Peress li triq Marina fil-Pieta` hi arterial road, xogħlijiet fuq il-bankina tagħha jsir mill-gvern ċentrali? Jekk fl-affermattiv, jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda dan ix-xogħol tant meħtieġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minħabba li Triq Marina hija triq arterjali, ix-xogħol ta' bankini jaqa taħt id-Direttorat għat-Toroq. Id-Direttorat se jispezjona t-triq imsemmija biex jara x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru.
Peress li reġa` qed ikun hemm intejjen ħerġin minn sprall fi Triq ix-Xatt f’Tal-Pieta` (fejn numru 46), jista` il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tad-drenaġġ jistax jagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara stħarriġ li sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ, instabet ħsara f'manhole li qed tiġi msewwija.
Jista' il-Ministru jgħid tistax art tal-uffiċju konġunt fi triq il-Kappillan Mifsud, kantuniera ma’ Misraħ il-Barrieri St. Vernera tiġi mnaddfa sew, peress li saret bejta għall-ġrieden hu ta’ inkonvenjent kbir għal min joqgħod fl-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-Ufficcju Kongunt ghandu bini dilapidat u gardina li tmiss mieghu fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Peress li parti mill-bini waqa u ghalaq l-uniku access ghal gardina din allura ma ghadix accesibbli biex titnaddaf minhabba l-fatt ukoll li hija mdawra bil-bini. Madankollu d-Dipartiment se jara x'jista jaghmel biex jnehhi l-inkonvenjent.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu f'din il-leġislatura għal dawn il-proġetti fil-Furjana, każ b'każ:
i) tindif u tibjid tal-loġoġ mid-dipartiment tal-bini u tiswija ta' djar
ii) riabilitazzjoni tad-dar ta' l-anzjani
iii) embellishment madwar il-housing estate a) Triq il-Foss u b) f'Binja Vilhena mid-dipartiment tal-bini u tiswija ta' djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jiswew il-proġetti tar-restawr :
i) tal-Bombi fil-Furjana
ii) tal-Barrakka t'Isfel fil-Belt
iii) tal-ġonna ta' Hastings fil-Belt?
Meta huma maħsuba li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett ta' restawr tal-Bombi fil-Furjana huwa maħsub li jiswa madwar Lm40,000 u mistenni jitlesta sa Marzu 2003. Il-Ġnien tal-Barrakka t'Isfel huwa stmat li jiswa Lm90,000 u x-xogħol huwa maħsub li jitlesta sa Marzu 2003. Rigward il-ġnien ta' Hastings, ix-xogħol mistenni jitlesta sa Diċembru 2002 u huwa stmat li jiswa madwar Lm25,000.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-korporazzjoni Enemalta tivverifika biss jekk ċilindri tal-gass ikunu qed jillikjaw meta rapport isir minn min ikun qed juża dak/dawk iċ-ċilindru/i?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kull ċilindru vojt tal-gass li jiġi ritornat mid-distributur, jiġi iċċekkjat viżwalment u dawk li jinstabu f'kundizzjoni mhux aċċettabbli jitwarrbu miċ-ċirkulazzjoni u jiġu skrappjati.
Iċ-ċilindri li jkunu f'kundizzjoni tajba, wara li jimtlew, jgħaddu kollha minn ġo testing tank biex jiġi żgurat li ma hemm ebda leakage. Kull distributur jiffirma dikjarazzjoni li ċ-ċilindri li qed jirċievi huma f'kundizzjoni tajba.
Id-Diviżjoni tal-Gass għandha servizz ta' Customer Service fuq medda ta' erbgħa u għoxrin siegħa biex tivverifika ilmenti li tirċievi mingħand il-konsumatur.
Jista' il-Ministru jgħid jistax jiġi organizzat li siġar u xtieli li hemm f'postijiet pubbliċi, fosthom proġetti ta' toroq ġodda, jiġu msaqqa bl-ilma b'mod regolari partikolarment fix-xhur sħan tas-sajf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li siġar u xtieli li hemm f'postijiet pubbliċi jissaqqew regolarment skond il-programm tax-xogħol.
B’riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 35147 u l-lista ta’ għaxar applikazzjonijiet mill-Furjana u ħmistax mill-Belt li għad ma nstabitx soluzzjoni biex jiġi stallat il-lift, jista’ jingħad fid-dettall id-diffikultajiet x’inhuma f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista` il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta’ għoti ta’ tarmak fi Triq il-Kapuċċini l-Furjana (triq li hi arterial road)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi t-Triq hija asfaltata u tinsab f'kundizzjoni aċċettabbli. Għalissa m'hemmx ħsieb li jsir xogħol ġdid fuq din it-triq, għalkemm hemm talba dwar dan mill-Kunsill Lokali Floriana.
