Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-pjanijiet għall-istallazzjoni ta' lift f'3 Ordinance Street, il-Belt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet il-permess għall-installazzjoni tal-lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant. L-Awtorita' tad-Djar issa qed tipprepara d-dokumenti meħtieġa biex tinħareġ l-offerta dwar dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 32742 cioe jista' l-Ministru jgħid jistgħux il-pitturi ta' Mattia Preti li kienu fil-kappella ta' Saria fil-Floriana jerġgħu jitpoġġew fl-istess post la jitlesta x-xogħol ta' restawr? Meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Mużew ta' l-Arti tlesta r-restawr tal-pittura 'San Bastjan' ta' Mattia Preti. Din il-pittura kienet ittieħdet mill-knisja ta' Sarria xi snin ilu u issa qegħdin jittieħdu passi biex terġa titpoġġa lura f'postha. Dan isir meta jkun aċċertat li l-ħajt fejn irid jitpoġġa lura l-inkwadru ma jippreżentax possibilta` ta' dannu lejn il-pittura.
Jista' l-Ministru jgħid peress li fi Triq Mile End Ħamrun hemm ħafna uffiċċini tista' l-awtorita' ta' l-ippjanar tieħu ħsieb tinforza dwar faċilitajiet ta' parking ta' vetturi?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega x`irid ifisser bit-terminu "tinforza dwar faċilitajiet ta` parking ta` vetturi". Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta` l-Onor. Interpellant li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandiex is-setgħa li tinforza l-liġijiet tat-traffiku.
Jista' l-Ministru jgħid fl-iskola primarja Dun Frans Camilleri kemm-il tifel/tifla se jersqu għall-common entrance examination għal form 1, klassi, klassi?
Kemm hu ġa magħruf li se jirepetu s-sena?
Meta ġew infurmati l-ġenituri dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li t-tfal li jersqu għall-eżami tal-Common Entrance jagħmlu dan indipendentament u mhux permezz ta' l-iskola li jattendu, iżda billi japplikaw direttament fl-iskejjel tal-Knisja konċernati, l-iskejjel ma jkollhomx dan it-tagħrif.
Għad mhux possibbli tingħata risposta għat-tieni parti tad-domanda peress li l-istudenti japplikaw biex jirrepetu wara li jkun magħruf ir-riżultat ta' l-eżami tal-Junior Lyceum u l-Common Entrance Examination.
Informat ukoll li huma l-ġenituri nfushom li jagħmlu t- talba biex uliedhom jirrepetu.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-liġi dwar is-saħħa fuq il-post tax-xogħol jista' jsir mezz biex il-ħaddiema tal-Monti fi Triq Merkanti l-Belt jaħdmu f'ambjent nadif billi t-triq tinħasel kuljum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'fibrosing alveolitits f'pajjiżna?
Peress li qed jiġi ssuġġerit lilhom lung transplant li barra minn pajjiżna hija operazzjoni għolja wisq minħabba t-trasport bl-ajru bl-użu ta' ajruplan-ambulanza jista' jiġi kkunsidrat li operazzjoni simili ssir f'pajjiżna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru, issa li saru l-elezzjonijiet tas-sindki u l-viċi sindki fil-lokalitajiet fejn saru l-elezzjonijiet tad-9 ta' Marzu li għadda jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa u aġġornata tas-sindki u l-viċi sindki kollha ta' Malta u Għawdex u fejn dawn jistgħu jkunu kkuntattjati?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-elezzjonijiet lokali tad-9 ta' Marzu li għadda jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' kunsillieri f'kull lokalita' fejn saru dawn l-elezzjonijiet fl-1996, 1999 u 2002; in-numru ta' kandidati li kkontestaw f'kull lokalita' f'dawn l-elezzjonijiet fl-istess snin, in-numru ta' votanti eliġibbli f'kull elezzjoni u l-voti mitfugħa f'kull elezzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membu rigward elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fl-1996, 1999 u 2002 tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li l-kunsilli lokali kienu infurmati bl-allokazzjoni tagħhom għal din is-sena, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif dwar l-allokazzjoni lil kull kunsill lokali u kif din hi maqsuma?
