Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC — Furjana

Question

Peress li l-WSC kienet ħalliet bankini quddiem 40, Triq il-Miratur, Floriana mogħttija temporanjament b'injama, jista' l-Ministru jgħid jistax' isir ix-xogħol meħtieġ sabiex ma jibqax pocket ta' ġrieden?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir il-verifika neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #24359 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Granmastru De Vilhena — Monument

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġunijiet kelli jiġi mċaqlaq il-monument tal-granmastru De Vilhena sabiex jiġi restawrat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett ta' restawr u konservazzjoni tal-monument De Vilhena fil-Floriana kien jipprevedi li jsir dan kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Kien għalhekk neċessarju li jinqala' minn postu biex isir dak kollu li hemm bżonn isir fil-monument minn ġewwa. Barra minn hekk parti mill-kuntratt, li qiegħed isir mid-ditta speċjalista fil-bronż ta' Sante Guido Restauri, tipprevedi wkoll ir-restawr tal-pedestall ta' l-irħam.
Leg 9 PQ #23895 Sitting 510 2001-03-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji d-Dipartiment tal-Kuntratti ma aċċettax proposti għal istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-Gvern mill-Awtorita' tad-Djar fil-Floriana

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ma laqax ir-rakkomandazzjoni li saret mill-Awtorita' tad-Djar biex jingħata l-kuntratt imsemmi (Advert CT 261/2000) għal żewġ raġunijiet prinċipali:- a) il-parametri tekniċi ta' l-offerta ġew mibdula mill-Awtorita' wara li l-offerti kienu diġa ntefgħu u b) l-offerent li ġie rrakkomandat għal kuntratt mill-Awtorita' tad-Djar kien ġie mitlub mill-istess Awtorita' biex jikwota prezz ġdid li jirrifletti l-parametri tekniċi ġodda msemmija f'(a) hawn fuq, u dan mingħajr ma ntalab permess tad-Direttur tal-Kuntratti jew tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti kif suppost li sar. Dan il-fatt wieħed irid iqisu fil-kuntest li l-prezzijiet ta' kull offerent kienu magħrufa għax dawn jiġu ppublikati ma' l-għeluq ta' l-offerti. Il-Kumitat tal-Kuntratti għalhekk ddeċieda li minħabba li s-sejħa għall-offerti oriġinali kienet ġiet ivvizjata din kellha terġa toħroġ b'mod li tirrifletti s-sitwazzjoni teknika ġdida li nħolqot bid-deċiżjoni li l-lifts jibqgħu telgħin sal-bjut.
Leg 9 PQ #23896 Sitting 510 2001-03-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Persuni b'diżabilita' - Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna reġistrata bħala persuna b'diżabilita', li fil-fatt tkun severa, tistax tiġi rifjutata milli tibbenefika mill-eżenzjoni ta' VAT fuq l-importazzjoni ta' lift fir-residenza tagħha, minħabba l-kriterji ta' dħul finanzjarju?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond il-paragrafu (2) tal-partita 4 tal-Ħames Skeda li tinsab ma' l-Att ta' l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, L-importazzjoni ta' oġġetti li jkunu speċifikament maħsuba għall-edukazzjoni, l-impieg jew l-avvanz soċjali ta' persuna li tbati minn xi inkapaċita' fiżika jew mentali permanenti, b'dan illi l-Kontrollur tad-Dwana jkun sodisfatt li l-imsemmija oġġetti jkunu mportati għall-użu esklusiv ta' l-imsemmija persuna hija importazzjoni eżentata. F'dan ir-rigward ma japplikaw ebda kriterji ta' dħul finanzjarju.

Ħamrun — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir mera f'Triq Karmenu Abela kantuniera ma' Triq Ħal-Qormi, Ħamrun?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara hemmx bżonn isir ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant.

