Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani definittivi tal-Gvern fir-rigward tal-bini fejn illum hemm l-iskola tas-snajja Umberto Colosso u l-iskola Sekondarja San Franġisk t'Assisi, Santa Venera, billi mill-1995 'il hawn taħt iż-żewġ amministrazzjonijiet kien hemm bdil ta' ħsibijiet u ta' proġetti li s'issa ma ppermettewx lill-mexxejja ta' l-istess skola, lill-kunsill skolastiku u lill-kunsill lokali Santa Venera jwettqu l-proġett tagħhom ta' ċentru sportiv għall-użu ta' l-istess studenti u tal-komunita'
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li nhar il-Ġimgħa 23 ta' Frar, il-Kap ta' l-iskola Umberto Colosso/San Franġisk ta' Assisi u fl-istess ħin bħala Segretarju/Teżorier tal-Kunsill Skolastiku ta' dawn l-iskejjel, irċieva kopja ta' "Draft No 1 - Design Brief for San Franġisk of Assisi Boys' Secondary School Sta Venera" imħejji mill-periti konsulenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni sabiex iservi bħala bażi ta' diskussjoni. Dan id-dokument ladarba jiġi finalizzat ikun jista' jwassal għall-applikazzjoni finali lill-Planning Authority biex dan il-proġett jista' jseħħ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq mill-1994 'il hawn ġiegħelx kuntratturi jaqilgħu xogħol ta' resurfacing ta' toroq, ta' bini ta' bankini ġodda jew ta' ristrutturazzjoni ta' toroq minħabba xogħol ħażin minn kuntratturi u jekk fl-affermattiv fejn kien ix-xogħol li nqala u min kien il-kuntrattur
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn l-1994 'l hawn xogħolijiet fit-toroq indikati fit-tabella hawn taħt kienu formalment maqlugħa mid-Dipartiment. Barra minn hekk kien hemm diversi okkażżjonijiet oħra fejn waqt ix-xoghol, kuntratturi qalgħu partijiet mix-xogħol li kienu għamlu, għaliex ma kienux ta' standard iżda dan it-tip ta' xogħol ikun sar in step mall-proġett li jkun qed jiġi esegwit.
Inqalgħu fis-sena:
Floriana - The Great Siege Road Asfaltar Ltd Mejju 1996
Paola - Valletta Road Polidano Bros Marzu 1999
Marsa - Near Millenia Service C. Vella Ltd. Ġunju 1999
Road part of
St Paul's Bay - St John the Polidano Bros. Marzu 2000
Baptist Street
Mtarfa - It-Torri tal-Arloġġ u Bonniċi Bros. April 1998
l-Militari Maltin
Pembroke - New access road Zoqdi Hydrorocks Frar 2000
to Hotels (Penza Tarmac Ltd.)
Ħal Far - Ħal Far Road Phase I General Road Diċembru 2000
part of Servicing
Salina Coast Road Penza Tarmac Ltd. Novembru 1998
Removal of defective works, Penza Tarmac Ltd. Frar 1999
outer Junction of Buġibba
Jista' l-Ministru jgħid tinżammx statistika tal-persuni li jattendu l-Bereġ tal-Gvern fid-diversi lokalitajiet? Jekk fl-affermattiv, kemm persuni attendew berġa, berġa u sena b'sena mill-1994 sa tmien is-sena li għaddiet? X'inhuma l-ġranet u l-ħinijiet li matulhom ikunu miftuħa dawn il-bereġ u s-servizzi li jingħataw fihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tal-Kura Primarja jżomm statistika tal-persuni li jattendu l-Bereġ tal-Gvern fid-distretti. Ir-rekords li għandna huma mill-1996 'il quddiem. Fil-Bereġ tal-Gvern jattendu tabib u nurse li jipprovdu servizz tat-tabib tal-familja (GP) u tan-nurse. F'xi bereġ jingħata wkoll servizz ta' Speech Therapy f'ħin differenti minn dak li jattendi t-tabib u n-nurse. Il-Bereġ li jipprovdu servizz ta' Speech Therapy huma: Sta. Lucia, Dingli, B'Bugia, Hamrun, Safi, St. Venera, Zebbug, Siggiewi (kollha darbtejn fil-ġimgħa) u Kirkop, Naxxar, Qrendi (darba fil-ġimgħa).
