Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni mas-servizz pubbliku sena b'sena f'dawn l-aħħar 15-il sena? Jistgħu jingħataw ċifri ta' kategoriji differenti ta' ħaddiema li ġew impjegati - unskilled, skilled labourers, klerikali, infermiera, professjonisti, eċċ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għal Mistoqsija Numru 13982 magħmula mill-Onorevoli Charles Mangion li hija kważi identika u li l-informazzjoni biex tingħata tweġiba għaliha bħal issa qiegħda tinġabar.
Minħabba ż-żieda fid-domanda għas-servizzi partikolarment inpatient fl-Isptar Zammit Clapp, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi estiż dan l-isptar sabiex jiżdied in-numru ta' sodod?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta` l-Onorevoli Interpellant qed jiġi kkonsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu tfal mill-iskejjel primarji mill-Belt Valletta, Furjana , Ħamrun, Pieta' u l-Kottonera fil-junior lyceums, sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm hu t-total ta' tfal li daħlu fil-junior lyceums kull sena fl-istess perijodu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fir-rigward ta' l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar, koppja miżżewġa li tbigħ ir-residenza tagħha, tista' tibbenefika minn sussidji fuq ir-rata ta' l-imgħax għax-xiri ta' residenza privata aktar adattata għall-bżonnijiet tal-familja? Jekk fin-negattiv, kemm irid jgħaddi żmien sabiex jiġri dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk koppja miżżewġa tkun qed tgħix f'residenza proprjeta' tagħha li ma tkunx adekwata għall-akkomodazzjoni residenzjali tagħha li ma tkunx ibbenefikat minn xi skema - 'Sir Sid Darek' - ta' l-Awtorita' tad-Djar u/jew tad-Dipartiment ta' l-Akkomadazzjoni Soċjali u/jew id-Dipartiment ta' l-Artijiet tkun tista' tibbenefika minn self sussidjat biex tixtri residenza privata.
Pero qabel ma tagħmel applikazzjoni taħt l-Iskema relattiva (Skema Y - Sussidju ta' Imgħax fuq Self għad-Djar Settur Privat) din il-koppja:-
1) għanda tkun daħlet fi ftehim ta' wegħda ta' bejgħ dwar ir-residenza okkupata minnha bħala residenza ordinarja;
2) qabel ma tkun tista' tiffinalizza s-self u tiġbed fondi taħt l-iskema għanda tikkonkludi l-att ta' bejgħ dwar id-dar ta' abitazzjoni koperta bil-ftehim ta' wegħda ta' bejgħ kif intqal fuq;
3) id-dħul mill-bejgħ skond para.(2) għandu jintuza kollu biex jiffinanzja x-xiri tad-djar ta' abitazzjoni li dwarha jkun ġie avvanzat is-self.
Jista' l-Ministru jara li jsir sforz sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, kif jirriżulta mil-literacy study li sar fi tfal ta' sitta jew seba' snin, li biha l-ogħla rata ta' illitteriżmu qiegħda fit-tfal fl-iskejjel primarji tal-gvern fil-Belt, fil-Furjana u fil-Kottonera? Jista' jiżdiedu n-numru ta' għalliema f'dawn l-iskejjel sabiex ikun hemm anqas studenti għal kull għalliem/a?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riżultat u r-rakomandazzjonijiet li saru fl-istudju dwar il-literiżmu msemmi fil-Mistoqsija se jittiedu b'serjeta` u se jitwettqu l-passi rimedjali li r-riċerka turina li huma effettivi.
Ma rridux nassumu li s-soluzzjoni ewlenija għar-riżultat ta' l-istudju huwa t-tnaqqis tan-numru tat-tfal fil-klassijiet. Il-verita` hija ħafna iżjed kumplessa u trid tinkludi riflessjoni serja dwar il-metodi tat-tagħlim.
Ħarsa lejn in-numri ta' tfal li hemm bħalissa fil-klassijiet ta' l-iskejjel tar-reġjun imsemmi fil-Mistoqsija kif jidhru fil-listi li se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, turina numri li b'ebda kejl ma jistgħu jitqiesu bħala kbar.
Dawn in-numri jkomplu jsostnu l-bżonn ta' ħarsa tajba lejn fatturi oħra li jinfluwenzaw it-tagħlim barra n-numri ta' tfal fil-klassi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-complement ta' staff akkademiku fl-iskejjel primarji tal-gvern b'mod ġenerali? Hemm xi ratio bejn in-numru ta' għalliema u n-numru ta' tfal? Kemm hemm tfal li jattendu u x'inhu l-complement ta' l-istaff akkademiku fl-iskejjel primarji fil-Belt u fil-Furjana, skola bi skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-complement ta' l-Istaff ta' l-għalliema fl-iskejjel primarji hu ta' għalliem wieħed għal kull klassi.
Barra mill-għalliema ta' kull klassi fl-iskejjel primarji jista' jkun hemm ukoll numru ta' "Complementary" u "Peripatetic teachers" li jvarja minn skola għal oħra, kif ukoll numru ta' "facilitators" skond il-ħtieġa.
