Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar — Xogħlijiet pendenti

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7829, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm xogħlijiet approvati pendenti fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-Ħamrun u f'Tal-Pieta'? Kemm saru xogħlijiet minn dan id-dipartiment minn Jannar sa l-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena f'dawn iż-żewġ lokalitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar lesta 15-il biċċa xogħol fil-Ħamrun u 3 biċċiet xogħol f'Tal-Pieta'. Hemm ukoll approvati li jsiru 44 xogħlijiet fil-Ħamrun u 9 xogħlijiet f'Tal-Pieta'. 30.06.99

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikanti għal akkomodazzjoni alternattiva fil-Belt u fil-Furjana? Kemm minnhom joqogħdu f'appartamenti tal-gvern u b'hekk jistgħu jibbenefikaw mill-iskema V ta' l-Awtorita' tad-Djar peress li r-raġuni għall-applikazzjoni tagħhom hi l-ammont sostanzjali ta' taraġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 344 applikazzjoni mill-Belt u 80 mill-Furjana. Minn dawn, 157 u 18 rispettivament, qed japplikaw minn post tal-Gvern, iżda mhux possibli li wieħed jgħid kemm minn dawn ta' l-aħħar huma minħabba taraġ. 30.06.99
Leg 9 PQ #8331 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Marsamxett - Banjijiet

Question

Jistgħu jittieħdu l-miżuri minn min hu konċernat sabiex jitnaddfu l-banjijiet fl-inħawi ta' Marsamxett fil-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed jiġi kkunsidrat.
Leg 9 PQ #8332 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlestew il-pjani lokali tal-Ħamrun u ta' Tal-Pieta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ewwel abbozz tal-Pjan Lokali tal-Ħamrun huwa maħsub illi għandu jitlesta fil-bidu tas-sena 2001. Meta jitlesta jrid isir l-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika dwaru. Ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Pieta` jifforma parti mill-pjan lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana (North Harbours Local Plan). Dan il-pjan jinstab fi stat avanzat ta' preparazzjoni u jinvolvi disa` kunsilli lokali b'kollox. Hu maħsub li l-abbozz tal-pjan għal kunsiderazzjoni tal-pubbliku joħroġ matul din is-sena li qegħdin fiha.
Leg 9 PQ #8006 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-appartamenti proprjeta' tal-gvern fil-Belt u fil-Furjana?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni rikjesta hija voluminuża. Jekk l-Onor. Interpellant jindikali xi proprjeta` partikolari, inkun nista` nagħtih tweġiba malajr.

Alcoholic anonymous — Premises fil-Belt/Furjana

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet ma' l-alcoholic anonymous għal premises fil-Belt jew fil-Furjana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi ffaċilita l-użu temporanju ta' "premises" ġewwa l-Furjana mill-"Alcoholic Anonymous". It-talba tagħhom għall-"premises" oħra permanenti qed tiġi kkunsidrata fid-dawl kemm ta' l-"availability" ta' "premises" fil-Furjana jew il-Belt kif ukoll tat-talbiet l-oħra simili li għandu li għandu dan il-Ministeru mingħand NGO's oħra. 21.06.99

Djar — Appartamenti tal-gvern

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7834, jista' l-Ministru jgħid humiex se jiġu nvestigati l-lokalitajiet kollha sad-data ta' l-għeluq ta' l-applikazzjonijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-Iskema V, jiġifieri d-9 ta' Lulju, 1999? Se jiġu avżati li trid tiġi sottomessa applikazzjoni dawk l-inkwilini/sidien fejn instab li l-lift jista' jiġi stallat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sad-9 ta' Lulju 1999 l-Awtorita' tad-Djar tirċievi applikazzjonijiet għall-istallar ta' Lifts mingħand residenti fi blokki/entraturi ta' appartamenti mibnija mill-Gvern (liema appartamenti jistgħu jkunu proprejta' sħieħa tal-Gvern jew jista' jkun hemm bħala konproprjetarji tal-blokk/entratura sidien ta' wħud mill-appartamenti). Din l-iskema ġiet rapurtata fuq il-mejda lokali u min hu interessat jista' japplika. Kull applikazzjoni li tiġi sottomessa lill-Awtorita' tad-Djar tiġi proċessata sabiex jiġi stabbilit jekk lift jistax jiġi installat skond il-kundizzjonijiet ta' l-Iskema. L-applikanti jiġu mgħarfa bir-riżultat ta' l-applikazzjoni tagħhom. 21.06.99
Leg 9 PQ #8154 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Universita' - Sponsorship

