Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar ġlied u sejba ta' armi li kien hemm f'kamra fil-Junior College li tintuża mill-Pulse fi tmien is-sena li għaddiet? L-investigazzjoni ġiet konkluża? Jekk iva, x'passi se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kien waslilha rapport li kien hemm ġlieda fil-post imsemmi, iżda meta l-Pulizija waslet fuq il-post ir-rapport li sar lill-Pulizija kien jirrigwarda theddid b`arma. Matul l-investigazzjoni (li għad trid tiġi konkluża), il-Pulizija kienet sabet arma (air pistol) għand żewġ studenti. Dan l-inċident kien seħħ f`Novembru 2001.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi mistħarreġ il-fatt li l-persuna li d-dettalji tagħha qed nibgħat under separate cover baqgħet ma rċevietx l-għajnuna supplimentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ta' prevenzjoni qed jittieħdu mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fir-rigward ta' postijiet li jiffrekwentaw it-tfal fosthom i) faċilitajiet sportivi indoor u outdoor ii) postijiet kulturali bħall-postijiet fejn jingħataw lezzjonijiet tad-duttrina mill-MUSUEM fid-diversi bliet u irħula f'pajjiżna? B) Hemm fire emergency exists f'dawn il-faċilitajiet indoor? C) Fil-każ tal-MUSUEM għall-bniet f'231, Triq Sant' Orsla l-Belt jinżammu cleared minn vetturi, l-bibien għal-raġunijiet ta' siġurta?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa dejjem lest biex jagħti pariri dwar safety kull meta jiġi mitlub, u dan jinkludi lil dawk il-persuni li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi quddiem il-bieb tal-post imsemmi, hemm imwaħħla barrier tal-ħadid taħt il-bankina li sservi kemm sabiex it-tfal ma jibqgħux ħerġin jiġru għall nofs it-triq kif ukoll sabiex il-bieb ma jkunx imblukkat mill-vetturi.
Jista' l-Ministru jgħid jgħid kemm-il household ġiet mogħtija għajnuna għall-istallar ta' stairlift sena b'sena f'dawn l-aħħar 10 snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li sa l-1997 ma kienetx tinżamm statistika dwar l-informazzjoni mitluba. In-numru ta' każijiet fejn ingħatat għajnuna biex jiġu stallati stairlifts mill-1998 kien kif ġej:
Sena Numru
1998 15
1999 32
2000 9
2001 20
Jista' l-Ministru jgħid biex koppja mill-United Kingdom tixtri propjeta u tibqa' toqgħod fiha hawm Malta? X'inhuma r-restrizzjonijiet i) bħalissa 2) wara sħubija fl-EU
Response (BORG, JOE)
Biex koppja mir-Renju Unit tixtri l-ewwel propjeta f'Malta llum m'hemmx restrizzjonijiet, ħlief li trid tapplika, u li l-valur tal-propjeta jaqbeż valur minimu stabbilit mil-liġi.
Wara l-isħubija fl-Unjoni Ewropea, ma jkunx hemm restrizzjonijiet għal koppja mir-Renju Unit sabiex din tkun tista tixtri l-ewwel propjeta f'Malta, sakemm ma tkunx għamlet ħames snin hawn Malta ma tkunx tista tixtri iżjed propjeta.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tal-istallar ta' lifts f'appartament tal-Gvern, f'liema minnhom 1) tlesta x-xogħol kollu 2) beda x-xogħol 3) hemm pjanti approvati mill-Awtorita' tal-Ippjanar 4) kemm pjanti sottomessi lill-Awtorita' tal-Ippjanar. Fil-każ ta' 1) u 2) kemm-il kuntrattur differenti għamel ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
S'issa inħarġu tenders għall-installazzjoni ta' 18-il lift fi blokki tal-Gvern u x-xogħol inbeda f'14 minn dawn il-Blokki. Il-progress tax-xogħol f'dawn l-14-il blokk ivarja mit-tlestija tal-lift pit sal-installar komplut. Fl-erba' lokalitajiet l-oħra għadu ma nbediex ix-xogħol minħabba xi problemi tekniċi u legali. Għad irid isir stħarriġ biex jissolvew dawn il-problemi qabel ma jiġu nstallati lifts f'dawn il-postijiet. Hemm tmintax-il permess għall-lift approvat mill-Awtorita' tal-Ippjanar u dan l-aħħar ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lifts f'10 lokalitajiet oħra.
