Jista' l-Ministru jgħid hemm xi perodu ta' żmien li fih l-iżvilupp ta' lukanda ġdida flok dik bl-isem Excelsior irid jiġi finalizzat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess tal-lukanda Gran Hotel Excelsior hareg fl-1 t’Awissu,1996. Ix-xoghol kellu jibda fi zmien tnax-il xahar u jitlesta fi zmien tlett snin, izda l-permess seta jigi renovat wara l-gheluq tat-tlett snin. Infurmat ukoll illi x-xoghol tal-kostruzzjoni tlesta u li jonqos huma l-finishing touches.
Jista' l-Ministru jinvestiga il-periklu minħabba gallarija fil-bini eżatt faċċata tal-fond bl-indirizz 8 New Street Valletta?
Response (BORG, TONIO)
Mill-indikazzjoni fil-Mistoqsija ta’ l-Onor. Interpellant, huwa mifhum li qieghed jirreferi ghall-fond 14, Telgha ta’ Liesse,Valletta. F’dan il-kaz, id-Dipartiment ghat-Tmexxija tal-Proprjeta’ fi hdan it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern diga talab lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi hdan il-Ministeru ta’ l-Ambjent biex jitnehha kull periklu li jista’ jkun hemm. Infakkar lil Onorevoli Membru li r-responsabilita’ ta’ tiswija ta’ proprjeta’ mhux residenzjali tal-Gvern taqa’ f’idejn dan id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid tistax il-mina fix-Xatt il-Belt terġa' tiddawwal mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm dan ix-xogħol mhux responsabilta' tad-Dipartiment tat-Toroq, l-Enemalta u l-Kunsill Lokali ġew mitluba jieħdu ħsieb sabiex il-mina terġa tiddawwal.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi rivedut il-ħlas tac-children allowance lill-familja li qed nibgħatlek l-ID no tal-persuna separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas ta' l-Allowance tat-Tfal tal-persuna minnu ndikata ser jiġi rivedut. Il-persuna konċernata ser tiġi nfurmata bir-rata riveduta u x'kienet iċ-ċirkostanza li din ir-rata setgħet tinbidel.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li terġa ssir sejħa għal applikazzjonijiet għal reklutaġġ ta' gunners fl-AFM?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-proċess tal-għażla għal numru ta’ rekluti ġodda issa wasal biex jintemm u r-rekluti huma mistennija jingaġġaw fil-Forzi Armati fi żmien qasir. Ma ġiet iffissata l-ebda data għal sejħa oħra.
Jista' l-Ministru jgħid peress li bint il-ġenituri li d-dettalji tagħhom qed ngħaddi separatament iżżewġet fis-sajf li għadda u l-ġenituri kellhom miżjuda fl-assi bankarji tagħhom flus binthom minħabba l-ispejjeż tat-tieġ, jistax jiġi rivedut il-fatt li c-children allowance twaqqaf minħabba f'hekk.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar ir-rapport tal-kummissjoni dwar riformi fil-liġijiet tal-kera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar laqgħa li kelli mal-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera, ġejt infurmat li l-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni kienu jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet li ser jitressqu. Għalhekk sar qbil li l-Kummissjoni kellha tiġbor dawn il-minuti f'forma ta' rapport biex jkun preżentat lili sa l-aħħar ta' Settembru li għadda. Peress li sallum dan għadu ma sarx, il-Ministeru ser jerġa jikkomunika mal-Kummissjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet li hemm imniżżla fil-minuti jittieħdu bħala rapport finali.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-konsulent li ismu qed jintbagħat separatament jerġa' jkun f'pajjiżna sabiex jagħti s-servizzi tiegħu lill-pazjenti li huma bżonnhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li dan il-konsulent għandu bħala data provviżorja biex jiġi Malta s-6 ta` Diċembru 2001. Imma din id-data għadha mhix ikkonfermata.
