B'riferenza għat-tweġiba parlamentari mogħtija fl-14 ta' Lulju 1999 għall-interpellanza 8356, jista' jgħid lil liema għaqdiet imsemmija sar it-trasferiment ta' art u faċilitajiet tal-Gvern; lil liema għaqdiet ma sarx u għaliex? Dawn għallinqas jistgħux jkunu assigurati mill-użu ta' l-art jew il-faċilita li qed jużaw illum? Hemm għaqdiet sportivi oħra li se jsirilhom transferiment ta' art u faċilitajiet u min huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għaqdiet imsemmija fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8356 kollha ingħataw titlu fuq l-art/faċilita` tal-Gvern minbarra dawn it-tlita:
St. Venera Boċċi Club - minħabba oġġezzjoni mid-dipartiment ta' l-Artijiet;
Zebbug Rangers FC - minħabba nuqqas ta' qbil fuq it-tip ta' titlu peress li partijiet mill-art għadhom ma ġewx akkwistati mill-Gvern;
Valletta Waterpolo Club - minħabba problemi amministrattivi fil-kumitat.
Sa llum dawn l-għaqdiet għadhom jistgħu jużaw il-faċilitajiet bħal qabel.
Bħalissa qegħdin isiru preparamenti sabiex isir it-trasferiment ta' art/faċilitajiet lill-għaqdiet li jidhru fil-lista. Minħabba li x-xogħol għadu ma ġiex iffinalizzat kollu, il-lista tista' tinbidel.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi dwar persuna li d-dettalji tagħha u ritratti li juru dan li qed ngħid, qed ngħaddi separatament li allegatament qed titma l-ħamiem li qed jinfesta il-viċinanzi. Tistax tittieħed azzjoni dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma kellha xi lment mill-ġirien kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u lanqas ma huwa reat kriminali li persuna titma’ l-ħamiem. Imma billi skond l-artikolu 125(2) tal-Kodiċi tal-Pulizija, iż-żamma ta` iżjed minn sitt ħamiem ġewwa l-limiti tal-Furjana, mhux permess mingħajr liċenzja ta’ l-awtorita` sanitarja, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba parlamentari mogħtija fl-14 ta' Lulju 1999 għall-interpellanza 8356, jista' jgħid lil liema għaqdiet imsemmija sar it-trasferiment ta' art u faċilitajiet tal-Gvern; lil liema għaqdiet ma sarx u għaliex? Dawn għallinqas jistgħux jkunu assigurati mill-użu ta' l-art jew il-faċilita li qed jużaw illum? Hemm għaqdiet sportivi oħra li se jsirilhom transferiment ta' art u faċilitajiet u min huma?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid xi prijorita d-dipartiment tat-toroq qed jagħti l-bini mill-ġdid ta' Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem biex tinstab soluzzjoni għal problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar f'din it-triq u li trid tiġi risolta biex it-triq tkun tista' tinbena mill-ġdid.
Tlesta' survey ta' din iż-żona u qegħdin isiru pjanti biex jinbena ġibjun faċċata ta' Triq il-Batterija u meta jinbena dan il-ġibjun, Triq il-Palazz l-Aħmar tkun tista' tinbena mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-iskop tas-survey li għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar soft areas fid-diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex, x'kien ir-riżultat ta' dan is-survey , x'rakkomandazzjonijiet saru u x'azzjonijiet jistgħu jittieħdu dwar dawn ir-rakkmandazzjonijiet u minn min? Jista' l-Ministru jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-rapport meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun ippubblikat direttorju ieħor tal-postcodes tad-diversi lokalitjiet f'Malta u Għawdex billi dak li kien ippubblikat snin ilu nbiegħ kollu u jrid jiġi aġġornat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-intenzjoni hi li Direttorju ġdid tal-Kodiċi Postali jiġi ppubblikat fi żmien mhux fil-bogħod. Bħalissa qed isir xogħol fuq dan id-Direttorju.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla r-re-numbering tad-djar kollha f'Santa Venera?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-lokal ta' Santa Venera s'issa tlestew dsatax-il triq li b'kollox kienu jammontaw għal aktar minn 1500 bieb li ġew innumerati.
