Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2000, kemm-il darba ġie studjat hemmx livelli għoljin ta' raġġi radjoloġiċi fl-inħawi ta' l-Isptar San Luqa u l-Isptar Boffa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar l-introduzzjoni tas-sistema microwave flok l-inċineratur fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proċess biex tiddaħħal sistema li tuża teknoloġija 'non burn' minflok l-inċeneratur, waslet fil-fażi ta' evalwazzjoni. Għal dan il-għan inġiebu żewġ esperti Amerikani biex bil-pariri tagħhom jgħinu fl-aġġudikazzjoni ta' t-tender.
Jista' l-Ministru jara li jiġi investigat għaliex hemm riħa qawwija ta' drenaġġ fl-inħawi tax-xatt tal-Pieta'/Sa Maison? Jista' jsir studju sabiex jiġi eskluż li hemm kontaminazzjoni ta' drenaġġ mill-Isptar San Luqa fil-baħar f'Sa Maison?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għall-Ambjent ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jelimina l-irwejjaħ li hemm fil-bajja f'Tal-Pieta.
Id-Dipartiment tad-Drenaġġ, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, qed jinvestiga x'jista' qed iwassal għal dan it-tniġġis li feġġ għall-ewwel darba f'din il-bajja 30 sena ilu u reġa' feġġ għaxar snin ilu. Fiż-żewġ każi kien sar stħarriġ intensiv li ħa ġimgħat ta' testijiet, qabel ma nstab is-sors tat-tniġġis.
F'dawn l-aħħar jiem id-Dipartiment tad-Drenaġġ naddaf mill-ħama li tinġabar tul iż-żmien il-main prinċipali antik li minn tal-Pieta' jwassal sa l-Imsida. Naddaf il-main prinċipali ġdid li jagħti għall-pumping station Tal-Pieta' li saret bħala booster pump biex tgħin l-istess sistema peress li parti kbira tad-drenaġġ mill-isptar Karen Grech taqa' fuq dan il-main. Issewwa r-rising main u tbiddel il-flash valve fl-istess pompa biex taħdem normali. Issewwiet il-ħsara li saret fuq il-main prinċipali faċċata tal-baħar. Minħabba din il-ħsara ammont ta' drenaġġ beda jisbokka fil-gandotti ta' l-ilma tax-xita. Kienu spezzjonati l-kanali ta' l-ilma tax-xita li mill-Ħamrun iwasslu għall-bajja Tal-Pieta'. Instabet ħsara fil-main tad-drenaġġ fi Triq id-Duluri. Rapport bis-CCTV għandu jsir kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Qed isiru wkoll testijiet minn diversi lokalitajiet li hemm suspett li minnhom qed isir tniġġis.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, jekk ikun hemm bżonn wieħed jista' jagħmel studju fuq is-sistema ta' drenaġġ fl-Isptar San Luqa u f'dan ir-rigward nirreferi l-Onorevoli Interpellant lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-esportazzjoni matul is-sena 2000 u fil-ħames snin li għaddew?
Kemm minnhom huma manifatturati mill-ST Microelectronics sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija hija kif ġej.
Tajjebjingħad li l-figuri għas-sena 2000 huma provviżorji.
ESPORTAZZJONI
SENA DOMESTIKA RI-ESPORTAZZJONI TOTAL
Lm Lm Lm
1995 629,722,987 45,223,719 674,946,706
1996 569,906,855 54,166,619 624,073,474
1997 563,938,379 64,986,868 628,925,247
1998 664,814,303 47,170,541 711,984,844
1999 712,481,624 78,484,270 790,965,894
2000 976,918,467 96,960,483 1,073,878,950
L-informazzjoni mitluba fit-tieni partil tal-mistoqsija ma tistax tingħata għal raġuni
ta' kunfidenzjalita' kif ikkontemplat fl-Att ta' l-Istatistika ta' l-1955.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fit-Tarznari sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema fit-Tarzna ta' Malta fl-aħħar ta' Jannar ta' kull sena matul dawn l-aħħar għaxar snin kien dan;
1991 3,816
1992 3,698
1993 3,714
1994 3,427
1995 3,310
1996 3,423
1997 3,355
1998 3,230
1999 3,067
2000 2,913
2001 2,784
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħu d-diversi kumitati parlamentari matul is-sena 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-2000, il-Kumitati Permanenti tal-Kamra ltaqgħu kif ġej:
Il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra ltaqa' 13-il darba;
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi ltaqa' 19-il darba;
Il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin iltaqa' 12-il darba;
Il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali ltaqa' 10 darbiet; u
Il-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi ltaqa' 48 darba.