Xatt Lascaris

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistax il-moll f'xatt Lascaris jitħalla disponibbli għall-użu tal-pubbliku ġenerali meta ma jkunx hemm vapuri/cruiselines ankrati fejn il-moll?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima kienet għalqet l-aċċess għall-pubbliku għax-Xatt ta' Lascaris minħabba s-sigurta meħtieġa wara li kien hemm żieda qawwija fin-numru ta' vapuri tal-passiġieri li jorbtu ma' dan il-moll. Matul din is-sena l-ammont ta' dawn il-vapuri għandu jkompli jikber. Madankollu, l-Awtorita' Marittima ġieli tat konċessjoni sabiex jinfetaħ il-moll għall-pubbliku f'okkażżjonijiet speċjali bħal per eżempju fil-ġranet meta ssir ir-regatta.

Dipartiment tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-toroq għamilx is-survey li ilu snin iwiegħed li se jagħmel ta' Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera, bl-iskop li jkun jista' jibni mill-ġdid din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li s-'survey' li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant sar u proposti għall-xogħolijiet meħtieġa fil-lokalita' qed jiġu ppreparati.

Dipartiment tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq iddeċidiex dwar it-talba li għamillu l-Kunsill Lokali Santa Venera fl-1999 biex jibni Triq Vincenzo Buġeja u Triq il-Kanonku Bonnici bl-iskop li l-istess kunsill ikun jista' jasfalta mill-ġdid Triq il-Lunzjata li propju minħabba l-formazzjoni ta' dawn iż-żewġ toroq ġodda qed issofri danni fil-wiċċ tagħha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għad m`hemmx deċizjoni dwar dawn ix-xogħolijiet minħabba li qed isiru diversi xogħolijiet oħra fi Psaila Street fil-lokalita`.
Leg 9 PQ #24085 Sitting 509 2001-03-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Persuni B'Diżabilita' - Lift

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23896?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'seduta 510.
Leg 9 PQ #24086 Sitting 509 2001-03-07 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23895?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'seduta 510.

Fabbriki — Allokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23892?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, li tkopri perjodu ta' xejn anqas minn għaxar snin, għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata appena tali nformazzjoni tkun disponibbli.
Leg 9 PQ #24013 Sitting 508 2001-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Santa Venera — Negozji Liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-postijiet ta' negozju liċenzjati f'Santa Venera kull sena mill-1994 sa tmiem is-sena li għaddiet u x-xorta ta' kull negozji liċenzjati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar postijiet ta` negozju liċenzjati f`Santa Venera hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24017 Sitting 508 2001-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-ħwienet u l-postijiet l-oħra ta' negozju fi Triq il-Kbira San Ġużepp (bejn numri 271 u 590), fi Triq il-Kanun u fi Triq il-Lunzjata, l-Ħamrun, li fuq id-diskette li toħroġ il-Pulizija lill-Kunsilli Lokali qed iħallsu l-liċenzja tagħhom fil-kunsilli lokali Ħamrun? Jista' jara li dawn il-liċenzji jkunu fil-fatt trasferiti fuq il-Kunsill Lokali Santa Venera billi dawn il-ħwienet u postijiet oħra ta' negozji jagħmlu - skond l-Att ta' 1993 dwar il-Kunsilli Lokali u l-emendi ta' 1999 - parti mill-konfini ta' Santa Venera u mhux mal-konfini tal-Ħamrun?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond ir-records disponibbli għand il-Pulizija, fi Triq il-Kbira San Ġużepp (bejn numri 271 u 590) hemm 4 ħwienet li jidhru taħt il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Fi Triq il-Kanun hemm 1, filwaqt li fi Triq il-Lunzjata m`hemm xejn. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24003, diskrepanzi fil-konfini tal-Kunsilli Lokali jiġu aggustati biss fuq struzzjonijiet mingħand id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #24019 Sitting 508 2001-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Taqsima Xogħlijiet — Latrini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Taqsima Xogħlijiet matul din is-sena hux se tibni xi latrini ġodda? Jekk fl-affermattiv fejn se jinbnew u kemm se tiswa kull latrina? Hemmx talbiet oħra pendenti għal bini ta' latrini u jekk fl-affermattiv għalfejn saru dawn it-talbiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23900 (Seduta 505).

