Jista' l-Ministru jgħid liema ditti farmaċewtiċi u ta' catering jipproduċu prodotti gluten free?
Jista' l-Health Promotion Unit jieħu ħsieb jiġbor din l-informazzjoni u jinforma biha lit-tobba, lill-ispiżjara kif ukoll lill-pazjenti/familjarji bil-kondizzjoni coeliac disease?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ikollhom offerti għall-prodotti `Gluten-Free' mingħand l-Aġenti msemmija hawn taħt:-
ĦOBŻ - A.Gera & Sons Ltd (Nutricia - UK)
Technoline Ltd. (Ultrapharm UK)
Pharmachemie Ltd. (Dr. Schar - Italy)
Pharma Cos Ltd. (Juvela - Scientific Hospital
Supplies (SHS - UK))
CRACKER BREAD - Vivian Commercial Co. Ltd. (V.C.C.) (Plasmon
- Italy)
GALLETTINI - V.C.C. Ltd. (Plada - Plasmon - Italy)
(plain & flavoured) Pharmachemie Ltd. (Sanavi Spain)
Pharma-Cos Ltd. (Juvela - SIIS - UK)
(fibre) - A. Gera & Sons Ltd. (Nutricia UK)
DQIQ - A. Gera & Sons Ltd. (Nutricia - UK)
Pharmachemie Ltd. (Dr. Schar - Italy)
Pharma-Cos Ltd. (Juvela - SIIS - UK)
GHAĠIN - V.C.C. Ltd. (Plasmon - Italy)
Pharmachemie Ltd. (Sanavi - Spain)
BAKING POWDER - V.C.C. Ltd. (Plasmon UK)
A. Gera & Sons Ltd. (Nutricia - UK)
Pharma-Cos Ltd. (Juvela - SIIS - UK bħala
flour mix)
Għar-rigward tat-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposta tiegħu ser tiġi kkunsidrata.
Jista' l-bejgħ bis-subbasta tal-fond bl-indirizz 146, Triq San Pawl, Valletta jsir bla dewmien peress li l-fond hu perikoluż u qed jikkawża diffikultajiet kbar lil sid ta' fond ieħor taħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma jirriżultax li hemm talbiet pendenti fis-Subbasti għall-bejgħ tal-fond imsemmi f`din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li biha gradwati mill-universita' jistgħu jiġu reklutati mill-korp tal-pulizija bħala spetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-reklutaġġ ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija jsir wara li tiġi pubblikata sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Kull min ikollu l-kwalifiki rikjesti ikun jista` japplika. Ninsab infurmat ukoll li l-aħħar sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp għalqet fid-29 ta` Ottubru 1999, u biex japplikaw għal din is-sejħa persuni li m`humiex membri tal-Korp tal-Pulizija kienu jinħtieġu, fost l-oħrajn, li jkollhom degree rikonoxxuta mill-Universita` ta` Malta jew ikun ġew approvati mill-Universita` għall-għotja ta` degree jew ikollhom kwalifiki professjonali li jkunu ekwivalenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar fir-rigward ta' l-istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern, b'mod partikolari fil-Belt u fil-Furjana? Hemm pjanijiet li jiġi stallat lift fl-appartamenti f'71 Triq il-Miratur, Furjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex jiġi installat il-lift fl-71 Triq il-Miratur, Floriana, l-Awtorita' tad-Djar trid takkwista l-bitħa interna tal-blokk. Għal dan il-għan għad irid jiġi stabbillit is-sid ta' din il-bitħa.
Fil-Floriana, saru spezzjonijiet fuq il-blokki kollha tal-Gvern waqt li fil-Belt għad fadal xi jsiru madwar seba' spezzjonijiet.
Sal-lum l-Awtorita' tad-Djar għamlet erba' applikazzjonijiet mall-Planning Authority taħt is-sistema tal-GDO biex ikunu jistgħu jsiru tibdiliet stutturali bil-għan li tiġi nstallata s-sistema tal-lift. Bħalissa ukoll qed isiru it-Tender documents biex ikunu jistgħu jiġu nstallati dawn il-lifts.