Jista' l-Ministru jgħid peress li drenaġġ qed ifur fil-kanal tax-xita f'Triq is-Sajjieda l-Marsa jistgħu jittieħdu l-miżuri meħtieġa issa li qed tinqala' t-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ m'għandu l-ebda rapport ta' xi drenaġġ fil-kanal tax-xita fi Tir is-Sajjieda, il-Marsa. Għalhekk, qegħdin isiru l-investigazzjonijiet neċessarji biex jekk hemm xi ħsarat jissewwew minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal skond statistika tal-aġenzija appoġġ li huma:
1) addottati?
2) taħt foster care?
3) taħt next of kin foster care?
4) iltiema?
Tista' tingħata breakdown tal-etajiet ta' dawn it-tfal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aġenzija Appoġġ ma toffrix servizzi relatati ma' l-adozzjoni u għalhekk ma żżommx statistika dwar dawn it-tfal. L-Aġenzija ma żżommx statistika dwar in-numru ta' tfal iltiema.
Ninsab infurmat li skond ir-rekords miżmuma mill-Aġenzija, n-numru ta' tfal taħt foster care hu 73, filwaqt li n-numru ta' tfal li qed jiġu fostered minn next of kin hu ta' 10. L-etajiet ta' dawn it-tfal ivarjaw bejn sena u tmintax il-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x' opportunitajiet joffru d-dipartimenti taħt ir-responsabbilta' tiegħek għal tfal b' Autism?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fejn l-autism tkun assoċjata ma` problemi fl-imġieba, kif jiġri ta` spiss, ic-Child Guidance Clinic toffri għajnuna permess ta` team multidixxiplinarju u għandha kuntatt kemm mad-Dipartiment ta` l-Edukazzjoni kif ukoll mas-CDAU u d-Dipartiment tal-Pedjatrija.
Jekk fit-tfal 'l fuq minn tnax-il sena, l-problemi fl-imġieba jkunu tant kbar li jeħtieġu li t-tifel/tifla jiddaħħlu l-isptar, dawn, kemm jista` jkun, jinżammu fid-Dar taż-Żgħażagħ (Young People's Unit - YPU) ta` l-Isptar Monte Carmeli. Jekk wara dan, ma jitjibux biżżejjed biex jirritornaw id-dar, eventwalment, meta jikbru wisq għal-YPU, jispiċċaw ġewwa l-Isptar Monte Carmeli kif fil-fatt ġara f'ċerti każijiet.
Bħalissa qiegħed isir xogħol biex jinfetaħ Unit residenzjali fil-komunita` fejn dawn ikunu jistgħu jinżammu fost żgħażagħ oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-area ta' kull lokalita' f'Malta u Għawdex, x'inhi l-built up area tagħha llum, kemm mill-built up area hi residenzjali, kummerċjali jew industrijali, u kemm mill-area totali mhux għall-bini u kemm mill-area li mhix għall-bini hi raba eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-iskeda li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-figuri ta`:
i) l-art totali li tappartjeni għal kull kunsill lokali
ii) l-art li hija diġa` mibnija (built-up areas)
Built-up area, għall-iskop ta` dawn il-figuri tinkludi l-bini kollu li ġie żviluppat sal-lum sal-limiti ta` l-iżvilupp u teskludi l-art vakanti li tista` tiġi mibnija fl-istess limiti. Dawn il-figuri jinkorporaw bini fiż-żona residenzjali kif ukoll areas bħal ġonna, toroq, postijiet meħudin minn infrastruttura, eċċ, pero` jeskludu areas ta` użu nazzjonali bħal l-ajruport u areas industrijali.
Wieħed jinnota li kull art fil-Limiti ta` l-iżvilupp potenzjalment tista` tiġi żviluppata kemm għal skop residenzjali, kummerċjali u industrijali, skond kif ġiet allokata fl-iskema ta` l-iżvilupp. Il-figuri li ntalbu rigward l-użu ta` l-art fuq livell ta` kunsilli lokali ma jistgħux jiġu provduti peress li normalment dawn huma miġbura f`total u bħala floorspace. Fil-każ ta` art industrijali, hemm:
Art privata allokata għal skop industrijali fl-iskemi temporanji ta` l-iżvilupp - 592,877 metri kwadri
Art industrijali taħt il-kontroll ta` l-MDC - 1,107,913 metri kwadri
Total ta` floor space industrijali vakanti - 160 etari
Rigward l-area totali li mhix għal bini urban (barra minn skemi temporanji ta` l-iżvilupp) din tammonta għal 25,682 ettari.