Ix-xogħol tad-Door Numbering isir mit-Taqsima tax-Xogħlijiet iżda jinvolvu wkoll, fost oħrajn, lill-Uffiċju Elettorali. Minħabba li bħalissa għaddej xogħol tat-tiġdid ta' l-ID Cards, u dan ix-xogħol jaffetwa wkoll ix-xogħol tad-Door Numbering, huwa diffiċli li wieħed jgħid bi preċiżjoni meta jista' jitkompla r-re-numbering ġewwa kull lokalita' partikolari. Ix-xogħol tar-re-numbering ġewwa Santa Venera jitkompla mill-aktar fis possibbli hekk kif l-eżerċizzju tat-tiġdid ta' l-ID Cards jippermetti li dan isir.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 9469 li kienet ingħatat fis-17 ta' Novembru 1997 (fl-Amministrazzjoni Laburista). Jista' jagħti l-aħħar dettalji fir-rigward ta' bini illegali fi Triq it-Turretta, Santa Venera?
Response (BORG, TONIO)
Minħabba d-dewmien li t-tlett każi dwar l-iżvilupp illegali msemmi, kienu qed jieħdu fil-Qrati tal-Maġistrati, ġie deċiż fl-1999 illi l-azzjonijiet legali li kienu pendenti jiġu rritirati mill-Qorti sabiex jinħarġu avviżi tat-Twettieq taħt l-Att Nru. 1 ta` l-1992 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp. B`riżultat ta` din id-deċiżjoni, wieħed mill-persuni nvoluti ddeċieda li jikkopera u neħħa l-iżvilupp illegali huwa stess (ECF 928/99). Fiż-żewġ każi l-oħra, l-okkupanti eżerċitaw id-dritt tagħhom skond il-liġi u applikaw sabiex l-illegalita` tiġi rregolarizzata.
F`każ minnhom (ECF 991/99), id-DCC ħarġet permess (PA 2558/98) sabiex il-ħajt eżistenti jinbidel m`ieħor iżjed xieraq f`għoli t`erba` filati, bil-pilastri u ħadid 'ferro battuto', fejn ukoll kellu jitħalla iżjed wiesgħa bħala passaġġ pubbliku. Pero` l-applikant qed jikkontendi li l-permess maħruġ lilu huwa validu għal minimu ta` tlett snin u għaldaqstant għandu dritt li jagħmel ix-xogħol meta jkun konvenjenti għalih u matul il-validita` tal-permess. Min-naħa tagħha l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tesiġi illi l-ħajt preżenti għandu jitneħħa malajr kemm jista` jkun, u dan skond l-avviż li nħareġ. L-applikant, jekk irid, jieħu ż-żmien kollu li għandu bżonn sabiex jibni dak li għandu u skond il-permess. Għaldaqstant l-każ huwa inkluż fil-lista ta` l-azzjoni diretta, liema azzjoni tittieħed appena jinstab iż-żmien opportun.
Il-każ li jifdal (ECF 991/99) ser jiġi trattat bl-istess mod hekk kif il-permess PA 6676/99 li ġie approvat riċentament, jinħareġ.
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ser tibqa` ssegwi l-każ sakemm jiġi mitmum skond il-liġi.
Jistax il-gvern jikkonsidra jgħin lill-Floriana F. C. sabiex isir ir-returfing tal-11-a side ground fl-Arena tal-Indipendenza peress li s'issa dan għadu ma setax isir mill-għaqda fuq imsemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Segretarju Parlamentari kellu laqgħa mal-Kumitat il-ġdid tal-Floriana F.C. Fost affarijiet oħra ġiet diskussa l-possibilita` ta' għajnuna biex il-ground 11-a-side tal-Furjana jiġi reseeded. Il-Gvern se jagħti għajnuna biex tinxtara ż-żerriegħa kif ukoll biex jiġu rranġati d-dressing rooms.