Jista' il-Ministru jgħid tistax il-Maltacom tieħu ħsieb li jitneħħew wires bla użu f'Naxxar Road San Gwann ħdejn id-dar li l-isem tagħha qed nagħddi separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-ġimgħat li ġejjin il-Maltacom se tagħmel il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-cables tat-telefon li hemm ħdejn id-dar li qed issir riferenza għaliha. Uħud mill-cables li deħlin f'żewġ distribution points li hemm fuq din ir-residenza, ser jitpoġġew f'mod aktar ordinat.
Jista' il-Ministru jgħid dwar l-istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern hemmx żviluppi dwar dawn:
i) 7/7 Pjazza Mattia Preti Valletta
ii) 2 Melita Street Valletta
iii) Blokk A2 Housing Estate Pieta'
iv) 16 Kapuccini Street Floriana
v) 46 Triq Sant' Anna Floriana
vi) 36 Triq Sant' Anna Floriana
vii) Blokk 1A Triq il-Fossos Floriana
viii) 71 Triq il-Miratur Floriana
ix) 41 Triq il-Miratur Floriana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma nstabitx soluzzjoni kif jista' jiġi akkomodat lift f'dawn il-postijiet:
36 Triq Sant' Anna, Floriana
71 Triq il-Miratur, Floriana
2 Triq Melita, Valletta
Dwar 46, Triq Sant' Anna, Floriana qed jiġi mistħarreġ jekk hux possibbli jiġi akkomodat platform lift fl-ispazju limitat tat-tromba tat-taraġ.
Fi blokk 3, Pjazza Mattia Preti, Valletta, hemm possibilita' li jiġi nstallat lift fil-bitħa użata minn terzi kemm il-darba jingħata permess biex dan isir minn dawn it-terzi.
Dwar blokk A2, Pieta', ġie mitlub il-permess mingħand il-persuni li qed jikru l-garaxxijiet li jinstabu taħt it-tromba tat-taraġ biex jinbena l-pedament tal-lift.
It-tender għall-lift f'numru 41, Triq il-Miratur, Floriana, ħarġet u għandha tingħata f'qasir żmien.
It-tenders għall-lifts f'16, Triq il-Kapuċċini u f'blokk 1A, Triq il-Foss, Floriana, qed jiġu preparati u għandhom joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid peress li kemm ilu li t-trasport pubbliku ma jgħaddix minn Triq Sant'Anna Floriana, persuni b'diżabilita'/anzjani mill-Furjana jkollhom jimxu distanza itwal, jista' għal inqas b'mod infrekwenti iżda regolari, tgħaddi xarabank minn Triq Sant'Anna, Floriana?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li dan is-suġġett kien diskuss diversi drabi anke' mal-Kunsill Lokali. Il-problema tinqala meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi liema rotta se tgħaddi minn Triq Sant'Anna.
Fil-każ ta' persuni li jkunu deħlin il-Belt ma' tistax tiddiskrimina u tgħaddi rotta waħda biss. Meta l-Awtorita' ssuġeriet xi tibdil għar-rotta partikolari, il-Kunsill Lokali ma laqax dawn is-suġġeriment.