L-istatistika mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il reat kriminali kien irrappurtat li seħħ f'Santa Venera, sena b'sena, mill-1994 sa tmiem is-sena li għaddiet u x'kienu r-reati rrappurtati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma kompjuterizzata mill-1 ta` April 1997, u huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Psaila, B'Kara, d-Dipartiment tat-toroq hux jieħu ħsieb
1. Il-problema tal-għargħar ta' l-ilma tax-xita u jekk fl-affermattiv fejn se jintefa' l-ammont kbir ta' ilma tax-xita li jinġabar propju fil-parti tat-triq fejn bħalissa qed isiru x-xogħlijiet?
2. Ħasibx għaż-żieda li tant hemm bżonn ta' lampi tat-toroq (street lighting)?
3. Ħasibx għal bus shelters tul it-triq minħabba li s'issa l-passiġieri qatt ma kellhom fejn jistkennu u jekk fl-affermattiv kemm u fejn se jsiru?
4. Ħasibx għal pedestrian crossing jew pelican lights u jekk fl-affermattiv kemm u fejn se jsiru?
5. Għax għadhom ma nbnewx it-toroq tal-Qasam tad-Djar tal-Gvern Binja Indipendenza (ħdejn il-knisja l-antika ta' Santa Venera) li issa tant qed ikunu wżati minkejja l-istat ħażin tagħhom u minkejja li kellhom ikunu lesti s-sena li għaddiet ?
6. Għax għadha ma ġietx resurfaced Trejqa Fleur de Lys li wkoll kienet tifforma parti mill-programm tad-dipartiment tat-toroq għax-xogħlijiet li kellhom isiru qabel tibda triq Psaila?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq il-punti msemmija mill-Onor. Interpellant mill-paragrafu 1 sa 4 qed tittieħed azzjoni fuqhom fit-twettieq tal-proġett, u fil-każ ta` l-ilma tax-xita qed jiġu dentifikati postijiet fejn ser jinbnew slow discharge basins biex jikkontrollaw il-flow ta` l-ilma tax-xita.
Dwar ix-xogħol f`Qasam tad-Djar tal-Gvern Binja Indipendenza u fi Trejqa Fleur-de-lys dan mhux inkluż fil-kuntratt preżenti, għalhekk ix-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex tissolva darba għal dejjem u possibbilment issa li qed isiru xogħlijiet fl-inħawi - l-problema tad-drenaġġ li teżisti fil-qasam tad-djar tal-Gvern magħruf bħala Binja Indipendenza Santa Venera (fl-inħawi tal-Knisja l-antika) billi ma' kull ħalba xita qed ifur għat-toroq ta' l-istess qasam tad-djar u jibqa' nieżel għal Triq Psaila li bħalissa qed tinbena mill-ġdid?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23899 (Seduta 505).
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-Gvern jirranġa l-pitch tal-football ta' Dar San Ġużepp, il-Ħamrun, liema talba issa ilha tiġġedded minn sena għal oħra mill-1993 u meta, fin-nuqqas ta' postijiet simili ta' rikreazzjoni fl-inħawi, f'dan il-ground isir fost oħrajn it-taħriġ kuljum ta' għexirien ta' tfal li jattendu n-nursery u tat-team tal-football tat-tieni diviżjoni ta' Santa Venera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ground tal-Football ta' dar San Ġużepp, Santa Venera huwa proprjeta` tal-Knisja.
Ilhom għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera, rappreżentanti tal-Club tal-Football ta' Santa Venera Lightings u Santa Venera Football Nursery u d-diriġenza tad-Dar dwar it-tiswijiet meħtieġa.
