Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #32746 Sitting 722 2002-04-15 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bust ta' Re Ġorġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax il-bust ta' Re Ġorġ V jerġa' jmur lura fis-sit li kien fih - proprju fil-ġonna msemmija għalih u li ġew riabilitati u li x-xogħol ġie inawgurat proprju l-bieraħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat illi l-Bust tar-Re Ġorġ V għandu jibqa' fejn jinsab fil-preżent jiġifieri fil-Ġonna ta' San Anton. Informat li r-raġunijiet għalfejn dan għandu jibqa' hemmhekk huma illi ssirlu aktar ħsara jekk ikun ħdejn il-baħar.

Qagħad

Question

B'referenza għall-każ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jirriżultax allura li l-għajnuna għall-qagħad tintilef anke meta l-kap tal-familja jibda jaħdem part-time u l-konjuġi tibqa ma taħdimx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bl-eżitu tal-każ tagħha.

Housing — Appartamenti tal-Gvern

Question

Hemm xi żviluppi dwar il-materja mressqa f'PQ 30004 u cioe, jista' jgħid fir-rigward tal-fond 3 Triq l-Ifran il-Belt:- 1) x'possibilta' hemm li jiġi nstallat lift fis- shaft tal- block ? 2) jista' d-Dipartiment tal-Bini u tiswija ta' djar jieħu ħsieb li jitnaddfu l-kolonni li hemm fuq l-għatba tal-bieb ta' barra, peress li dawn huma maħmuġin ħafna bid-dħaħen tal-karozzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li biex isir lift fix-xaft ta' wara t-tromba tat-taraġ tal-post indikat hemm żewġ problemi prinċipali: 1. fix-xaft hemm twieqi ta' terzi li jkollhom jiġu mbarrati; u 2. taħt ix-xaft u t-tromba hemm uffiċċju u dan jikkawża problema strutturali. Ninsab infurmat li, b'dankollu, dawn il-problemi għadhom qed jiġu nvestigati flimkien ma l-awtoritajiet konċernati u l-persuni li jiġu effettwati kieku kellu jiġi nstallat il-lift. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret irriżulta li l-faċċata indikata ma fihiex ħsara u għalhekk mhux il-każ li jintervjeni d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.

Housing — Akkomodazzjoni Alternattiva

Question

Għaliex id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali qed ikompli bid-deċiżjoni ta' żgumbrament fiż-żewġ każijiet imsemmija meta l-inkwilini qegħdin jokkupaw dawn il-postijiet konċernati: R.O. 17/96 R.O. 224/99

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi fiż-żewġ każi, kienu l-inkwilini stess li ma mxewx ma l-obbligazzjonijiet taghhom dwar il-kirja, u għalhekk id-dipartiment qed jiżgumbrahom.

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax il-korporazzjoni Enemalta tinstallax mill-aktar fis 3 phase fil-proġetti li fihom qed jiġu stallati l-lifts fl-appartamenti tal-gvern mill-awtorita' tad-djar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ biex titwassal il-provvista ta' l-elettriku f'appartamenti tal-Gvern fejn qed jiġu installati lifts għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.

Kiri ta' Fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-fond bl-indirizz 45, St Publius Street, Floriana hu vojt u hu bieb ma' bieb mal-Knisja Parrokjali ta' San Publju, tistax tiġi kkunsidrata t-talba tal-kumitat Festa San Publju sabiex dan il-fond jiġi mikri lil din l-għaqda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern bħalissa qed tikkunsidra l-aħjar użu li jista` jsir mill-Fond 45 Triq San Publiju l-Furjana. Sadanittant it-Taqsima għadha ma rċeviet l-ebda talba għall-istess post mill-Kumitat Festa San Publiju.

Bini u Tiswija ta' Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment Bini u Tiswija ta' Djar jieħux miżuri anke short-term sabiex itejjeb il-kwalita ta' Triq l-Ibjar il-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar qed jikkordina mal-Kunsill Lokali tal-Belt biex hekk kif jitlestew is-servizzi ta' dawl, ilma u drenaġġ lill-appartamenti ġodda issir it-triq u l-bankini ġodda ta' Triq l-Ibjar, Triq Sant' Ursola u Triq San Nikola madwar il-blokk il-ġdid.

Sur Santa Barbara

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jitranġa ġebel li jinsab fi stat ħażin f'Sur Santa Barbara kantuniera ma' Triq il-Lvant, il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li huwa proġettat li t-Taqsima tar-Restawr ser tagħmel xogħol ta’ restawr fuq is-swar ta’ Santa Barbara fid-dintorni ta’ Victoria Gate aktar tard din is-sena. Dan ix-xogħol ser ikun wieħed mill-proġetti ta’ restawr fuq is-swar tal-Belt li qegħdin jiġu ppjanati bħala parti minn programm ta’ ‘Rescue Interventions’ fuq il-fortifikazzjonijiet.
Leg 9 PQ #32357 Sitting 716 2002-03-18 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Rodent Section

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax ir-rodent section tieħu ħsieb infestazzjoni ta' ġrieden fi i) Triq l-Ibjar il-Belt ii) Triq Dun Ġorġ Preca kantuniera ma' Triq Mountbatten il-Blata l-Bajda l-Ħamrun fejn kien hemm il-WSSA fil-Binja tal-Isqof?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li matul din is-sena id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċieva l-ebda lment mit-toroq indikati fil-Mistoqsija. Fid-dawl ta' l-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant inniffsu, fil-jiem li għaddew ħaddiema mis-Sezzjoni tal-Pest Control għamlu trattament intensiv ta' tqegħid ta' velenu f'dawn it-toroq.