Dipartiment tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq fassalx il-programm tiegħu għall-asfaltar mill-ġdid jew ristrutturazzjoni ta' toroq arterji jew distributoriji għal din is-sena u jekk fl-affermattiv liema huma dawn it-toroq lokali, arterji u distributorji u f'liema lokalitajiet qegħdin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18207 li ngħatat f'seduta 352.

Xarabanks

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1) X'kienu r-reazzjonijiet għall-avviżi ppubblikati dan l-aħħar fil-Gazzetta tal-Gvern għax-xiri ta' xarabanks ġodda tal-linja u għall-makni tal-biljetti? 2) X'inhu issa l-pass li jmiss? 3) Meta hu maħsub li jkun hemm deċiżjoni finali dwar iż-żewġ avviżi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dwar l-avviż ippublikat dan l-aħħar fil-Gazzetta tal-Gvern, għal xiri ta` xarabanks ġodda, saru xi laqgħat bejn l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku fejn ġew spejgati fid-dettal l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda (kif ġew amendati minn dawk ta` 1995/6). Kien hemm offerta minn kumpanija waħda fejn din offriet il-mudell ta` xarabanks li tipproduċi. Dwar l-offerta tal-makni tal-biljetti jien infurmat li din it-tender għalqet il-Ħamis l-1 ta` Frar. Kien hemm 10 offerti li tnejn minnhom ma kwalifikawx għax ma kellhomx Bid Bond. It-tmienja l-oħra qed jiġu analiżżati minn Kumitat maħtur apposta fejn għandu jissottometti rapport ta` din l-analiżi u finalment tittieħed deċiżjoni.

Reserved Parking Bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi policy ġenerali dwar reserved parking bays quddiem Ministeri, Dipartimenti tal-Gvern, Awtoritajiet Pubbliċi u Uffiċċji ta' Kunsill Loakli u jekk fl-affermattiv x'inhi din il-policy?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ġiet mogħtija fir-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Nru. 23901.
Leg 9 PQ #24003 Sitting 507 2001-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Trading Licencing Department — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk membri ta' l-ALE jew tat-Taqsima tal-Liċenzji (Trading Licencing Department) jew tad-Distrett mill-1994 'il hawn għamlux xi forma ta' spezzjonijiet fil-ħwienet u f'postijiet oħra ta' negozju f' Malta u f'Għawdex bl-iskop li jivverifikaw jekk tali postijiet humiex qed joperaw b'liċenzja valida, jekk il-ħlas kienx qed isir regolarment, jekk fil-fatt humiex skond il-konfini tal-Kunsilli Lokali eċċ u, jekk fl-affermattiv, fejn saru dawn l-ispezzjonijiet, meta saru, x'kien ir-riżultat tagħhom, x'passi ttieħdu, fejn instabu rregolaritajiet u humiex isiru follow-ups għalihom biex ikun assigurat li l-irregolaritajiet li nstabu jkunu kkorreġġuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hija l-proċedura regolari illi l-Pulizija tagħmel spezzjonijiet fi stabbilimenti kummerċjali sabiex jinġabru arretrati li jista` jkun hemm fil-ħlas tal-liċenzji. Diskrepanzi fil-konfini tal-Kunsilli Lokali jiġu aggustati biss fuq struzzjonijiet mingħand id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Kif diġa` għidt, dan huwa proċess kontinwu u għaldaqstant wieħed ma jistax jgħid kull meta saru.
Leg 9 PQ #24005 Sitting 507 2001-03-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Unit għal Ambjent Aħjar

Question

Jista' l- Ministru jgħid meta hu maħsub li l-unit għal Ambjent Aħjar tibda l-bini ta' culvert ġdid ta' l-ilma tax-xita fi Triq il-Kanun, il-Ħamrun, billi dak eżistenti ma baqax ilaħħaq ma' l-ilma tax-xita wara li minnu għadda cable ta' l-elettriku u billi dan qed jikkawża dannu għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed ikun ikkunsidrat..