Sal-lum għadu ma ntlaħaqx ftehim finali bejn l-entitajiet kollha dwar ix-xogħol u l-finanzjament tiegħu, iżda informat li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-korporazzjoni Enemalta beħsiebha tkompli bix-xogħol tagħha li tneħħi l-lampi minn nofs Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, u tqiegħedhom fil-ġnub tagħha bħalma diġa' għamlet fil-parti ta' l-istess triq li tagħmel mal-konfini tal-Ħamrun?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għandu jitkompla fil-futur mhux il-bogħod flimkien ma' xogħolijiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid, issa li kienet ippubblikata l-iskeda l-ġdida li fuqha qed tinħadem l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali, hemm kull kunsill ingħata fondi għal kull parti ta' din l-iskeda u x'kien it-total ta' l-allokazzjoni ta' kull kunsill?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazjoni mitluba. Hu mportanti li nzid li l-Kunsilli Lokali ghandhom id-dritt li jispustaw il-fondi min vot ghall-iehor u ghalhekk jiddecidu huma biss kemm jonfqu f`kull settur.
Jista' jiżdied in-numru ta' sigħat ta' surgery fl-oqsma ta' l-ortopedija u l-oftalmoloġija minħabba l-waiting lists twal ħafna li hemm?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent id-dipartiment ta` l-Ortopedija u l-Oftalmija qed jaħdmu fil-massimu tagħhom.
Wieħed irid jiftakar ukoll li hemm fatturi oħra li jirristinġu milli jsiru aktar operazzjonijiet bħal per eżempju d-disponibilita` ta` sodod fis-swali.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex tissolva darba għal dejjem il-problema tad-drenaġġ li teżisti fil-qasam tad-djar tal-Gvern ta' ħdejn il-knisja l-qadima ta' Santa Venera li ta' spiss u partikolarment wara xi ħalba xita, qed ifur għat-toroq ta' l-istess qasam u jibqa' nieżel għal Triq Psaila? Jistax il-Ministru jara li dan ix-xogħol isir issa u qabel ma x-xogħol tal-bini mill-ġdid ta' Triq Psaila jasal hemm hekk?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għandu jsir CCTV survey fil-post imsemmi biex tiġi stabbilita l-ħsara fis-sistema ta' drenaġġ f'din it-triq. Jekk jinstab li hemm ħsara din tissewwa minnufih qabel ix-xogħol ta' Triq Psaila.
Jista' l-Ministru jgħid liema latrini pubbliċi beħsiebu jibni matul din is-sena? Min talab li jsiru dawn il-latrini u meta? Kemm se tiswa kull latrina pubblika? X'talbiet għandu pendenti l-Gvern? Fejn? U meta dan hu maħsub li jsiru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2001 mistennija li:
Titlesta l-latrina ġdida fil-Ħamrun (ħdejn l-M.P.D.)
Qed isir xogħol preparatorju biex tinbena latrina ġdida f'Santa Luċija ħdejn il-Ġnien Ċiniż. Hu maħsub ukoll li matul is-sena jinbeda x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tal-latrina f'ġnien P.P. Saydon, Żurrieq.
It-talbiet għal dawn il-latrini jsiru mill-Kunsill Lokali rispettiv.
It-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tgħin permezz ta' servizz ta' periti biex jiġu mibnija mill-ġdid il-latrini li hemm fl-Armier u Għajn Tuffieħa.
L-informazzjoni fuq kemm ser jiswew dawn il-latrini għadha ma tistax tingħata għax għadu għaddej ix-xogħol preparatorju msemmi hawn fuq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi policy nazzjonali dwar min hu intitolat għal reserved parking areas quddiem il-Ministeru, dipartiment jew uffiċċju tiegħu? Jekk fl-affermattiv, x'inhi din il-policy?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li teżisti policy nazzjonali dwar min huwa intitolat għal reserved parking.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku japprova reserved parking kif gej:
Ministeru (3
bays
)
Dipartimenti u Korpi Parastatali (2
bays
)
Health Centres
) M'hemmx numru fiss ta'
bays,
Għases tal-Pulizija ) dan jiġi stabbilit skond il-postijiet
Ambaxxati ) partikolari.
Persuni b'Diżabilita' (fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' quddiem ir-residenza tal-persuna ikkonċernata - (1 bay)
Persuni b'Diżabilita' għall-użu ġenerali ta'
Blue
Sticker Holders
f'postijiet bħal
Car Parks
stabbiliti, ċentri fl-irħula u knejjes.
