorevoli Interpellant jinstab f’salib ta’ dawn it-toroq u minħabba il-moviment eżistenti tat-traffiku u l-volum kbir ta’ vetturi li jużaw din il-junction, mhux rakkomandabbli li ssir “zebra crossing” għal raġunijiet ta’ sigurta.

Trobbija tat-tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed issir xi forma ta' kontroll biex min ibigħ il-broilers ma jagħmilx hekk lil persuni li m'għandhomx il-permessi meħtieġa għat-trobbija tat-tiġieġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk hu qiegħed jirreferi għal day old chicks ninfurmah li dan it-tqassim huwa taħt kontroll, u li bejgħ jista' isir biss lil dawk li għandhom il-permess wara li dawn ikollhom il-permess mit-Taqsima ta' l-Ikel u l-Attivita' Veterinarja maħruġ fuq il-formola is-safra.

Importaturi tat-tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi biex jiġu nvestigati diversi rapporti li saru lill-awtoritajiet konċernati fuq importaturi li qed jimportaw tiġieġ sħaħ, jiddifrostjawhom, iqattgħuhom u mbagħad jerġgħu jiffriżawhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fejn kien hemm rapporti saru l-investigazzjonijiet. Irrid niċċara li tiġieġ, jew partijiet tat-tiġieġ iffriżati jistgħu jitqattgħu mingħajr ma jsir defrosting fi stabbilimenti li huma approvati għal dan it-tip ta' xogħol taħt il-kundizzjonijiet ta' iġene adegwati.

Trobbija tat-tiġieġ — Sussidji

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitħallsu s-sussidji li għandhom jingħataw lil dawk li jrabbu t-tiġieġ peress li jidhru li ilhom ma jitħallsu minn Awissu li għadda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sussidji li kellhom jingħataw lil dawk li jrabbu t-tiġieġ tħallsu fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru wara li saru l-verifiki meħtieġa ta’ l-ammonti dovuti.

Importazzjoni tat-tiġieġ

Question

Jista' il-Ministru jindaga jekk hawnx kontroll adegwat fuq il-kwantita' ta' tiġieġ li ġejjin minn barra peress li ħafna bdiewa Maltin jidhru li qed ikollhom irabbu biss madwar terz tal-kwota tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li qiegħed isir monitoraġġ ta' l-importazzjoni ta' tiġieġ minn barra, skond l-Avviż Legali Numru 234/2004.

Forti Delimara

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidilna jekk għandux il-ħsieb il-gvern jintervjeni biex ma jkomplix jitħalla l-Forti Delimara jaqa' fi stadju ta' żdingar aktar avvanzat?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern qiegħed f'negozjati ma' l-inkwilin biex jerġa' jieħu l-Forti f'idejh.

Siġġiewi — Art tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li mhedda art tal-gvern li hi mdawwra bi Triq l-Imdina u Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi tiġi żviluppata f'dar għall-anzjani kif ġie anke propost mill-kunsill lokali tas-Siġġiewi?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt jamministra mhedda art tal-gvern li hi mdawra bi Triq l-Imdina u Triq it-Tabib Nikol Żammit (u mhux Triq Dun Manuel Zammit kif imsemmi fil-Mistoqsija) fis-Siġġiewi. Barra t-talba tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi hemm żewġ talbiet oħra għall-iżvilupp ta' din l-art. It-talbiet qed jiġu kkunsidrati sabiex jiġi determinat l-aħjar użu li jista' jsir mill-art.

Djar — Applikazzjoni għal bini ta' djar għall-anzjani

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni li saret mill-housing authority (MEPA no. 1719/04) tista' il-Ministru tgħid jekk ġiex ikkonsidrat li dan l-iżvilupp propost fi Triq l-Imdina/Triq Dun Manwel Zammit jiġi sostitwit bl-iżvilupp suġġerit mill-kunsill lokali Siġġiewi, cioe' li ssir dar għall-anzjani?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li wara li l-Awtorita' tad-Djar ikkunsidrat il-proposta tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ġie deċiż li tkompli bil-pjan oriġinali li tibni 70 appartament fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Siġġiewi — Dar ta' l-anzjani

Question

Il-Ministru beħsiebu jirrakkomanda li l-medda ta' art tal-gvern li hija mdawwra bi Triq l-Imdina u Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi tiġi żviluppata f'dar għall-anzjani, kif ġie suġġerit ukoll mill-kunsill lokali Siġġiewi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment Anzjani u Kura fil-Komunita' ma rċieva l-ebda talba biex mhedda ta ' art fis-Siġġiewi tiġi żviluppata f'dar għall-Anzjani.

Ħaż Żebbuġ — Triq Imdina - pedestrian crossing

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li fi Triq Mdina, f'Ħaż Żebbuġ fil-viċinanza tar-roundabout li tagħti għas-Siġġiewi fuq in-naħa tas-Sapphire suite, issir pedestrian crossing għal bus stop li hemm fil-viċinanza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien informat illi fl-area imsemmija mill-Onor. Interpellant mistennija tiġi stallata pedestrian crossing bħala parti mill-proġett finanzjat mill-fondi tal-Protokoll Taljan.