Kien hemm kuntrattur wieħed li ġie mogħti tliet kuntratti biex jinstalla 18-il lift. Dan il-kuntrattur kien tefa' l-orħos offerti biex jagħmel dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol għal stallar ta' lift f'
1) 1 Melita Street Valletta
2) Bl 1 St. John Square, Valletta
3) Door 3 Ordinance Street, Valletta
4) 71 Triq il-Miratur, Floriana
5) 41 Triq il-Miratur, Floriana
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-installazzjoni tal-lift f'Numru 2 Melita Street Valletta, 41 Triq il-Miratur Floriana u 71 Triq il-Miratur Floriana, qed isir aktar stħarriġ fejn jista' jiġi nstallat il-lift minħabba li m'hemmx spazju biżżejjed fit-tromba tat-taraġ.
Dwar Blokk 1 St John Square Valletta, qed jiġu ppreparati l-pjanti biex jintalbu l-permessi meħtieġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Dwar Door 3 Ordinance Street Valletta għadha kif saret l-applikazzjoni għall-permessi mingħand l-Awtorita ta' l-Ippjanar filwaqt li qed jiġu ppreparati t-tenders.
Peress li f'Malta nsibu irġiel u nisa li jbatu minn marda msejħa gender dysphoria u li biex dawn iċ-ċittadini biex jikkuraw ruħom jeħtiġilhom ifittxu trattamenti twal minn terapisti u psikoloġi, kif wkoll jissottomettu ruħhom għal xi interventi kirurġiċi, ħalli b'hekk jiġu magħrufa li jappertjenu għas-sess differenti min dak li twieldu bih u peress li dawn ċ-ċittadini mbagħad isibu l-intopp fir-Reġistru Pubbliku, minħabba l-liġi f'Malta kif għadha sa llum, ma jridux jagħmlulhom in-nota korrettiva neċessarja li tkun tindika s-sess attwali bil-konsegwenza li dawn ċ-ċittadini jkollhom jidħlu għal aktar spejjeż u taħbit billi jirrikorru għall-kawża kostituzzjonali sabiex ir-reġistru pubbliku jiġi ordnat jagħmel nota korrettiva fl-att tat-twelid taċ-ċittadin konċernat, jista' l-Ministru jikkonsidra li ssir l-emenda legali neċessarja li tkun tkopri sewwa d-dritt għall-privatezza ta' dawn iċ-ċittadini Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma teżisti ebda ħtieġa li jsiru xi emendi legali rigward is-sistema ta` korrezzjoni ta` Atti diġa` reġistrati. Dan peress li s-sistema li tintuża ġewwa r-Reġistru Pubbliku hija waħda ġenerali li ma jsiru ebda korrezzjonijiet/annotazzjonijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti. Dana anki fir-rigward ta` bidliet relattivament insinifikanti. Hija l-Qorti li trid dejjem tiddeċiedi. Allura ma hemm xejn barra minn loku li tibdil fl-indikazzjoni ta` sess jirrikjedi tali proċedura.
Mill-bqija nista` nassigura l-Onor. Membru li minn naħa tar-Reġistru Pubbliku qed isir kull sforz, inkluż dak amministrattiv, sabiex dawn l-individwi ma jiġux imbarazzati u jinqdew bl-aktar mod diskret/kunfidenzjali kemm qabel kif ukoll wara l-ordni tal-Qorti.
Fl-aktar każ reċenti id-Dipartiment, fuq parir mogħti lilu, ma appellax mid-deċiżjoni tal-Qorti, prima stanza.
Peress li xi mediċini partikolari m'humiex iktar indikati għal xi pazjenti ta' 75 sena u aktar, il-Ministru tas-Saħħa lest li jħalli lill-konsulenti tiegħu jippreskrivu l-istess mediċini b'xejn meta dawn ikunu għandhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċini li l-Onorevoli Membru qed jirreferi għalihom huma "statins" (bħal Lescol u Zocor). Id-Dipartiment tas-Saħħa għadu miexi bil-protocol li kien ġie stabbilit fin-1998 taħt amministrazzjoni preċedenti skond parametri tal-WHO li kien impona 'age limit' ta` 75 sena fuq dawn il-mediċini.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appuntament fid-diversi outpatient clinics fl-isptarijiet San Luqa u Boffa ġew posposti mindu bdew l-azzjonijiet tal-MAM ix-xahar li għadda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Valletta Rehabilitation Project se tieħux ħsieb il-proġett f'Pjazza E.S.Tonna, Floriana? X'hemm ippjanat li tagħmel il-VRP u meta hu maħsub li jinbeda/jintemm ix-xogħol? Kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta huwa responsabbli tal-paviment ġdid ta' Pjazza E S Tonna, Floriana. Il-proġett mistenni jiswa Lm15,237.