B'kollox saru 102 laqgħat tal-Kumitati Permanenti matul is-sena li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet major, intermediate and minor fit-teatri kollha fl-isptarijiet tal-gvern matul is-sena 2000?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Informazzjoni fuq is-Saħħa għandu informazzjoni dwar in-numru ta` operazzjonijiet li saru fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Karin Grech. Minn Jannar s'Ottubru tas-sena 2000 kien hemm total ta` 20627 operazzjonijiet irreġistrati fis-Surgical Operations Register. L-informazzjoni għax-xhur ta` Ottubru u Diċembru 2000 għadha qed tinġabar.
Il-klassifikazzjoni ta` l-operazzjonijiet bħala 'Major', 'Minor' u 'Intermediate' m'għadiex tintuża mill-impjegati ta` l-isptar li jaħdmu fit-'theatres'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntlaħqet alert threshold għal dak li jirrigwarda sulphur dioxide fil-Marsa minn Awissu 'l hawn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fis-sena 2000, sar monitoraġġ ta' l-arja fil-Marsa mit-2 ta' Mejju sa l-20 ta' Awissu.
F'dan il-perjodu l-alert threshold fir-rigward tas-sulphur dioxide inqabeż darba biss.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond bl-indirizz 146, St Paul Street, Valletta, jirriżultax li hu maqbud mill-qrati? Jekk fl-affermattiv, peress li jirriżulta li dan il-fond hu fi stat perikoluż u ta' danni għal terzi, jista' jitneħħa dan il-perikolu?
Response (GATT, AUSTIN)
Minn ricerki li saru ma jirrizultaxli c-cwievet tal-fond imsemmi huma depozitati taht l-Awtorita' tal-Qorti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu fi flus u kemm-il persuna bbenefikat, sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin għal dak li jirrigwarda dawn il-benefiċċji: (i) childrens' allowance; (ii) social assistance (relief); (iii) benefiċċju tal-mard (SKA); u (iv) invalidity pension?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jirriżultalha l-ETC li ġew impjegati: (i) persuni b'diżabilita'; (ii) persuni b'mard mentali; u (iii) persuni riabilitati mis-Sedqa matul is-sena 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-sena 2000, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ sabet xogħol lil 28 persuna b'diżabilita'. Fost dawn kien hemm 3 persuni b'mard mentali u 6 persuni riabilitati mill-aġenzija SEDQA.
Irrid inżid ukoll li matul l-istess sena n-numru ta' persuni b'diżabilita' mentali li tħarrġu ma' l-Eden Foundation hu kif ġej:
24 persuna spiċċaw it-"Transition Programme", u minnhom 18 għaddew ghall-"Work Exposure" programme.
Fost dawn tlett persuni jinsabu f'impjieg, filwaqt illi persuna kienet f'impjieg u tilfitu matul l-istess perjodu.
Barra minn hekk f'Diċembru tal-istess sena ġie ffirmat ftehim mar-Richmond Foundation li jaħseb għat-taħriġ u għajnuna biex isibu mpjieg 24 persuna li jsofru minn problemi psikjatriċi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittieħdu ġranet ta' sick leave matul is-sena 2000 (gvern u privat)? Kemm kien dan l-ammont fl-għaxar snin li għaddew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant ilha tinżamm biss minn Mejju 1998, meta d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kkompjuteriżża s-sistema għal ħlas tal-benefiċċju għal mard.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba għall-perijodu Mejju 1998 sa l-aħħar tas-sena 2000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul is-sena 2000?