Din il-ġimgħa l-Awtorita' tad-Djar ser tissottometti żewġ applikazzjonijiet oħra mal-Planning Authority għat-tibdil strutturali f'żewġ blokki l-Pieta' fejn jgħixu persuna b'diżabilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid biex mara miżżewġa li ma taħdimx tibqa' ntitolata għal flus tal-mard kemm jista' jkun il-massimu ta' dħul tar-raġel tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna Medika li l-ħlas tagħha hu marbut mal-mezzi tal-familja u mhux għall-Benefiċċju għal Mard, li hu marbut mal-kontribuzzjonijiet imħallsa.
Fil-każ ta' mara miżżewġa li ma taħdimx, il-ħlas ta' l-Għajnuna Medika ma jiddependix biss mid-dħul tar-raġel iżda minn fatturi oħra, fosthom in-numru ta' membri ta' dik il-familja, id-dħul tagħhom, inkluż il-kapital, kif ukoll li tissodisfa l-kriterji stabbiliti dwar il-marda li minnha tkun issofri.
Għalhekk, f'każijiet li jirrigwardaw din l-Għajnuna, il-persuna konċernata għandha tingħata l-parir li tikkonsulta l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jieħu ħsieb li jiġu rranġati l-ħsarat fis-subway fi Triq St. Anne, kantuniera ma' Triq San Tumas, fil-Furjana mill-aktar fis possibbli għax jidhirli li din il-kwestjoni ilha tkarkar biżżejjed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jikkordina mal-Kunsill Lokali u ma l-entitajiet ta` l-ilma u tad-Dranaġġ biex jiġi stabbilit il-provenjenza ta` l-ilma li qed jiskula fil-mina sabiex ikun jista` isir pjan ġenerali biex is-`subways` tal-Furjana jkunu rranġati.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex kien hemm qtugħ fil-provvista ta' l-ilma fil-Ħamrun f'dawn il-jiem?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-qtugh li ghalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kien kawzat minn hsarat li kien hemm fil-main principali li jissuplixxi bl-ilma lil parti minn dan il-lokal. Il-hsarat issa ssewwew u l-provvista ta` l-ilma regghet giet ghan-normal.
Peress li Triq Sant'Anna hi lok fejn isiru ħafna inċidenti tat-traffiku, jista' jsir barrier int u ħiereġ mill-Belt, fil-parti 'l hinn mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sa Portes des Bombes, bies jonqos il-periklu sew għas-sewwieqa kif ukoll għall-pedestrians li jkunu mexjin fuq il-bankina?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jipprepara pjan biex it-triq fiż-żona msemmija tkun tista' tiġi 'regraded' sabiex jonqos il-possibilita' li l-karozzi jiskidjaw.
Jista' l-Ministru jgħid liema għaqdiet volontarji li jgħin il-gvern jipprovdu infermiera maskili bħala carers biex jieħdu ħsieb l-iġjene ta' persuni maskili anzjani, b'diżabilita', b'mard kroniku bħal stroke u Parkinson's Disease?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma hemm ebda għaqda minn dawk li jgħin l-Gvern li tipprovdi infermiera maskili bħala 'carers' biex jieħdu ħsieb l-iġene ta' persuni maskili anzjani, b'diżabilita' u/jew b'mard kroniku.
Madankollu f'Dar il-Kaptan, f'Dar Nazzareth u f'Dar il-Wens hemm 'carers' li jwettqu x-xogħol imsemmi.
Jista' l-Ministru jara tistax tiġi rimedjata s-sitwazzjoni sabiex ikun hemm infermiera maskili disponibbli bħala carers fi djar ta' persuni maskili b'mard kroniku serju jew b'diżabilita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru ikkonċernat.
Peress li l-politika tal-gvern hi dik li temmen fiż-żwieġ bħala l-aħjar forma ta' familja, jistgħu jiġu riveduti s-servizzi soċjali fis-sens li, per eżempju, jekk mara li tirċievi pensjoni ta' l-invalidita' u raġel li jirċievi benefiċċju tad-diżimpjieg jiżżewġu, il-koppja ma tkunx tista' tkompli tirċievi ż-żewġ benefiċċji, bil-konsegwenza li jkun jaqbel li din il-koppja tibqa' ma tiżżewwiġx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi biex fejn mara tkun qed tirċievi pensjoni ta' l-Invalidita' u tiżżewweġ raġel li jkun qed jirreġistra u qed jirċievi benefiċċju għad-diżimpjieg, hu mhux biss jibqa' jitħallas il-benefiċċju anzi jibda' jirċievi dan b'rata għola ta' wieħed miżżeweġ li qed imantni lill-martu.