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħataw sponsorships għal korsijiet (degrees) fulltime lill-membri tal-pulizija fl-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm kien hemm parteċipanti f'kull kors? Kif inhu kostitwit il-bord ta' l-għażla? Fuq liema kriterji ssir l-għażla? Liema korsijiet intgħażlu għal Ottubru 1999 u kemm-il kandidat se jintbagħat isegwi dawn il-korsijiet? X'isir mill-kandidati li jtemmu b'suċċess il-korsijiet fl-Universita'? Huwa minnu li jkunu trasferiti minħabba l-kwalifiki l-ġodda li jiksbu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ħames snin ingħataw darba, f'Ottubru ta' l-1997, sponsorships għall-korsijiet (degrees) fulltime fl-Universita` lill-Membri tal-Korp. Dawn l-isponsorships kienu 4 għal B.A. Legal, 2 għal B.A. Communications u 1 għal B.A. Commerce. Ninsab infurmat ukoll li m'hemmx Bord ta' l-Għażla permanenti, peress li dan ikun kostitwit għal kull sejħa. Għal korsijiet li jibdew f'Ottubru, 1999, saret sejħa għal-korsijiet ta' B.A. Legal u B.A. Commerce. Din is-sejħa għalqet fit-12 ta' Ġunju, 1999 u l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu pproċessati. Rigward dawk li jtemmu b'suċċess il-kors fl-Universita`, ninsab infurmat li dawn jingħataw l-allowance relattiv, u jkunu mitluba li jaqsmu l-edukazzjoni li jkunu kisbu mal-Membri l-oħra tal-Korp fl-Akkademja tal-Pulizija. Naturalment, il-Korp jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-gradwati.
Leg 9 PQ #8155 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Gradwati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-pulziija li huma gradwati b'diploma, baċellerat, masters, u dottorat? Kemm minn dawn il-pulizija gradwati ġabu dawn il-kwalifiki qabel daħlu fil-Korp? Kemm minn dawn il-pulziija gradwati ġabu l-kwalifiki wara li daħlu fis-servizz? F'liema sezzjonijiet tal-Korp huma stazzjonati dawn il-gradwati? Kemm mill-gradwati huma taħt il-35 sena? Kemm mill-gradwati huma nisa? X'ranks jokkupaw il-gradwati kollha fil-Korp? X'mertu jingħata lill-kwalifiki simili fl-għażla għall-promozzjoni? Hu veru li l-promozzjoni fil-Korp għadha bbażata esklussivament fuq is-seniority? Hemm membri tal-Korp li ġew promossi f'dawn l-aħħar ħames snin minħabba kwalifiki għolja universitarji? X'impenn għandu l-gvern sabiex skond ir-riforma tas-Servizz Civili jqiegħed pulizija gradwati u eżemplari f'xogħolhom f'ranks għoljin sabiex ikattar il-fiduċja tal-pubbliku fil-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' Membri tal-Korp tal-Pulizija li huma gradwati b'Diploma jew Baċellerat hu ta' 18 (3 nisa u 15 irġiel) u li 8 minnhom huma taħt il-35 sena. Minn dawn it-18, hemm 3 li kellhom il-kwalifiki qabel ma daħlu fil-Korp, filwaqt li l-15 l-oħra kisbu l-kwalifiki li kienu fil-Korp. Ninsab infurmat ukoll li l-karigi li dawn jokkupaw huma : Supretendent - 1, Spettur - 13, Surġent - 3, Kuntistabbli - 1, u dawn huma stazzjonati hekk : 5 fid-Distretti, 10 f'Taqsimiet Speċjalizzati u 3 qed jattendu kors ta' kadett. Dwar il-promozzjonijiet, infurmat illi sal-kariga ta' Spettur, dawn isiru wara sejħa għall-applikazzjonijiet, filwaqt li minn Supretendent il-fuq ikun ikkunsidrat is-seniority kif ukoll il-mertu. Ma jirriżultalix li kien hemm xi membri tal-Korp li f'dawn l-aħħar ħames snin ġew promossi a bażi ta' kwalifiki universitarji. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, il-Korp tal-Pulizija huwa impenjat li jgħolli l-livell ta' edukazzjoni tal-membri. Dan jidher kemm mill-kriterji mitluba fis-sejħiet għall-reklutaġġ ta' Kuntistabbli u Spetturi, kif ukoll mill-faċilitajiet li jingħataw lill-membri sabiex isegwu studju kemm fil-livell sekondarju kif ukoll fl-Universita`.

Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar — Xogħlijiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm xogħlijiet approvati pendenti fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar: 1) b'kollox; 2) fil-Belt; 3) fil-Furjana; 4) sena b'sena skond id-data ta' l-applikazzjoni; u 5) kategorija b'kategorija? Kemm saru xogħlijiet din is-sena mill-istess dipartiment (1), (2), (3), (4) u (5)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xogħlijiet ta' tiswija f'bini tal-Gvern. Nifhem wkoll li qed jitlob informazzjoni dwar dawk it-talbiet li ġew approvati iżda li fuqhom ix-xogħolijiet s'issa għadhom ma sarux. Għalhekk in-numru ta' xogħolijiet approvati iżda li għad iridu jsiru huma dawn: l. Total fil-lokalitajiet kollha: 1,952 2. Total fil-Belt: 400 3. Total fil-Furjana: 68 4. Total sena b'sena: Pendenti mill-1992: 54 Pendenti mill-1993: 100 Pendenti mill-1994: 165 Pendenti mill-1995: 84 Pendenti mill-1996: 162 Pendenti mill-1997: 337 Pendenti mill-1998: 444 Pendenti mill-1999: 606 Ta' min jinnota li prattikament ix-xogħolijiet li ilhom pendenti iktar minn sena kważi kollha jirreferu jew għal tikħil tal-faċċati jew għal tibjid ta' tronob komuni. Dawn ix-xogħolijiet għalkemm neċessarji mhumiex kunsidrati ta' l-istess prijorita' bħal eż. Fejn ikun hemm xogħol ta' periklu fuq soqfa jew ħsarat fis-sistemi komuni ta' drenaġġ. Ta' min isemmi li sal-llum in-numru totali ta' talbiet għal xogħolijiet mindu twaqqaf id-dipartiment lejn l-aħħar ta' l-1992 kien ta' 16,426. B'hekk in-numru ta' xogħolijiet approvati iżda għadhom ma sarux jirrapreżentaw biss madwar 10% tan-numru ta' talbiet totali. 5. Total kategorija b'kategorija: Xogħolijiet li jridu jsiru bil-ħaddiema tad-dipartiment: l,313 Xogħolijiet li jridu jsiru minn kuntratturi: 383 Xogħolijiet li jridu jsiru minn dipartimenti oħra: 256 In-numru ta' xogħolijiet li saru din is-sena sa l-aħħar ta' Mejju huma dawn: 1. Total fil-lokalitajiet kollha: 854 2. Total fil-Belt: 116 3. Total fil-Furjana: 46 4. Xogħolijiet li saru fl-1999: 854 5. Total kategorija b'kategorija: Xogħolijiet li saru bil-ħaddiema tad-dipartiment 634 Xogħolijiet li saru minn kuntratturi: 104 Xogħolijiet li saru minn dipartimenti oħra: 116. 17.6.99