Uffiċċji tal-Lottu (1
bay
).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sentenzi tal-qrati li fihom ġiet rakkomandata reviżjoni tal-liġi fil-kamra tad-deputati?
Liema huma, sena b'sena? Meta hu maħsub li jiġu diskussi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-aħħar għaxar snin ġew riferuti lis-Sedja dawn is-sentenzi tal-qrati:-
- Sentenza tal-Qorti dwar il-każ Vincent Borg vs il-Prim Ministru u l-Kummissarju ta' l-Artijiet (1996);
- Sentenza tal-Qorti dwar il-każ Paul u Evelyn Stoner vs il-Prim Ministru, kif deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali (1996);
- Sentenza tal-Qorti preseduta mill-Imħallef Albert Margi dwar il-każ Kostituzzjonali Nru 544/96 AJM (1997);
- Sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati datata 21 ta' Novembru 2000 dwar il-każ il-Pulizija vs Owen Mallia (2000);
- Sentenza tal-Qorti ta' l-Appell datata 17 ta' Jannar 2001 dwar il-każ Giovanni Psaila pro et noe vs l-Avukat Ġenerali (2001); u
- Komunikat mill-Qorti tal-Maġistrati datat 13 ta' Frar 2001 dwar il-kawża Pulizija vs Godfrey Ellul (2001).
Kopja ta' dawn is-sentenzi tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm dwar il-proġett park & ride f'Crown Works Ditch / Horn Works Ditch
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qiegħed jitħejja studju dwar kif jista' jonqos il-parking fil-Belt u l-Furjana. Għal dan il-għan, il-Gvern qiegħed jaħseb li jiżviluppa Crown Works Ditch biex il-proġett ta' park and ride ikun jista' jseħħ. B'hekk, waqt li jinħoloq spazju għal parking f'din iż-żona, il-pubbliku jkun jista' jagħmel użu minn servizz ta' trasport pubbliku regolari li jkun jista' jieħdu u jġibu lura lejn u mill-Belt u l-Furjana.
Jien infurmat ukoll li l-Working Group li qiegħed iħejji dan l-istudju u li hu magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Universita' ta' Malta qiegħed jaħdem fuq proposta flimkien mal-bliet ta' Odense fid-Danimarka u Leicester fl-Ingilterra biex dan il-proġett ikun parti minnu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja taħt il-5th Framework Programme for Research and Technical Development.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk xiri ta' fond mill-uffiċju konġunt bir-rata favorevoli skond il-kera li kienet titħallas qabel, jeskludi s-sid il-ġdid milli jibbenefika minn skema ta' titjib ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal Mistoqsija Numru 23893 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għandha żewġ skemi fejn sidien ta' proprjeta' privata jistgħu jibbenefikaw għal sussidju fuq xogħolijiet ta' rranġar u titjieb fir-residenza tagħhom. Waħda hija taħt l-iskema Z, fejn teskludi lill-applikanti li xtraw proprjeta' mill-Uffiċċju Konġunt u, l-iskema l-oħra hija taħt Skema 7 li hija għall-għajnuna finanzjarja għal persuni b'diżabilita', fejn taħt din l-iskema persuni b'diżabilita' ma teskludihomx għal fatt li bbenefikaw mill-iskema għax-xiri ta' fond mill-Uffiċċju Konġunt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna reġistrata bħala persuna b'diżabilita', li fil-fatt tkun severa, tistax tiġi rifjutata milli tibbenefika mill-iskema ta' l-istallazzjoni ta' lift minħabba l-kriterji ta' dħul finanzjarju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ebda persuna ma tiġi skwalifikata minħabba kriterji ta' dħul finanzjarji taħt Skema Numru 7 - Għajnuna Finanzjarja Għal Persuni b'Diżabilita' għall-Xogħolijiet Ta' Titjib Relatati mad-Diżabilita' tagħhom f'Residenzi Okkupati Minnhom - għas-sempliċi raġuni li din l-iskema ma hiex means tested.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji d-Dipartiment tal-Kuntratti ma aċċettax proposti għal istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-Gvern mill-Awtorita' tad-Djar fil-Floriana
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.