Il-pensjoni ta' l-Invalidita' xorta waħda tibqa' titħallas lill-mara.
F'każ ta' persuni li jkunu qed jirċievu Għajnuna Soċjali għal waqt il-qagħad, peress li din l-għajnuna tinħadem skond it-test tal-mezzi, kull dħul tal-familja irid jiġi kkalkulat.
Is-servizz ta' dentist huwa b'xejn għal-liema kategorija ta' pazjenti (adulti, tfal, eċċ) fl-Isptar San Luqa bħala in-patients u out-patients u fiċ-ċentri tas-saħħa?
Il-prostheses li jirrakkmanda dentist huma b'xejn għal-liema kategorija ta' pazjenti (adulti, tfal, eċċ) fl-Isptar San Luqa u fiċ-ċentri tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizz ta' dentist hu b'xejn għal dawn il-kategoriji ta' pazjenti fl-isptar San Luqa (in-patients u outpatients) u fiċ-ċentri tas-Saħħa:
A. Intitolati għal kura komprensiva li tinkludi mili tas-snien u
protesi (ta' materjal u kostruzzjoni permessi mill-
laboratorju dentali):
(a) Tfal li jattendu l-iskola sa ma jagħlqu s-sittax-il sena
(tinkludi kura bl-Ortodontja u ma tinkludix mediċinali jekk
mhux intitolati taħt (b);
(b) persuni ntitolati għall-karta roża
(ċ) il-Pulizija u l-Forzi Armati ta' Malta sar-rank ta'
Non-Commissioned Officers
(d) persuni qed jiskontaw sentenza fil-Faċilita' Korrettiva
Kordin u fis-Substance Abuse Therapeutic Unit tal-Mtaħleb
(e) residenti fiċ-Ċentri u sptarijiet tal-anzjani u tal-kura
mentali (tal-Istat)
(f) persuni oħrajn rikoverati fi Sptarijiet tal-Istat għal mard
kroniku inkluż l-Isptar Boffa
(ġ) pazjenti bi ħtiġijiet mediċi speċjali
(B) Intitolati għal kura parzjali i.e. dijanjosi inkluż
investigazzjonijiet radjografiċi u tal-laboratorju; kura ta'
natura preventiva inkluż tindif tas-snien, medikazzjonijiet
topiċi fil-ħalq, splints għal sfunzjonijiet dento-maxillo-
faciali (eskluż l-Ortodontja); kura kirurġika taħt
anestesija lokali u ġenerali
(a) Il-popolazzjoni ġenerali ta' Malta
Jistgħu jingħataw mediċinali b'xejn għal perjodu massimu ta' tlitt ijiem lil dawk il-pazjenti li jintbagħtu lura d-dar mis-swali tal-Isptarjiet tal-Istat.
Każijiet speċjali fejn tintilef protesi waqt li l-pazjent ikun rikoverat ġos-swali jiġu kkunsidrati fuq il-merti tagħhom u x-xogħol tar-restawr jista' jingħata b'xejn mill-Isptar kkonċernat.
Peress li fl-inħawi taċ-ċentri tas-saħħa fil-Furjana qed jinstabu ħafna siringi wżati, tista' tinbidel il-proċedura li biha sabiex wieħed jingħata siringa ġdida jrid jirritorna dik użata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċedura li sabiex wieħed li jabbuża mid-droga jingħata siringa ġdida irid jirritorna dik użata kienet konsidrata u studjata. Il-konklużjoni kienet li għal ħafna raġunijiet din ma kienetx prattika fiċ-ċirkostanzi lokali, primarjament għaliex jekk din tiġi inforzata, min ma jirritornax is-siringa irid jiġi irrifjutat bil-konsegwenzi kollha li jistgħu jirriżultaw. Is-sistema ta` studjata.