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7361, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'jiġri mill-fond ta' l-applikant jekk jintgħażel biex: (1) jikri jew (2) jixtri post mill-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ħarġa ta' postijiet għax-xiri, il-benefiċjarji li fid-data ta' l-applikazzjoni tagħhom kienu jokkupaw fond jobbligaw ruħhom li fi żmien stipulat fl-avviż jagħtu l-pussess vakant tal-fond lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jekk hemm ordni ta' rekwiżizzjoni jekk huma proprjeta' tal-Gvern jew mikrija mill-Gvern, ta' l-Awtorita' tad-Djar, ta' Korpi Parastatali, tal-Joint Office jew ta' xi Awtorita' oħra, sabiex il-fond jiġi użat skond il-policy tad-Dipartiment, u (b) huwa obbligat u jobbliga ruħu wkoll illi ma japplikax għad-dekontroll tal-fond minnu okkupat. F'każ illi xi benefiċjarju jonqos milli josserva dan l-obbligu l-att ta' l-allokazzjoni tiġi xolt 'ipso jure' u l-benefiċjarju ma jkollu ebda dritt għal kumpens ta' benefikati li jkun għamel fil-fond u jkollu jirrifondi wkoll kull sussidju li jkun ħa taħt dan l-avviż jew mod ieħor in konnesjoni mal-fond in kwistjoni. F'każ illi benefiċjarju kien jipposjedi bi proprjeta' jew enfitewsi fond abitabbli iżda mhux adegwat għalih u għall-familja tiegħu, hu għandu jbiegħ il-fond tiegħu lil terzi għal skop ta' residenza fi żmien u skond kif jiġi approvat jew stabbilit mid-Dipartiment għall-Akkommodazzjoni Soċjali. Fil-każ ta' kiri, dan għad irid jiġi stabbilit fil-ħarġa li jmiss. 17.6.99

Sigurta' Soċjali — Pensjoni minima nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir reviżjoni tal-pensjoni minima nazzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kemm il-darba l-Onor. Interpellant qed jirreferi għar-reviżjonijiet li jsiru kull sena fir-rati tal-pensjonijiet, nista' ninfurmah li bħalissa it-Taqsima tal-Pensjonijiet tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddejja b'dan l-eżerċizzju ta' revizjonijiet. Fejn ikun hemm dritt għal xi żieda fil-pensjoni dawn qed jitħallsu minnufih. 17.6.99

Djar — Appartamenti tal-gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema block ta' appartamenti tal-gvern fil-Belt u fil-Furjana ġew misjuba: 1) adattati għall-introduzzjoni tal-lift; 2) mhux adattati għall-introduzzjoni tal-lift? Tista' tingħata t-tweġiba f'kull każ? Liema kondizzjonijiet/mardiet li jaffettwaw il-mobilita' ta' l-inkwilini se jingħataw prijorita' meta jiġu biex jibdew jiġu ntrodotti l-lifts? L-eta' se tingħata konsiderazzjoni? Se jiġu ppubblikati formoli speċifiċi rigward il-ftehim li hu mistenni li jkun hemm fost l-inkwilini ta' l-istess block?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-Belt Valletta saru spezzjonijiet fuq 37 Entratura li minnhom instab li 7 diġa għandhom lift installat. F'6 każi oħra il-lift jista jiġi installat, f'19-il każ il-lift ma jistax jiġi nstallat u f'5 każi oħra għad irid isiru aktar investigazzjonijiet. Fil-Furjana saru spezzjonijiet fuq 16-il Entratura li minnhom instab li 2 diġa għandhom il-lift installat. F'2 każi l-lift jista jiġi nstallat, f'11 il-każ il-lift ma jistax jiġi installat u f'każ wieħed iridu jsiru aktar investigazzjonijiet. Mhux il-postijiet kollha f'dawn il-lokalitajiet ġew investigati. Dettalji jidhru fuq dokumenti li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mmarkati A u B. Rigward każijiet li jaffettaw mobilita' kull każ jiġi mistħarreġ fuq il-merti tiegħu. Skond kundizzjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-iskema l-inkwilini/sidien li japplikaw jiddikjaraw li jridu jiffurmaw Assoċjazzjoni ta' Residenti tal-Blokk/Entratura. 17.6.99
Leg 9 PQ #7631 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Rodent Section

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti lir-Rodent Section mill-1 ta' Ġunju 'il hawn? Kemm kien hemm każijiet ta' murine typhus fl-istess perijodu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Ġunju 'l hawn, ġew rapportati ħamsa w ħamsin ilment fis-Sezzjoni tar-Rodent Control ta' dan id-Dipartiment. L-ebda każ ta' murine typhus ma ġie rrapportat fl-istess perjodu.
Leg 9 PQ #7437 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Rodent Section

