Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid dwar liema appartamenti tal-Gvern fil-Floriana u fil-Belt f'xi żmien kien intqal li l-inkwilini se jgawdu mill-Iskema V u wara ġiet mibdula d-deċiżjoni? Għaliex ġara dan każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 34952 f'din l-istess Seduta, ninfurmah li l-applikazzjonijiet għall-installar ta' lifts fi blokki tal-Gvern jiġu kkunsidrati kollha iżda ovvjament mhux dejjem possibbli tinsab soluzzjoni adekwata partikolarment dwar problemi tekniċi. Għalhekk mhux il-każ li wieħed jgħid li l-inkwilini b'xi mod ġew mgħarrfa li se jgawdu minn din l-iskema u wara tinbidel din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet sabiex jinfetaħ il-water gutter tas-suq tal-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-'Gutter' tal-ġnub tas-saqaf tas-Suq tal-Belt tlesta u x-xogħol li fadal jikkonsisti fi twaħħil ta' l-istess 'Gutter'.Qed isiru arranġamenti sabiex dan jitwaħħal mill-aktar fis possibbli. Barra dan ix-xogħol ser issir ukoll manutenzjoni tas-saqaf.
Jista' l-Ministru jgħid la l-ambaxxata Ingliża ma tibqax topera mill-Furjana, jistgħux l-postijiet riżervati għall-karozzi tal-ħaddiema fl-istess ambaxxata jerġgħu jsiru pubbliċi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Furjana ser jieħdu l-passi meħtieġa biex postijiet li ma jibqgħux riservati għall-Ambaxxata Ingliża jiġu wżati bl-aktar mod vantaġġuż.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jinfetħu l-gates tal-cruiseliner terminal ix-Xatt ta' Pinto sabiex it-turisti jkunu aktar viċin ħwienet f'Xatt ta' Lascaris?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-operat tal-Cruise Terminal ġie mgħoddi lil Viset Consortium u l-Konsortju ddeċieda li minħabba miżuri ta' sigurta, 'Gates' 3 u 5 għandhom jinżammu magħluqa meta ma jkunx hemm cruise liners isorġu mal-moll ta ħdejhom. Iżda l- Konsortju avżana li meta l- cruise liners ikunu qed isorġu mal-moll ta' ħdejn dawn il-'gates', waħda minn dawn il-'gates' tkun miftuħa għan-nies li jkunu jridu joħorġu bil-mixi.
Jista' l-Ministru jgħid il-fond bl-indirizz ta' 39, Triq Marsamxett Valletta huwiex proprejta' tal-gvern? Jekk le, huwiex rekwiżizzjonat u jekk huwiex reġistrat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond Numru 39, Triq Marsamxett Valletta fil-fatt huwa proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid tistax l-awtorita' ta' l-ippjanar tinkludi l-Belt u l-Furjana mal-Kottonera bħalma ġara fl-avviż ta' qabel ta' l-aħħar dwar l-iskema għal tibdil ta' gallariji tal-injam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar evantwalment tikkonsidra li terġa` toħroġ skema għal finanzjament ta` manutenzjoni u bdil ta` gallariji ta` l-injam fil-Belt u l-Furjana.
Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem ukoll li l-Awtorita` għandha pressjoni minn residenti f'żoni oħra ta' konservazzjoni urbani li jixtiequ jibbenifikaw minn skemi bħal dawn. Għaldaqstant kull deċiżjoni ssir fid-dawl ta' dan kif ukoll fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji li jkollha l-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid peress li hemm pocket ta' ġrieden ħdejn il-breakwater 'l isfel minn Dar il-Meditterran fil-Belt, tistax tittieħed azzjoni dwar dan?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li area ndikata ħdejn il-breakwater 'l isfel minn Dar il-Mediterran fil-Belt ġiet spezzjonata llum id-9 ta` Lulju 2002 minn uffiċjali tar-'Rodent Control' ta` l-istess Dipartiment u saru t-trattamenti neċessarji għal kontra l-ġrieden.
Ser jibqa` jiġi mqiegħed velenu fuq bażi regolari fil-lok indikat sakemm tiġi kkontrollata l-problema.
PQ Text:
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34059, jista' jgħid jekk hemmx żviluppi dwar it-talba skond
schedule 5
għall-mediċina COSAAR għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni hija ta` natura kunfidenzjali din ser tingħata direttament lill-pazjent.
PQ Text:
Jista' l-Ministru jgħid tistax il-persuna li d-dettalji u l-kunsens tagħha qed ngħaddi separatament tingħata priorita' fir-rigward ta'
bilateral knee replacement
?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni hija ta` natura kunfidenzjali din ser tingħata direttament lill-pazjent.