Issa li saru magħrufa l-allokazzjonijiet tal-kunsilli lokali għal din is-sena, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-allokazzjoni għal kull sena lil kunsill lokali mit-twaqqif tagħhom 'il hawn?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif dwar it-total ta' nies jirreġistraw għal impjieg f'kull lokalita fl-aħħar tas-sena li għaddiet u fl-aħħar ta' Marzu li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni dwar it-total ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel u t-Tieni Parti tar-Reġistru, f'Diċembru 2001 u f'Marzu 2002.
B'riferena għall-interpellanza nru. 14326, jista' l-Ministru jżid il-lista ta' delitti, solvuti u mhux, mis-17 ta' Frar 2000 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika miżmuma mill-Pulizija dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija jinnotaw każ bħala 'solved' meta tiġi magħrufa l-identita` tal-persuna jew persuni li jkunu ikkommettew ir-reat. B`danakollu, il-Pulizija jkomplu jsegwu l-każ u jinvestigaw jekk ikun hemm żviluppi li jindikaw din il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti, skond il-lokalitajiet, għal akkomodazzjoni soċjali sa l-aħħar tas-sena li għaddiet u sa l-aħħar ta' Marzu li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli l-persuna taħt indikata jkollu l-kera mdawra fuqu wara li mietet ommu f'Awissu 1999 u li bħala ġuvni dejjem baqa' joqgħod fl-istess fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-embellishment li sewa mal-Lm 150,000 f'Ġnien Re Ġorġ V fil-Floriana li ġie inawgurat minnek il-bieraħ, jista' d-dipartiment jittraferixxi persuna biex jieħu ħsieb li dan ix-xogħol ma jisfax il-mira ta' vandali matul il-ġimgħa kollha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31692 (Seduta 702).
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux il-pitturi ta' Mattia Preti li kienu fil-kappella ta' Saria fil-Floriana jerġgħu jitpoġġew fl-istess post la jitlesta x-xogħol ta' restawr? Meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana kien responsabbli għal restawr ta' waħda mill-pitturi ta' Mattia Preti fil-Knisja ta' Sarria. Dan ix-xogħol kien sar fiż-żmien stipulat, jiġifieri sitt xhur, u l-pittura reġgħet tqiegħdet f'postha. Il-pittura l-oħra ta' Mattia Preti kienet ittieħdet mid-Dipartiment tal-Mużew għal restawr, għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għal PQ 32441 hemm żviluppi dwar il-kwistjoni li l-maħżen jgħaddi f'idejn il-kumitat festa San Publju l-Floriana stess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern għadha qed tikkunsidra l-aħjar użu li jista` jsir mill-Fond 45 Triq San Publiju l-Furjana.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-kunsill lokali jimpjega (I) security (II) Ġardinara sabiex jieħdu ħsieb ġonna fl-lokalita' tagħhom? Liema huma? Kemm jimpjegaw f'kull każ u kemm jirċievu għajnuna finanzjarja l-kunsill lokali rispettivi?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid dwar l-istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern, hemm żviluppi fil-każ ta':
i) blk 1 A Triq il-Fosos Floriana
ii) 68 Triq San Tumas Floriana
iii) 2 Triq Melita Valletta
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-installazzjoni ta' lift f'68, Triq San Tumas, Floriana, ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għadha qed tistenna risposta mid-Dipartiment ta' l-Artijiet dwar it-talba għall-permess biex tinbena l-istruttura meħtieġa fil-bitħa tal-ħwienet li hemm taħt dan l-appartament.
Anki fil-każ ta' 2, Triq Melita, l-Belt, qed tiżi esplorata l-possibilita' li l-istruttura tal-lift tinbena fil-bitħa nterna ta' proprjeta' li tinsab taħt l-appartament in kwistjoni. L-istess jista' jingħad dwar l-istallar ta' lift fi Blokk 1A Triq il-Foss, Floriana, peress li d-daqs tat-tromba tat-taraġ eżistenti hu limitat.