Valletta — Triq il-Lvant

Question

Jista' l-Ministru jgħid jinstgħux jinżabru s-siġar fi Triq il-Lvant Valletta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li s-siġar taż-żebbuġ fi Triq il-Lvant, Valletta, m'għandhomx bżonn taż-żabra, iżda żabra korrettiva ssir skond il-bżonn, f'każ li jkunu ta' nkonvenjent għall-pubbliku. Saret żabra tas-siġar tal-Ficus fit-triq imsemmija, ħdejn id-daħla tal-ġnien tal-Barrakka ta' Isfel.

Suq tal-Belt — Skart

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nfurzat li meta l-iskart tas-suq tal-Belt jintrema' ma jaqax ditch li hemm fi Triq Teatru l-Antik kantuniera ma' Triq San Pawl, il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Palramentari numru 31692 (Seduta 702).
Leg 9 PQ #32419 Sitting 716 2002-03-18 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Gradwati — Study Leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il gradwat fil-mediċina jew post graduate ingħata study leave without pay u għal kemm żmien sena b'sena mill-1998 żil hawn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta` gradwati/postgraduates fil-Mediċina li ngħataw study leave without pay mill-1998 'l hawn huwa kif ġej: Sena Numru 1998 10 1999 7 2000 9 2001 7 2002 (s'issa) 2 Dan l-istudy leave without pay jingħata għal sena fuq talba ta` gradwati/postgraduates. Dan jista` jiġġedded minn sena għall-oħra skond kriterji stabbiliti f'ċirkularijiet li jinħarġu minn żmien għal żmien. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi każ partikolari jagħmel id-domanda speċifika u nkun nista` nirrispondi b'aktar dettalji.
Leg 9 PQ #32296 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Inċidenti Vjolenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti vjolenti fi skejjel sekondarji fl-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Kollega għat-tagħrif mogħti fil-PQ numru 30165 u li kienet tittratta l-istess suġġett.
Leg 9 PQ #32297 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Inċidenti Vjolenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra studenti li kienu involuti f'inċidenti vjolenti fi skejjel sekondarji u post-sekondarju fl-aħħar ħames snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ttieħdu l-passi dixxiplinari skond il-merti ta' kull każ.
Leg 9 PQ #32298 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Protezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux talbiet għall-protezzjoni ta' għalliema u studenti minħabba xi inċidenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni ta' ħarsien u sigurta` fl-iskejjel hi waħda li tingħata ħafna importanza sew mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll mill-Kapijiet ta' l-Iskejjel. F'kull inċident ittieħdu l-passi meħtieġa biex tingħata l-għajnuna kollha possibbli fiċ-ċirkostanzi ta' kull każ.

Awtorita' tad-Djar — Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm dwar l-istallazzjoni ta' lifts mill-Awtorita' tad-Djar f':- 1) 18 Triq il-Punent Valletta 2) 68 Triq San Tumas Floriana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fiż-żewġ postijiet indikata jidher li t-tromba tat-taraġ hi dejqa wisq biex takkomoda lift. Fil-każ ta' 68, Triq San Tumas, l-Awtorita' tad-Djar għamlet talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex tara jekk hux possibbli li tittieħed parti mill-bitħa tal-ħwienet li jmissu mal-blokk biex tintuża għall-lift. Fil-każ ta' 18, Triq il-Punent, għadhom qed jiżu nvestigati possibilitajiet oħra biex jiġi nstallat il-lift.

Pulizija — Investigazzjoni fuq Qtil

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'riferenza għal dak li ġie ppubblikat fl-aħħar ħarġa ta' Malta Today, hemm xi żviluppi fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-accountant Mr Lino Cauchi li għeb fil-15/2/1982 - għoxrin sena ilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar xhur, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li xeħtet aktar dawl fuq l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ. Insegwitu ta` din l-informazzjoni ġew arrestati u interrogati diversi persuni. Dawn il-persuni anke taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat Inkwirenti. Il-Pulizija għadha issegwi din l-investigazzjoni b`mod attiv. Stante li din l-investigazzjoni, li hija ukoll suġġett ta` Inkjest Maġisterjali, għad mhix konkluża, ma nħossx li huwa prudenti li wieħed jikkumenta iktar dwar dan il-każ, ħlief li l-Pulizija qed tagħmel minn kollox sabiex min wettaq dar-reat jirrispondi għal għemilu.
Leg 9 PQ #32241 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex persuni b'amputazzjoni ta' riġel ma' ġewx avżati sabiex ma jattendux l-outpatients nhar it-Tnejn 4 ta' Marzu 2002 peress li l-lifts kollha ma kienux qed jiffunżjonaw?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-lifts ta` l-Outpatients fl-4 ta` Marzu li għadda ġarrbu ħsarat u kienu weqfin għal ftit hin. Din il-ħsara ġiet irranġata minnufih.

Elezzjonijiet Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-Belt Valletta jistgħux il-ħwienet fil-viċinanzi tal-polling booths jitħallew jiftħu xorta waħda jekk ikun hemm qbil bejn il-partiti/kandidati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huwa regolat b`Kapitolu 363 tal-Liġijiet ta` Malta u deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jittieħdu biss mill-Kummissjoni Elettorali.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed ngħaddi separatament tiġi nfurmata meta se tirċievi l-ewwel pensjoni sħiħa tagħha wara li għalqet 61 sena fid-19/1/2002 u hemm se tkun din il-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.