Jista' il-Ministru jgħid issa li qed tiftaħ regolarment l-għassa tal-pulizija fil-Furjana, jistgħu jsiru arranġamenti sabiex dan is-servizz jibqa' jingħata? Meta hu maħsub li tiġi inawgurata l-għassa tal-pulizija f'Tal-Pieta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed isir kull sforz sabiex l-Għassa tal-Furjana tibqa` tinżamm miftuħa regolarment, pero` dan mhux dejjem ikun possibli minħabba il-'commitments' kbar li jiffaċċja l-Korp tal-Pulizija.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Korp tal-Pulizija qed jagħmel minn kollox sabiex ikollu għassa tal-Pulizija f`tal-Pieta`. Fil-fatt, il-Kunsill Lokali tal-Pieta` kera post u ser jgħaddi parti minnu lill-Korp tal-Pulizija sabiex tintuża bħala għassa. Minħabba l-fatt li huwa neċessarju li jsiru xi alterazzjonijiet strutturali, diġa` qed tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex jinkisbu l-permessi neċessarji mill-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid f'hiex wasal il-proċess tal-għoti tat-tender dwar sistema microwave għall-eliminazzjoni ta' l-iskart fl-Isptar San Luqa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta' aġġudikazzjoni ta' din is-sejħa għall-offerti rriżulta wieħed tassew diffiċli. Jidher li issa dan il-proċess qorob biex jitlesta u d-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti qed jistenna li fi żmien qasir tasallu mingħand il-Ministeru tas-Sahha ir-rakkomandazzjoni finali biex tiġi riferita lill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għall-approvazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol ta' restawr fuq il-funtana ta' l-iljun f'pjazza Sant'Anna Floriana? Kemm ilu ma jsir xogħol simili? X'xogħlijiet huma maħsuba li jsiru? Min se jagħmilhom? Kemm hu stmat li jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta ser jirrestawra żewġ funtani, dik ta' l-Ajkla fil-Mall u wara dik ta' l-Iljun fi Pjazza Sant'Anna. Ix-xogħol fuq il-funtana ta' l-Ajkla ser jibda f'dawn il-ġranet u se jsir bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Din il-funtana tinstab fi stat ħażin ħafna u hija biċċa xogħol iebsa ħafna. Ix-xogħol fuq il-funtana ta' l-Iljun għandu jibda wara li jitlesta dik fuq il-funtana ta' l-Ajkla. Bħalissa għadhom qed isiru l-preparamenti u testijiet meħtieġa.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 34952 mid-59 applikazzjoni għal skema V fil-Belt u fil-Floriana:
i) kemm minnhom ġew aċċettati? Liema minnhom kienu jeħtieġu xogħlijiet strutturali estensivi? Kemm swew f'kull każ?
ii) Kemm minnhom ma ġewx aċċettati? Liema huma? Għal liema raġuni f'kull każ?
iii) Kemm minnhom għadhom pendenti? Liema huma? F'liema stadju qegħdin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ġew installati u qed jintużaw 5 lifts fil-Furjana u 4 fil-Belt. Dawn il-lifts swew madwar Lm112,000.
Inħarġu jew qegħdin f'fażijiet differenti ta' preparazzjoni tenders dwar lifts fi 8 blokki fil-Furjana u f'14-il blokk fil-Belt. L-ammont kemm jiswew dawn il-lifts ikun magħruf wara li jingħataw it-tenders. Il-prezz ta' kull lift ivarja skond l-kobor tiegħu u l-għoli li jkun meħtieġ jitla kif ukoll ix-xogħol strutturali li jkun hemm bżonn isir. Peress li fl-ebda blokk ma kien hemm maħsub minn qabel li ser jiġi nstallat lift kull każ jinvolvi xi xogħol strutturali.
Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 10 applikazzjonijiet mill-Furjana u 15 mill-Belt fejn, wara spezzjonijiet li saru, għad ma nstabitx soluzzjoni kif jista' jiġi nstallat lift adekwat biex jaqdi lir-residenti li jgħixu fil-blokki rispettivi.
Mit-total ta' 59 applikazzjoni għall-installar ta' lifts fil-Belt u l-Furjana kien hemm applikazzjoni waħda mir-residenti fi blokk fil-Furjana li ġiet irtirata mill-applikanti stess, filwaqt li żewġ applikazzjonijiet minn residenti fi blokki fil-Belt ma ġewx aċċettati għax ma kienux jissodisfaw il-kriterji ta' l-iskema V.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella b'aktar dettalji dwar l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid ir-rappreżentanti Maltin fil-konvenzjoni dwar il-futur tal-UE, kemm qed jipparteċipaw f'kull sessjoni, huma u r-riżervi tagħhom, każ b'każ, sessjoni, sessjoni? Hemmx working groups u liema mir-rappreżentanti Maltin qed jipparteċipaw fihom, grupp, grupp?
Response (BORG, JOE)
Ir-rappreżentanti Maltin fil-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea huma kif ġej hawn taħt:
L-Onorevoli Dr Michael Frendo u r-riżerva hija l-Onorevoli Dolores Cristina;
L-Onorevoli Dr Alfred Sant u r-riżerva huwa l-Onorevoli Dr George Vella;
Ir-rappreżentant tal-Gvern huwa r-Reverendu Prof Peter Serracino Inglott u r-riżerva huwa s-Sur John Inguanez
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista fejn turi l-attendenzi sa issa fis-Sessjonijiet Plenarji.
L-Onorevoli Dr Michael Fendo jattendi Working Group dwar Complementary Competencies filwaqt li l-Onorevoli Dolores Cristina kif ukoll is-Sur John Inguanez jattendu Working Group dwar The Role of National Parliaments. Ir-Reverendu Prof Peter Serracino Inglott qed jalterna mas-Sur John Inguanez fil-Working Group dwar is-Sussidjarita.