Tista' l-Kumpannija Maltacom tagħmel cardphone f'St. Barbara Baston viċin il-Victoria Gate fil-Belt peress li hu post frekwentat ħafna mit-turisti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi diskuss bejn il-Maltacom u l-Kunsill Lokali tal-belt Valletta u jekk jinstab li hemm il-ħtieġa, il-payphone titwaħħal fejn mitlub.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jistax jieħu ħsieb li ssir it-triq fejn il-binja ġdida fi Triq l-Ibjar, il-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hijiex responsabilita' tal-Ministeru tiegħi li jsiru toroq bit-tarmak anke fejn hemm bini tal-Gvern, peress li qabel ikun sar il-bini, l-Awtorita' tad-Djar tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet kollha mitluba inkluż ir-"Road Contribution".
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 9320 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': tista' tgħid x'inhu pproġettat rigward ir-returfing tal-football ground fl-arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan il-proġett qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Floriana, iżda l-Gvern wiegħed li jekk iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju b'xi mod jaffettwaw dan il-proġett, il-Gvern jirrimedja skond ma jkun il-bżonn.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 9318 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jara li jiġi nfurzat li l-ilma tal-funtana ta' Wignacourt fil-Furjana ma jintużax għal ħasil tal-karozzi/xarabank eċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nemmen li l-Onor. Interpellant jifhem li l-infurzar tar-regolamenti li jirrigwardaw l-ilma użat fil-funtani pubbliċi hu responsabbilta` tal-Pulizija. Madankollu, jien infurmat li fir-rigward tal-karozzi tal-linja, l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku se tikteb lill-Għaqda tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja biex din tinforma lill-membri tagħha li ma jistgħux jużaw ilma minn funtani pubbliċi, inkluża dik ta` Wignacourt, għall-ħasil tal-vettura tagħhom. Wieħed għandu jifhem ukoll li biex jinqatgħu l-abbużi, hi meħtieġa wkoll il-kooperazzjoni tal-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tnaqqis fis-sigħat ta' overtime għall-ħaddiema tas-Sezzjoni tal-Protezzjoni Ċivili huwiex ta' natura temporanja jew inkella miżura li se tinżamm anke fis-snin li ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Bħal f'kull Dipartiment ieħor l-overtime fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jingħata skond l-esiġenzi tas-servizz fil-mument partikolari.
04.10.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandhiex policy dwar iż-żamma ta' żwiemel f'bini li jmiss ma' residenzi ta' nies?
Jekk fin-negattiv, hemm il-ħsieb li tiġi ndirizzata din il-problema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar m'għandiex policy speċifika dwar iż-żamma ta' żwiemel f'bini li jmiss ma' residenzi tan-nies, iżda meta jkun hemm applikazzjoni ta' dan it-tip, l-Awtorita` mhux normalment li tagħti permess minħabba l-inkonvenjent li dan jista` joħloq.
04.10.99
Jista' l-VRP jieħu ħsieb biex fiż-żmien li ġej jiġu restawrati dawn l-istatwi f'dawn it-toroq fil-Furjana u l-Belt: (a) San Publiju, ix-Xatt, il-Belt; (b) il-Kunċizzjoni fi Triq Kapuċċini kanturniera ma' Triq San Tumas, fil-Furjana; u (ċ) Is-Salvatur fi Triq is-Suq kantuniera ma' Triq San Franġisk, il-Furjana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u tal-Floriana.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu pproġettat rigward ir-returfing tal-football ground fl-arena ta' l-Indipendenza fil-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li d-diskussjonijiet ma'min hu nvolut lokalment saru mill-Ministru għall-Ambjent, ikun aħjar jekk din il-Mistoqsija ssir lilu. Minn naħa tiegħu id-Dipartiment ta' l-Isport qed isegwi din il-materja biex jagħti l-għajnuna possibbli.
Jista' l-Minsitru jara li l-pazjent b'ID card Number li qed tintbagħat separatament jingħata l-mediċina preskritta mill-konsulent mill-aktar fis peress li dan il-pazjent ma jiflaħx jixtrihom u għandu l-karta r-roża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni li ngħatat f'din il-mistoqsija ma hijiex biżżejjed biex inkunu nistgħu nfittxu t-talba għall-mediċina li saret għall-pazjent ikkonċernat.
Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant għall-aktar dettalji dwar il-mediċina preskritta.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Trasport
Question
Jistgħu persuni b'diżabilita' bl-ID Card speċjali mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jingħataw servizz ta' trasport b'lifter mill-garage ta' l-isptar b'xejn meta jiġu bżonn minn żmien għal żmien?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizz ta` transport ta` l-Isptar San Luqa diġa joffri transport b'lifter b'xejn lill-pazjenti b'disabilita` kull meta jkollhom bżonn jiġu l-isptar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmac Triq l-Imħallef Ġuże' Flores, Santa Venera?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq l-Imħallef Ġuże Flores hija waħda mit-toroq li ngħatat kuntratt għalihom biex jiġu asfaltati u x-xogħol wasal biex jinbeda mill-kuntrattur.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tiġi mħabbra skema mill-Awtorita' tad-Djar dwar sussidju għal xogħlijiet ta' titjib fi djar/appartamenti privati mikrija b'ċens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha Skema L, li tkopri sussidju għal xogħolijiet ta' titjib f'djar u appartamenti privata mikrija b'ċens. Dan iċ-ċens ma jridx jeċċedi s-sittax-il sena.
Ix-xahar id-dieħel ser jitħabbru Skemi oħrajn biex jieħdu post uħud mill-iskemi eżistenti llum fosthom Skema "L".
19.7.99
Peress li nstab li x-xorok ta' l-appartament tal-Gvern bl-indirizz 43/8 Strait Street, Valletta nstabu maqsumin meta ġie spezzjonat mill-Perit imqabbad mill-Qorti wara li ġġarraf il-bini f'demolition site fil-viċin, jista dan il-periklu jiġi rranġat mill-aktar fis (Ref L618/63/1)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt dan il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jivverifika jekk il-ħsara saret kawża tat-twaqqiegħ.
19.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid humiex se jiġu allokati appartamenti ġodda fil-Belt lill-inkwilini f'bini dikjarat perikoluż bejn 148 u 152 Triq Sant'Ursola, l-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha l-proċedura tagħha kif postijiet ġodda jiġu allokati lill-familji bi bżonn ta' akkomodazzjoni alternattiva. Għaldaqstant, sakemm il-blokk imsemmi mill-Onor. Interpellant ma jkunx jaqa' taħt xi proġett ta' "slum clearance", il-mod ta' kif dawn il-persuni jieħdu akkomodazzjoni alternattiva hija permezz ta' applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar jew mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali dejjem jekk il-familji kkonċernati jikkwalifikaw għal dawn l-applikazzjonijiet.
19.7.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jiġux imnaqqsa l-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali meta jiġi kkalkolat id-dħul tal-għarajjes fl-applikazzjonijiet għal kiri quddiem l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt l-iskemi preżenti tal-Awtorita' tad-Djar il-kuntribuuzzjonijiet għas-Sigurta' Nazzjonali ma jiġux ikkalkulati. Pero, irrid niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru li l-Awtorita' tad-Djar ma tallokax postijiet għall-kiri għall-għarajjes.
19.7.99
Jista' l-Ministru jgħid: a) jekk huwiex minnu li fl-Isptar Monte Carmeli għadu kif wasal operations manager biex jaħdem hemm; b) jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk din il-persuna hijiex qed tieħu ħsieb il-maintenance kollu ġewwa l-Isptar Monte Carmeli; c) jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk għadx hemm bżonn ta' WTO (Works Technical Officer) fuq il-Boiler House ta' l-Isptar Monte Carmeli, billi dawn qabel kienu dejjem jitmexxew minn STO (Sen. Technical Officer)? Jekk m'għadx hemm bżonn ta' WTO fuq il-Boiler House ta' l-Isptar Monte Carmeli, jista' l-Ministru jara li din il-persuni tiġi wtilizzata bl-aħjar mod possibbli bħal per eżempju fejn hemm xi nuqqas biex flus il-poplu jintnefqu aħjar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
a) Veru li wasal Operations Manager fl-Isptar Monte Carmeli u qed jieħu ħsieb il-maintenance kollu fl-isptar.
b) Qed tiġi evalwata is-sitwazzjoni fil-Boiler House bl-iskop li jiġi deċiż in-numru ta` staff li hemm bżonn. Jekk jinstab li hemm xi nies żejda jew li qed jagħmlu xogħol mhux skond il-grad tagħhom dawn se jiġu utilizzati b'mod aħjar jew f'M.C.H. stess jew xi post ieħor.