Il-proġett ilu li nbeda u waqaf wara li l-Kunsill Lokali Floriana talbu tibdil fil-proposta li kienet ġiet approvata qabel. Din il-bidla tfisser spejjeż aktar ta' Lm6,066. Il-Gvern għalhekk qed jikkonsidra din il-proposta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jiswa ix-xogħlijiet fl-ospizio fil-Floriana? Meta hu maħsub li jintemm dan ix-xogħol u f'hiex ikun ikkonsista?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol li għaddej bħalissa fl-Ospizio jikkonsisti f'bini mill-ġdid ta' parti mill-casemates li kienet iġġarfet fil-gwerra. Dan ix-xogħol hu stmat li ser jiswa madwar Lm65,500 u hu maħsub li jintemm f'Lulju ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet qed isiru mill-Universita' fil-ġonna tal-Argotti l-Floriana? Kemm swew jew huma stamti li jiswew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħlijiet li qed isiru huma relatati ma' restawr biex jissewwew ħsarat li tħallew jakkumulaw tul iż-żmien. Fost ix-xogħlijiet li saru s'issa hemm tibjid ta' pilastri, tibdil ta' gates tal-ħadid u bibien imkissra, tibdil ta' tankijiet tal-konkrit b'ġebla maltija, tiswijiet estensivi ta' serrer ta' l-injam, tiswijiet ta' gastri antiki tal-ġebel, eċċ. Ma' dan ix-xogħol wieħed irid iżid it-tindif tal-kantina taħt il-Villa ta' de Argote, twaqqih ta' żebgħa u konkos biex tinkixef il-ġebla biex ikun hemm post fil-villa fejn jistgħu jintlaqgħu n-nies u jsiru xi esebizzjonijiet (Visitor's centre). Barra hekk, xogħol fuq it-tkabbar tal-kollezzjoni, katalogar u labelling. Dak kollu biex l-argotti jerġa' jieħu d-dinjita` li kellu fil-passat meta kien taħt l-Universita` u li jistħoqlu ġawhra ta' post bħal dan. Il-budget kollu tas-sezzjoni ġonna (gardens unit) huwa maqsum fuq tlett ġonna: l-Universita`, l-Argotti u l-Junior College. Fuq l-Argotti jintefqu madwar terz ta' dan il-budget li ma jeċċediex l-Lm10,000 globalment.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31172, u jgħid hemmx il-ħsieb li l-pazjenta li d-dettalji dwarha qed ngħaddi separatament li kellha kumplikazzjonijiet wara intervent kirurġiku tiġi mogħtija xi forma ta' kumpens? Qed nibgħat il-kunsens tagħha iffirmat under separate cover.
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'għandi xejn xi nżid dwar dan il-każ iżjed minn dak li ikkomunika l-Assistent Avukat Ġenerali tar-Repubblika b'ittra lill-avukat tal-persuna konċernata f'Lulju 2001.
Ser ngħaddi b'mod konfidenzjli lill-Onor Interpellant, kopja ta' l-ittra tal-Assistent Avukat Ġenerali tar-Repubblika ħalli jagħraf jiggwida ruħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31174, ċioe peress ż-żewġ pażjenti li d-dettalji tagħhom qed ngħaddi separatament ilhom ħafna jistennew operazzjoni mhux urġenti iżda minħabba kundizzjoni ta' inkonvenjent kbir, jista' l-Ministru jgħid jistax jiġi mistħarreġ il-każ tagħhom? Qed nibgħat il-kunsens tagħhom iffirmat under separate cover?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-każijiet imressqa mill-Onor Interpellant ġew investigati. L-urġenza tal-każijiet tiġi determinata mill-konsulenti rispettivi u ma jidhirlix li bħala Ministru għandi nindaħal fl-eżerċizzju tal-prijoritajiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-iskop tas-survey li għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar ġonna u soft areas fid-diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex, x'kien ir-riżultat ta' dan is-survey, x'rakkomandazzjonijiet u minn min?