Kemm minnhom kienu fatali? Kemm minnhom irriżultaw f'diżabilita'? Kemm swew dawn l-inċidenti lill-employers (gvern u privat)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-sena 2000, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva 5,150 talba għal Benefiċċju għal Korriment b'riżultat ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li 5 minnhom kienu fatali.
Filwaqt li s-sena l-oħra l-imsemmi Dipartiment ħallas għall-ewwel darba 391 Għotja għal Korriment u 16-il Pensjoni għal Korriment, dawn mhux neċessarjament kienu relatati mat-talbiet għal Benefiċċju għal Korriment li saru fl-istess sena.
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 20231, jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq equipment fil-playground space, skola skola, mill-1995 sas-sena 2000?
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet kemm persuni marru fil-Mużewijiet f'Malta u f'Għawdex, wieħed wieħed, xahar b'xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
Tabella li turi kemm persuni żaru l-Mużewijiet f'Malta u Għawdex tul is-sena 2000, tas-siti kollha, xahar b'xahar, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni reġa` nfetaħ għall-pubbliku f'Awissu tas-sena 2000 filwaqt li l-Mużew tal-Gwerra kien magħluq għall-pubbliku matul ix-xhur ta' April, Mejju u Ġunju ta' l-istess sena.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 21960, għaliex ma ġiex inkluż il-block ta' appartamenti bl-indirizz 46, Triq Sant'Anna, Floriana, peress li r-residenti konċernati applikaw quddiem l-Awtorita' tad-Djar bl-iskema rilevanti primarjament minħabba li fosthom hemm persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn spezzjoni li saret fuq il-post jirriżulta li s-sistema tal-lift ma tistax tiġi nstallata minħabba l-ispazju ristrett tal-post.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena li għaddiet, kemm persuni/għaqdiet għamlu użu mis-servizzi f'dawn il-faċilitajiet sportivi, xahar b'xahar: (i) pixxina nazzjonali, Tal-Qroqq; u (b) kumpless sportiv tal-Marsa, faċilita' b'faċilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni dwar il-Pixxina Nazzjonali, Tal-Qroqq, għadha qed tinġabar.
Informat li t-track ta' l-Atletika "Matthew Micallef St John" hija miftuħa għall-pubbliku. Sadanittant il-Clubs kollha ffiljati mal-MAAA jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom hemmhekk. Bosta skejjel privati, ta' l-istat u diversi għaqdiet oħra organizzaw l-Isports day ukoll.
Matul is-sena 2000 ir-Rugby Association, il-Baseball Association, Gvern u Parastatali organizzaw il-leagues tagħhom fil-grounds l-oħra. Sadanittant Floriana F.C., Valletta F.C., Pieta' F.C. u Marsa F.C. għalu użu regolari għat-taħriġ tagħhom. Clubs u għaqdiet oħra għamlu użu mill-istess grounds. Sadanittant Malta. International Airport, Pieta' Hotspurs organizzaw tournaments ta' tlett ijiem fl-istess grounds. Skolasport jagħmlu użu ta' nofs ta' nhar sħiħ mill-kumpless kollu kull nhar ta' sibt. In-Netball Association u l-Gvern u Parastatali jorganizzaw leagues tan-Netball fil-courts tal-Marsa.
Fil-Marsa ma jinżammux dettalji tal-partiċipazzjoni individwali jew in-numru tal-gruppi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tiġi rimedjata s-sitwazzjoni sabiex karozzi tal-linja kultant ħin jidħlu lura l-Belt minn Triq Sant'Anna matul il-jum għall-kumdita' tar-residenti fil-Floriana?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku qed tikkunsidra il-possibilta' li tibda tintuża rotta 75 sabiex jintlaħaq dan il-għan.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex jitneħħa vann isfar li ilu mitluq f'Alley 3, Triq Marina, Pieta' għal bosta xhur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vettura li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hija pparkjata skond ir-regolamenti tat-traffiku u hija wkoll liċenzjata sabiex tkun fit-triq.