Jista' l-Ministru jgħid, persuna self-employed, part-time ma' kunsill lokali li d-dettalji qed ngħaddi separatament, se tiġi refunded peress li minħabba dħul baxx ma jiġborx VAT?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija ser titħallas lura l-ammont f'Lulju 2002.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew fostered/addottati tfal minn pajjiżi barranin sena b'sena f'dawn l-aħħar snin? Kemm minn kull pajjiż? Fir-rigward ta' tfal Russi li qed jgħixu ma' familji Maltin bħalissa, x'inhuma l-arranġamenti li ntlaħqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, l-awtoritajiet Russi reċentement infurmaw lill-Gvern Malti li fil-preżent mhux possibbli li jikkonkludu ftehim bilaterali ma' ebda pajjiż dwar adozzjonijiet. Ta min jgħid li ftehim bilaterali f'dan ir-rigward kien iservi biex jiffaċilita l-adozzjoni, iżda bl-ebda mod ma kien ifisser tibdil fil-proċeduri legali li jridu jiġu segwiti fil-pajjiżi rispettivi.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jerġa' jkun hemm sejħa għal ingaġġ ta' rekluti ġodda fl-AFM?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34528
L-aħħar sejħa għal ingaġġ ta’ Suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta saret fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 17193 li ġġib id-data ta’ l-1 ta’ Frar 2002. Bħalissa qed isir il-proċess ta’ l-għażla u l-ingaġġ ta’ dawn is-suldati mistenni jsir aktar tard din is-sena.
Jien informat li sejħa oħra għall-applikazzjonijiet tiġi ppubblikata kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li agricultural field workers fis-servizz veterinarju li qed jagħmlu l-bovine ID tags jingħataw xi forma ta' danger money minħabba r-riskju li huma esposti għalih?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Agricultural Field Workers li qegħdin jagħmlu l-Bovine ID tags huma nies mħarrġa f'dan il-qasam u ilhom jagħmlu dan ix-xogħol żmien twil. Minbarra hekk it-tagging tal-bovini huwa parti mill-job description tagħhom.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb problema serja li hemm fil-bitħa f'183 Triq ir-Repubblika l-Belt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tiswija ta` servizzi f`partijiet komuni ta` proprjeta` residenzjali tal-Gvern hija r-responsabbilita` tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta` Djar fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jaghmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.
Peress li Sqaq Żawni kantuniera ma' Triq Danny Cremona l-Ħamrun, reġa' ntela' b'injam, ħadid u bulky refuse ieħor li qed ikun sors ta' infezzjonijiet partikolarment għal residenti li joqogħdu tant viċin, tista' tittieħed azzjoni mmedjata fl-interess tas-saħħa pubblika?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għalkemm ma jirriżultax li hemm periklu mmedjat għas-Saħħa Pubblika, id-dipartiment ħa l-passi kollha li tagħtih l-liġi. Il-każ qiegħed sub judiċe u s-seduta li jmiss hija għat-30 ta` Lulju 2002.
Peress li kien sar rapport dwar 8 qtates ġo bitħa f'post li d-dettalji tiegħu qed ingħaddi separatament, ta' persuna li ma baqgħetx toqgħod hemm u baqgħu ma ttieħdux passi, jista' l-Ministru jgħid jistax isir mezz li bih dawk li għadhom joqgħodu fl-appartamenti ma jibqgħux f'sitwazzjoni insoportabbli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li jirriżulta li l-post għadu mhux battal id-Dipartiment avża lis-sid biex ineħħi l-inkonvinjent.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jonqsu l-postijiet riżervati għall-parkeġġ ta' ħaddiema fid-dipartiment tal-foreign affairs minħabba diffikultajiet li jsibu residenti fil-viċin?
Response (BORG, JOE)
Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jiddisponi b'kollox minn seba' postijiet li huma riżervati għall-parkeġġ ta' karrozzi uffiċċjali tal-Ministeru fi Triq Merkanti. Dawn is-seba' karrozzi ma jikkostitwux il-flotta kollha tal-vetturi uffiċċjali tal-Ministeru. Ta' min isemmi wkoll li dawn il-postijiet huma riżervati biss għal waqt il-ħinijiet ta' l-uffiċċju. F'dawn iċ-ċirkustanzi s-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Membru mhux fattibbli.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li jonqsu l-postijiet riżervati għall-parkeġġ ta' ħaddiema fid-dipartiment tas-saħħa minħabba diffikultajiet li jsibu residenti fil-viċin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega għal liema parkeġġ u għal liema residenti qed jirreferi.