Ħaż Żebbuġ — Triq il-Fuqqanija

Question

Jista' il-Ministru jindaga dwar dak li ġie saħansitra suġġerit minn uffiċjali għolja ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, cioe' li tingħalaq Triq il-Fuqqanija f'Ħaż Żebbuġ, fejn tispara għal Triq is-Siġġiewi minħabba l-periklu li jeżisti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-kunsill lokali tas-Siġġiewi kien talab sabiex Triq il-Fuqqanija issir one way 'il barra għal fuq Triq is-Siġġiewi. Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku evalwa r-rikjesta u ssuġġerixxa lill-kunsill sabiex jikkonsidra Traffic Management Scheme għat-tliet junctions li huma Triq Ħal Mula, Triq il-Fuqqanija u Triq in-Newl ma Triq is-Siġġiewi minħabba li tibdil fi Triq il-Fuqqanija kienet taffettwa wkoll dawn iż-żewġ toroq l-oħra. Id-Direttorat ma qabilx li t-tibdil isir biss fi Triq il-Fuqqanija. Fid-dawl tal-proġett ta' l-Italian Protocol fi Triq is-Siġġiewi, id-direttorat iddiskuta wkoll mad-direttorat tat-toroq. Sadanittant, id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ftehmu mal-kunsill lokali sabiex jiltaqgħu fuq il-post sabiex jiddiskutu dawn l-arranġamenti fis-sistema tat-traffiku.

Ħaż Żebbuġ — Triq Santu Rokku - culvert

Question

In vista tal-fatt li qed isiru xogħlijiet biex titranġa Triq l-Imdina, f'Ħaż Żebbuġ, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex il-culvert li hemm fi Triq Santu Rokku, f'Ħaż Żebbuġ tiġi mibdula f'waħda aktar wiesgħa minħabba li din taqsam Triq l-Imdina qabel ma tispara f'Wied is-Sewda? Huwa magħruf li din il-culvert mhux qed tlaħħaq ma' l-ilma li jinġabar fi Triq Santu Rokku waqt il-maltemp u tkun dnub jekk nerġgħu naqilgħu t-triq fil-futur għax ma nkunux ħsiebna għal dak li hemm bżonn isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi bħala parti mill-proġett ta' kostruzzjoni ta' Triq l-Imdina hemm ippjanat li jsir culvert għall-ilma tax-xita tul Triq l-Imdina sa Wied is-Sewda hekk kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. L-istess xogħol mistenni jinkludi wkoll il-bini ta' catchments għall-ġbir ta' l-ilma fil-bidu ta' kull side street kif ukoll manholes li jkunu jistgħu jintużaw biex jitqabbdu culverts ġodda fil-futur.

National Cats Society — Veterinarji Ġermaniżi

Question

Jista’ il-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li wara li erba’ veterinarji mill-Ġermanja offrew is-servizzi tagħhom bla ħlas lin-National Cats Society, il-veterinarji tal-Gvern f’Malta qed jheddu li jieħdu passi kontra tagħhom? F’każ li jirriżulta li dawn ir-rapporti huma minnhom, għandhom dritt il-veterinarji Maltin jieħdu passi kontra l-veterinarji barranin li ġejjin minn pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea u li offrew is-servizzi tagħhom bla ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħal professjonijiet oħra, l-ebda veterinarju barrani, inklużi dawk Ewropej ma jistgħu jaħdmu f' Malta mingħajr ma jkollhom Warrant biex jaħdmu f' Malta. Il-Liġi għar-rigward attivita’ veterinarja taqgħa taħt id-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja, u għaldaqstant huwa dover ta’ din id-Diviżjoni li tara li ma jsirux irregolaritajiet. Sadattant, mhux eskluż li nippruvaw insibu l-mod kif, fil-parametri tal-liġi, għaqdiet bħan-National Cats Society, jistgħu ikunu megħjuna fil-funzjonijiet tagħhom favor il-ħarsien ta’ l-annimali.

Ħ'Attard — Recreation area

Question

Fl-iżvilupp li hemm maħsub li jsir mill-gvern ħdejn Triq il-Ponsjetta, f'Ħ'Attard (MEPA application no. 00922/04) jista' jiġi kkonsidrat l-inklużjoni ta' recreation area li tinkorpora s-siġar tal-ħarrub li hemm fiż-zona?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar għadha ma rċevietx risposta mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Outline Development Application li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat meta jsiru l-pjanti f'aktar dettal, jekk ikun hemm risposta favorevoli għal din l-applikazzjoni.

Gudja — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jindaga jekk wasalx iż-żmien li jingħata wiċċ xieraq lil Triq Bettina, Gudja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fil-preżent għadu kif sar ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tal-Gudja sabiex isiru toroq il-Barunessa, Ix-Xlejli, H.Pigot, Żogħżija, Dorell kif ukoll Triq il-Markiża. Fir-rigward ta' toroq oħra fil-lokalita', dawn ikunu jistgħu isiru aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Esportazzjoni ta' frott u ħxejjex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif se jintlaqat is-settur ta' l-esportazzjoni tal-frott u l-ħxejjex mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant jaf li bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, Malta u s-setturi ekonomiċi tagħna jagħmlu parti minn suq intern wieħed, fejn il-prodotti minn Stat Membru għall-ieħor jimxu mingħajr xkiel ta' protezzjoni. Dan għandu jkun ta' vantaġġ peress li għal ħafna snin, għal diversi prodotti agrikoli, Malta għamlet diversi talbiet għat-tnaqqis tal-protezzjoni: biex nieħdu eżempju, wieħed minn dawn il-prodotti kien id-dullieh. Għaċ-ċokon tagħha l-biedja tagħna ma tista' qatt tipproduċi l-volumi kbar. Biss għal dak li jirrigwarda kwalita' u niche markets, il-biedja tagħna se jkollha opportunitajiet ġodda.