Peress li fl-inħawi taċ-ċentri tas-saħħa fil-Furjana qed jinstabu ħafna siringi wżati, tista' l-pulizija tieħu ħsieb tinforza t-trażżin tal-użu llegali tad-droga fl-inħawi fejn hemm ċentri tas-saħħa kif ukoll knisja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija qed taghmel ronda fl-inhawi li rrefera ghalihom l-Onor. Interpellant sabiex jitrazzan kull abbuz li jista` qed isir.
Jista' l-Ministru jgħid inbidilx is-syllabus ta' l-eżami għall-Junior Lyceum f'dawn l-aħħar snin?
Jista' is-sillabu (tal-ħames suġġetti) għal din is-sena jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Syllabus ta' l-Eżami għall-Junior Lyceum inbidel f'Settembru ta' l-1997.
Kopja tas-Sillabu għal din is-sena ser tingħata lill-Onorevoli Kollega.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemm hu n-numru ta' persuni li qed jieħdu l-ogħla rata ta' pensjoni kontributorja marbuta mal-maximum pensionable income ta' Lm6241 u Lm6750?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' pensjonijiet kontributorji li jitħallsu bl-ogħla rata ta' pensjoni ta' żewġ terzi huma ta' 731.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-average f'assenteiżmu ta' tfal b'ċertifikat mediku jew mingħajru fl-iskejjel primarji f'pajjiżna? Kemm hu l-average f'assenteiżmu ta' tfal fl-iskejjel primarji fil-Belt, fil-Furjana u fil-Kottonera, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-mod kif l-iskejjel jiġbru l-istatistika f'dan l-aspett ma turix in-numru ta' tfal li kienu assenti u għal kemm ġranet kull student. Jekk nifhem tajjeb is-sitwazzjoni mhux faċli jkolli statistika li tiddistingwi bejn kemm tfal jassentu ruħhom għal raġunijiet normali għal numru ta' ġranet normali (p.e. waqt il-perjodu ta' l-influwenza, u kemm tfal u min jippreżenta problema ta' assenteiżmu veru għal raġunijiet oħra li mhumiex ta' mard.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema tal-Maltacom li kellhom evening courses l-Universita' approvati mill-management f'Ottubru, issa qed jintalbu 20% ta' l-ispejjeż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-decizjoni li ttiehdet kienet wahda amministrattiva fejn il-management deherlu li l-persuna li tkun qed tattendi ghal kors universitarju ghandha hija wkoll tikkontribwixxi parti mill-ispejjez li l-bicca l-kbira taghhom xorta jithallsu mill-Kumpanija.
Tajjeb jinghad li din id-decizjoni tapplika biss ghal korsijiet li ma jkunux specifikament maghzula mill-Maltacom bhala ghotja ta` scholarship.
Fid-dawl tad-diskors tal-Ministru tal-bieraħ fil-Ħamrun dwar l-għoti tat-tarmac fit-toroq fl-inħawi Tar-Rabbat, jista' jgħid meta hu maħsub li jinbeda dan ix-xogħol? Hi maħsuba xi forma ta' embellishment ta' Pjazza 7 ta' Ġunju, 1919 fl-istess inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Id-Dipartiment tat-Toroq ħareġ sejħa għal offerti sabiex it-toroq f'dawn l-akwati jiġu ffurmati.
Fir-rigward tal-manutenzjoni u titjib fl-inħawi ta' Binja Vilhena fi Triq Preziosi, fil-Furjana, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (a) liema xogħlijiet tlestew; (b) kemm swew ix-xogħlijiet li tlestew; (ċ) liema xogħlijiet għadhom pendenti; u (d) kemm hu stmat li jiswew ix-xogħlijiet li għadhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' "embellishment" ta' l-inħawi ta' Binja Vilhena huwa prattikament lest u jonqos biss li jitwaħħlu d-dwal u jiġu rranġati xi ħsarat li saru mill-kuntrattur. Fuq dawn ix-xogħolijiet, sal-lum tħallsu Lm70,000 waqt li hu mistenni li b'kollox dal-proġett jiġi jiswa Lm107,000.