Jista' l-Onor. Ministru jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħasset il-bżonn li fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Pjan ta` Struttura, ikun xieraq li tagħmel survey biex titqies il-proviżjoni ta` ġonna pubbliċi, playing fields u open spaces f`kull kunsill lokali f`Malta u Għawdex. B`hekk l-Awtorita` tkun tista` toħroġ bi standards għal proviżjoni ta` ġonna u siti ta` rikrejazzjoni oħra f`żoni urbani.
Jirriżulta li l-medja fil-gżejjer Maltin hija ta` 2.4 metri kwadri ta` ġonna pubbliċi, playing fields u open spaces għal kull resident, u li 47 minn 68 kunsilli ma jilħqux din il-medja.
L-Awtorita` għadha m`hijiex f`posizzjoni li tirrakkomada policies għal futur, bħala parti mir-reviżjoni tal-Pjan ta` l-Istruttura. F`dan l-istadju pero`, l-istudju fuq Rikrejazzjoni u Ħin Liberu jenfasizza l-importanza biex jiġu protetti il-postijiet eżistenti ta` rikrejazzjoni, u li l-kunsilli jgħarfu il-bżonn li jtejbu il-proviżjoni ta` open spaces, speċjalment dawk il-kunsilli b`karattru urban jew fejn il-popolazzjoni qed tikber.
Kopji ta` dan ir-rapport (Leisure and Recreation Topic Paper) diġa` tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30336 f`Seduta Nru. 665.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun ippubblikat direttorju ieħor tal-Postcodes tad-diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex billi dak li kien ippubblikat snin ilu nbiegħ kollu u jrid jiġi aġġornat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif diġa' kelli okkażżjoni nwieġeb fis-7 ta' Diċembru li għadda jien infurmat li bħalissa qed isir xogħol fuq direttorju ġdid tal-kodiċi postali, bil-ħsieb li dan jiġi ppubblikat fi żmien mhux fil-bogħod.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġie appuntat l-Assistant Personali tac-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta? L-ETC tat l-approvazzjoni? L-impjieg ta' din il-persuna mal-huma fiss jew qiegħed fuq kuntratt temporanju? Jekk jinbidel il-Bord tad-Diretturi din il-persuna, xorta, tibqa fl-impieg fl-Enemalta? Din il-persuna kienet qed tirreġistra xi parti tal-ETC qabel ġiet mpjegat? Kemm kien ilu jirreġistra? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess li ħarġet l-ETC skond l-Employment & Services Act? Xi skala ngħatat lil din il-persuna mill-Enemalta u fuq liema bażi? X'esperjenza u kwalifiki għandha ? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-CV tagħha? X'inhu xogħol bħal assistant personali? Jikkonferma li qed jingħata xogħol ta' purchasing? Kemm hu ppjanat li ddum jagħmel dan ix-xogħol? Bħalissa qed jagħmel xogħol ieħor bħala assistent personali jew xogħol ta' purchasing biss? Jikkonferma li hemm xi ħsieb li jiġi appuntat b'mod dirett mill-Bord tad-Diretturi bħala Procurement Manager? Jikkonferma vera li dan il-post ta' Procurement Manager inħoloq ġdid apposta? X'inhi l-proċedura fil-Korporazzjoni Enemalta biex jimtlew vakanzi interni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-konsulent tac-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta ġie mpjegat wara li l-Korporazzjoni għamlet talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex tkun tista' timpjega persuna bħala Konsulent Personali taċ-Chairman. It-talba kienet approvata fil-31 ta' Jannar tal-2001. Fil-fatt, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ issottomettiet lista bi tlitt kandidati kwalifikati li kienu qed jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru.
Il-kandidat magħżul, minbarra li huwa gradwat, għandu esperjenza estensiva fil-qasam ta' produzzjoni u xiri. Din it-taħlita ta' kapaċitajiet f'diversi oqsma hija l-aktar meħtieġa fil-Korporazzjoni, u għaldaqstant il-persuna ingħatat grad li huwa relatat ma' din il-pożizzjoni fuq bażi ta' kwalifiki u esperjenza. Il-persuna li ntagħżlet għal dan il-post għandha Baċellerat tax-Xjenza fil-Fiżika u l-Matematika, minbarra esperjenza vasta ta' l-fuq minn tletin sena fil-qasam ta' ippjanar, produzzjoni u xiri ta' tagħmir industrijali.
Fl-aħħarnett ta' min jinnota li dan huwa post maniġerjali u l-Enemalta għandha d-dmir li timpjega direttament persuni f'dan il-grad u għaldaqstant mhijiex marbuta li timla' postijiet f'dan il-livell billi tagħmel sejħa interna.