L-ammont ta` art li hija meħuda għall-użu agrikolu jammonta għal 10,738 ettari (News release 35/2001 NSO). Din il-figura, pero`, tinkludi art agrikola li hemm fl-Iskemi ta` l-iżvilupp (ma jeżistux figuri separati għal ODZ u skemi temporanji ta` l-iżvilupp. Eżerċizzju li għaddej mill-Mapping Unit għal Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd ser jgħin biex ikollna dawn il-figuri).
Jista' l-Ministru jgħid 1) liema kienu dawk ix-xogħlijiet li saru mill-1994 'il hawn, sena b'sena, fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex, minn ħaddiema tat-Taqsima Xogħlijiet, tad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija, tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi, tad-Dipartiment tal-Bini u Manutenzjoni u mill-Unit għal Ambjent Nadif. 2) Kemm sewa dan ix-xogħol? 3) Min ħallas għalih (hux il-Gvern stess jew il-Kunsill Lokali fejn sar ix-xogħol), u 4) f'każ li dan ix-xogħol kellu jitħallas mill-Kunsill Lokali, tħallas u jekk le, għaliex?
Jista' l-Ministru jgħid 1) liema huma l-ġonna f'Malta u Għawdex proprjeta' tal-Gvern u li huma miftuħa għall-pubbliku, 2) fejn qegħdin dawn il-ġonna 3) x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull ġnien 4) min jiftaħ u jagħlaq kull ġnien 5) liema min dawn il-ġonna jieħu ħsieb iż-żamma tagħhom il-Gvern jew Kunsill Lokali 6) dawk li jieħdu ħsiebhom il-Kunsilli Lokali għandhomx bħala kuntrattur lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jew wieħed privat, u 7) liema huma dawk il-ġonna li għandhom provdut mill-Gvern servizz ta' watchman fil-ħinijiet li huma miftuħa għall-pubbliku?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ġonna ta' Malta li huma miftuħa għall-pubbliku huma kollha proprjeta' tal-Gvern. Dawn il-ġonna huma:
Valletta: Barrakka ta' Fuq, Barrakka t'Isfel, Hastings, Tal-Palazz.
Floriana: Herbert Ganado, Preziosi, Mall, Argotti, Mistrieħ, Sa' Maison. St. Philip.
Ħ'Attard: San Anton.
Ir-Rabat: Buskett, San Duminku, Bir il-Fjuri.
Tas-Sliema: Indipendenza, Qui-Si-Sana.
Birkirkara: Stazzjon.
Ħal Lija: Post ta' Rikreazzjoni.
Ħal Safi: Sir Alexander Ball, Triq il-Biedja.
Il-Qrendi: Tal-Kmand, Cecilia Rich.
Il-Kalkara: Salvatur.
Ħal Qormi: Armier, Żebbuġ, Maemple Fontana, De La Cruz.
Ħaż-Żebbuġ: Tal-Grazzja, Ħal-Mula Indipendenza.
Il-Mellieħa: Dun Dione Caruana.
Għargħur: Ġnien il-Ħaddiem.
Sta. Luċija: Serenity.
Paola: Wied Blandun, Gaddafi, Boffa.
Il-Mosta: 15 ta' Ottubru, Reġġie Cilia, Santa Margherita, Għarusa tal-Mosta.
Marsaskala: Pjazza San Tumas, Sant'Anna.
Iż-Żejtun: Luqa Briffa, M.A.Vassalli, Mikiel Cachia, San Klement.
Iż-Żurrieq: Bronja, Nigret, Profs. Saydon.