Tfal li jattendu l-iskejjel primarji:
Subien Bniet Total
Il-Belt 131 129 260
Il-Furjana 69 68 137
Staff:
Irġiel Nisa Total
Il-Belt 3 8 11*
Il-Furjana 1 6 7*
* Dan it-total ma jinkludix il-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iggradwaw studenti fil-B.Psychology sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors li jwassal għal grad ta' Bachelor of Psychology/Bachelor of Psychology (Hons.) kien offrut għall-ewwel darba fl-1992 u għaldaqstant l-ewwel grupp li ggradwaw Bachelor of Psychology kienu fl-1995.
Dawn kienu kif ġej:
Sena B.Psych. B.Psych. (Hons.)
1995 25 --
1996 16 27
1997 39 15
1998 42 16
1999 23 36
Jista' l-Ministru jara tistax tiġi rimedjata s-sitwazzjoni li biha dwal fit-toroq taħt imsemmija fil-Ħamrun jixgħelu aktar tard minn oħrajn: Triq A. Buttigieg; Triq San Ġejtanu; Triq San Vinċenz; u Triq Cordina Perez?
Jista' l-Ministru jara li jinbidel l-istreet light fi Triq San Ġejtanu kantuniera ma' Triq Anton Buttigieg fil-Ħamrun?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fl-24 u l-25 ta` Frar saret il-manutenzjoni li kienet mehtiega fid-dwal tat-toroq imsemmija.
Jista' l-Mnistru jgħid kemm għaddew studenti għall-common entrance examination sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin mill-Belt, Furjana, Ħamrun u Pieta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-common entrance examination huwa eżami għad-dħul fil-Form I ta' xi skejjel tal-Knisja.
Huwa eżami organizzat, issettjat u mmexxi kompletament mill-"Private Schools Association" u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandu x'jaqsam xejn miegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li daħlu studenti fl-Universita': (1) minn Malta u Għawdex kollu; (2) mill-Kottonera; (3) mill-Belt, il-Furjana, il-Ħamrun u l-Pieta', sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-average f'assenteiżmu ta' tfal b'ċertifikat mediku jew mingħajru fl-iskejjel primarji f'pajjiżna? Kemm hu l-average f'assenteiżmu ta' tfal fl-iskejjel primarji fil-Belt, fil-Furjana u fil-Kottonera, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 x'kien l-average ta' jiem meħuda f'sick leave minn għalliema fi skejjel primarji? X'kien l-average ta' jiem meħuda f'sick leave mill-għalliema fl-iskejjel primarji fil-Belt, fil-Furjana u fil-Kottonera, skola bi skola?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha wieqfa l-bone density machine fl-Isptar San Luqa? Għaliex? Meta hu maħsub li terġa' tkun in working order?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Bone Density Unit għamlet żmien wieqfa fis-Sajf u mbagħad reġgħet kienet bil-ħsara għal xi ġimgħatejn f`Diċembru.
Bħalissa qiegħda taħdem regolarment. Qed tiġi proċessata ordni sabiex tinxtara Bone Density Unit oħra biex is-servizz ilaħħaq mal-ħtiġijiet ta l-isptar kollu u mhux biss tal-maternita`. Fl-istess waqt tiġi mnaqssa l-waiting list eżistenti anke jekk dan it-test qatt ma jkun ta` natura urġenti.
Jista'l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-fond ta' sidien privati f'111 St Joseph Street, Valletta, beda jkun amministrat mid-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond numru 111 f`St. Joseph Street, Valletta, kien ġie dikjarat meħtieġ għal skop pubbliku (slum clearance) taħt titlu ta` 'possession and use' fl-1973.
Fl-20 ta` Diċembru 1991, permezz tal-Goverment Notice nru. 866, il-fond reġa` ġie dikjarat meħtieġ għall-istess skop taħt it-titlu ta` 'public tenure'. Sussegwentement, id-Dipartiment tal-Housing Construction and Maintenance għamel xogħlijiet ta` rijabilitazzjoni fil-fond u wara li d-Dipartiment ta` l-Artijiet ipprepara l-pjanti tal-flats kif ġew rijabilitati, fit-30 ta` April 1995, talab lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jagħmel il-lease agreements mar-residenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment Bini u Tiswija ta' Djar jistax jieħu ħsieb it-tkaħħil tal-ħajt bejn Block 5, Triq il-Fosos, Furjana u l-ispiżerija taċ-ċentru tas-saħħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-blokk ta' appartamenti fi Triq il-Fosos, Floriana, ma ġiex inkluż fost dawk li fihom jista' jiġi stallat il-lift, peress li lift jidħol fl-ispazju bejn it-taraġ f'block 4?
Peress li fl-appartament 41, Triq il-Miratur, Furjana toqgħod persuna li saħansitra għandha 98 sena, jista' jara li jiġi stallat lift f'dan il-blokk ta' appartamenti mill-aktar fis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li jinħtieġ aktar studju dettaljat biex jiġi stabbilit jekk jistax jiġi installat "lift", l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tagħti deċiżjoni finali wara li jiġu impjegati Perit u Mechanical Engineer.
Pero, prima facie, jidher li fiż-żewġ każi ma jistax jiġi installat "lift".
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu s-salary scale għal associate consultant li qed tirreklama li trid timpjega bħalissa l-Management Efficiency Unit?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fil-każ tal-pożizzjoni ta' Associate Consultant mal-Management Efficiency Unit m'hemmx salary scale iżda band ta' salarji. Skond il-kompetenza u l-esperjenza tal-persuna magħżula jkun miftiehem salarju fl-aħħar stadju tan-negozjati tal-kuntratt.