Jista' l-Ministru jara li jiġi investigat il-fatt li Pjazza Presiosi kantuniera ma' Triq il-Miratur, Floriana (fejn it-taraġ) hi infestata bil-ħamiem?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għalkemm il-kontroll tal-ħamiem ma jaqax taħt il-kompetenza tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, ninsab infurmat li dan id-Dipartiment xi żmien ilu kien ta parir lill-Kunsill Lokali tal-Floriana kif dan il-kontroll jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm fir-rigward ta' l-iżvlupp tal-proġett f'Pjazza 7 ta' Ġunju 1919 fil-Ħamrun, fir-rigward ta' kif dan l-iżvilupp jista' jaffettwa loading/unloading ta' merkanzija ta' xi ħwienet fl-istess misraħ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-disinn tal-pjazza 7 ta' Ġunju sar skond ix-xewqat tal-Kunsill u ġie wkoll approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tal-fond 3 Triq l-Ifran il-Belt:-
1) x'possibilta' hemm li jiġi nstallat lift fis-shaft tal-block?
2) jista' d-Dipartiment tal-Bini u tiswija ta' djar jieħu ħsieb li jitnaddfu l-kolonni li hemm fuq l-għatba tal-bieb ta' barra, peress li dawn huma maħmuġin ħafna bid-dħaħen tal-karozzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab mgħarraf illi mhux possibbli li jsir lift ġot-tromba tat-taraġ tal-blokk imsemmi, peress illi t-tromba hija żgħira. Dan ġie spjegat aktar kmieni din is-sena waqt laqgħa fuq il-post mar-residenti.
Il-possibbilita' ta' lift, hija ġewwa l-bitħa li hemm fuq in-naħa ta' wara tat-tromba liema bitħa hija propjeta' ta' terzi u allura hemm bżonn tal-kunsens bil-miktub tagħhom. Dan ukoll ġie spjegat lir-residenti ta' dan il-blokk (numru 3, Triq l-Ifran), jiġifieri li biex l-Awtorita' tad-Djar tkompli bil-proċess, għandu jinġieb il-kunsens bil-miktub tas-sidien.
Sa issa, dan il-kunsens għadu ma ġiex ppreżentat.
Għat-tieni parti tad-domanda ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilita' tat-tindif tal-partijiet komuni hija normalment tar-residenti. Madanakollu rreferejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jara jekk dan ix-xogħol jistax jitqies li jidħol fil-"policy" tad-Dipartiment dwar it-tiswijiet.
Jista' l-Ministru jinvestiga il-fatt li Pjazza Luiġi Preziosi kantuniera ma' Triq il-Miratur Floriana saret pocket li fiha infestazzjoni ta' ħamiem u ġrieden?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ħaddiema mis-Sezzjoni tal-'Pest Control' għamlu trattament intensiv fit-triq u l-pjazza indikata, fit-22 ta` Novembru 2001. F'Lulju ta` din is-sena, kien sar trattament fi t-Triq il-Miratur. Għaldaqstant il-problema ser tibqa` tiġi segwita sakemm l-infestazzjoni ta` ġrieden tiġi kkontrollata.
Dwar il-problema tal-ħamiem, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jitneħħew wires tat-telefon u tar-rediffusion antiki li hemm fil-Floriana?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Maltacom għandha programm ta' manutenzjoni ta' linji tat-telefon biex, minbarra li jingħata servizzi aħjar, jitneħħew ukoll cables u wires li ma jkunx hemm aktar ħtieġa għalihom.
Fil-fatt bħalissa il-kumpanija qed tagħmel xogħol kbir ta' manutenzjoni fost l-oħrajn, fil-belt Valletta. Hemm ukoll pjan biex fix-xhur li ġejjin isiru xogħlijiet fuq skala iżgħar fil-Floriana.
Tajjeb jingħad ukoll li meta xi entita' titlob sabiex dan il-programm jiġi mħaffef f'xi post partikulari, ix-xogħol ikun jista' jitlesta fil-ħin mitlub wara li jintlaħaq ftehim bejn l-entita' u l-Maltacom.
Jista' l-Ministru jgħid x'drittijiet għal xi forma jew oħra ta' pensjoni għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed ngħaddi separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata mhux qed tirċievi ebda pensjoni mid-Dipartiment.
Għaldaqstant informajna lill-persuna kkonċernata biex tmur fl-Uffiċċju Distrettwali ħalli tiġi nfurmata bid-drittijiet tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm romlu nies matul din is-sena?
Kemm minn dawn kienu rġiel u kemm kienu nisa?
Kemm minnhom żdiditilhom il-pensjoni, ta' kemm minnhom baqgħet l-istess, kemm minnhom tnaqqsitilhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.