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar lir-Rodent Section tad-Dipartiment tas-Saħħa minn nhar il-Ħamis 27 ta' Mejju sal-lum meta reġa' beda jinġabar l-iskart? Kemm-il rapport kien hemm fil-ġimgħa ta' qabel? Fl-istess perijodu, rriżultaw kirjiet ta' typhus fl-Isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. interpellant li minn nhar il-ħamis 27 ta' Mejju, saru 23 rapport għand ir-'Rodent Section' tad-Dipartiment tas-Saħħa. Matul il-ġimgħa ta' qabel jiġifieri mis-17 sas-26 ta'Mejju saru 52 rapport fl-istess sezzjoni. Tul dawn iż-żewġ perjodi ġie rrapurtat każ wieħed ta' 'tick-borne typhus' u każ ieħor ta' typhus fil-31 ta' Mejju li għad mhux magħruf jekk hux tat-tip 'murine' li hu relatat mal-ġrieden.

Furjana — Proġett ta' slum clearance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad hemm evictees fil-proġett ta' slum clearance f'Lion Street kantuniera ma' Argotti Street, Floriana? Kemm hu ppjanat li jittellgħu appartamenti u liema djar/appartamenti, numru b'numru, huma ppjanati li jkunu nklużi f'dan is-slum clearance project? Intlaħaq ftehim ma' sid il-confectionery li hemm fl-inħawi sabiex is-slum clearance project ikun akbar fid-daqs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kien hemm 6 evictees effettwati mill-proġett li 2 minnhom diġa ġew allokati post. Il-proġett oriġinarjament kien ta' 10 appartamenti u kienu effettwati l-postijiet 36 to 50 Argotti Street u 44 to 50 Lions Street. Qegħdin isiru taħditiet ma' sid il-confectionery u jekk jintlaħaq ftehim, il-proġett ikun jinkorpora madwar 40 residenzi. 8.6.99
Leg 9 PQ #7439 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Reġistrazzjoni ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet reġistrata proprjeta' privata fil-Belt u l-Furjana mindu nbeda dan il-proċess? Kemm daħħal flus il-gvern minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet mill-privat fil-lokalitajiet imsemmija kienu ta' 49 li jinkludu ukoll 6 applikazzjonijiet ta' trasferiment ta' proprjeta` oriġinarjament reġistrata mill-Gvern permezz tal-Lands Department jew l-Uffiċċju Konġunt. It-total ta' flus li tħallsu minn dawn l-applikanti kien ta' Lm896.

Awtorita' tad-Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistgħux is-sidien ta' djar japplikaw għal appartament jew dar mill-Awtorita' tad-Djar b'kera jew b'xiri minħabba problemi li jkunu jeħtieġu akkomodazzjoni alternattiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawk is-sidien li joqgħodu fir-residenza privata tagħhom, u din ir-residenza ma tkunx adekwata għan-neċessitajiet tal-familja tagħhom, jistgħu japplikaw mal-Awtorita' tad-Djar Għall Akkomodazzjoni alternattiva meta jinħarġu postijiet ġodda ta' akkomodazzjoni. 31.5.99

Vapur Island Seaway — Containers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex containers tal-vapur Island Seaway qed jgħaddu minn Gunwharf Gate fejn jgħaddu l-passiġġieri, flok mid-Deepwater Quay? Jekk inhu minħabba ħsarat fil-moll, x'qed iżomm milli tissewwa l-ħsara fil-moll bejn id-Deep Water Quay u Gunwharf fil-Marsa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-containers qed jgħaddu minn Gun Wharf Gate bħala miżura temporanja sakemm jissewwew ħsarat fuq il-Moll ta` Wine Wharf li qasmu l-Moll ta` Gun Wharf mid-Deep Water Quay. Ix-xogħol fuq dawn il-ħsarat issa beda u mistenni jitlesta sal-11 ta` Ġunju 1999. Nixtieq nenfasiżża li qed isir kull sforz biex it-tiswijiet isiru fl-inqas żmien possibli.