Marsaxlokk: Pjazza Xprunar.
Il-Marsa: Belvedere, Blata l-Bajda, Żebbuġ.
L-Imqabba: Triq il-Ġilju.
L-Imsida: 5 ta' Ottubru, Victor Denaro.
L-Imtarfa: Qasam tad-Djar.
In-Naxxar: Labour Road, Mrodess.
Ta' Xbiex: Marina.
Sta. Venera: Romeo Romano, Triq il-Franka.
Is-Siġġiewi: Mwieġel, Profs. Zammit.
San Pawl il-Baħar: Anton Buttigieg, L-iskola, Turisti, Dolmen, Masġar Olimpiku, Kennedy Grove, Tempesta.
San Ġwann: Karen Grech, Misraħ Lewża, Triq Margherita, Kappara.
Ħal Kirkop: Ġnien Aħfer.
Il-Gudja: Ġnien Raymond Caruana.
Ħdax minn dawn il-ġonna huma amministrati mill-Gverm Dawn huma:
Valletta: Barrakka ta' Fuq, Barrakka t'Isfel, Il-Palazz.
Floriana: Herbert Ganado, Preziosi, Mall, Argotti, Mistrieħ, Sa Maison.
Attard: San Anton.
Rabat: Buskett.
3). Il-ħinijiet tal-ftuħ u għeluq tal-ġonna jiddependi skond iż-żmien tas-sena. Il-ħin regolari hu mis-7.00a.m. sas-6.00p.m. fix-xitwa. Fis-sajf jiftħu sat-8.00p.m. Il-Barrakka ta' Fuq tibqa' miftuħa sal-10.00p.m. Il-Buskett
għandu sistema ta' watchmen matul il-lejl.
4). Il-ġonna jinfetħu minn impjegati tad-Dipartiment. L-għeluq isir mill-watchmen skond l-iskeda tal-ħinijiet.
5). Hemm numru konsiderevoli ta' Kunsilli Lokali li għandhom kuntratt mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.
6). Il-ġonna jingħatalhom servizz ta' watchmen huma:
il-Barrakka ta' Fuq, il-Barrakka t'Isfel, Ġnien is-Serenita', il-Buskett, San Anton, Hastings, l-Argotti, Sa' Maison, Tal-Kmand il-Qrendi, Ġnien l-Indipendenza tas-Sliema, Gaddafi f'Raħal Ġdid.
Rigward Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti ġew iffinanzjati mill-Kunsill Lokali tal-:
i) Belt
ii) Floriana
iii) Ħamrun
iv) Pieta'
v) St. Venera
sena b' sena mill-introduzjoni tal-Kunsill Lokali fl-1993 'l hawn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm il-Ministru kif ukoll id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ma jzommu ebda statistika tal-proġetti ffinanzjati mill-Kunsilli Lokali u dan għaliex dawn il-funzjonijiet huma resposabbiltajiet tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid f' hiex waslu l-pjanijiet għall-proġett ta' slum clearance f' Balzunetta l-Floriana?
Meta hu maħsub li jinbeda dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fi żmien qasir ser jiġi ffirmat il-konvenju għax-xiri ta' stabbiliment kummerċjali li jifforma parti minn dan il-proġett. Sadanittant l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qiegħda tikkunsidra l-applikazzjoni li ġiet sottomessa ftit tax-xhur ilu.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjanijiet dwar ir-riabilitazzjoni tal-Moll fil-Floriana?
X' xogħlijiet huma ppjanati li jsiru?
Meta hu maħsub li jibdew dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett tal-Mall inbeda billi qed issir is-sistema ta' irrigazzjoni. Wara xhur ta' diskussjoni mal-Kunsill Lokali u entitajiet oħra, l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta lestew il-pjani u qed tiġi ppreparata l-applikazzjoni għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Il-proġett ta' pavimentazzjoni jsir wara li jkun hemm l-approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Ser tinħareġ ukoll sejħa għal offerti għar-restawr tal-funtana ta' l-ajkla.