Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jinstab mezz li fi Triq San Tumas Floriana fejn l-iskola tal-gvern, tibda ssir ronda tal-Pulizija sabiex ma jibqgħux jinstabu siringi użati filgħodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija żiedet ir-ronda tagħha fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Sptar San Luqa — Persuni b'diżabilita' u l-familjari/kju
Question
L-ispiżerija tal-outpatients fl-isptar SanLuqa għaliex ma baqgħetx toffri l-opportunita' li persuni b'diżabilita' jew il-familjari tagħhom ikollhom dritt joqgħodu fi queue għalihom speċifikament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-kju separat fl-Out Patients għall-persuni b'diżabilita' jew għall-familjari tagħhom qatt ma ġie mneħħi. Anzi dan l-aħħar is-servizzi tjiebu billi żewġ receptionists ġew inkarigati biex jaqdu w jiggwidaw 'il-pazjenti fl-ispiżerija minn fejn iridu jiġbru l-mediċina tagħhom speċifikament.
Meta se jinbiegħu l-ħwienet tal-Joint Office fil-Belt Valletta?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Konġunt ma għandux skemi jew policies partikolari għal bejgħ ta` ħwienet fil-Belt Valletta.
Meta ħanut ikun vojt jew inkella l-kerrej jitlob li jixtri l-ħanut minnu okkupat, id-Dipartiment jikkunsidra jekk joħroġx sejħa għall-offerti skond il-policy dwar proprjeta` tal-Gvern li mhix residenzjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm dipartimenti tal-gvern u aġenziji fi ħdanu li qed jimpjegaw persuni b'diżabilita' anqas milli tipprovdi l-liġi? Meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki li f'dawn l-aħħar xhur żiedu l-ammont ta' prodotti esportati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn statistika miżmuma fl-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, jirriżulta li minn paragun li sar bejn is-sitt xhur minn April sa Settembru ta' din is-sena u l-istess perjodu tas-sena ta' qabel, minn total ta' 193 fabbrika fis-settur tal-manifattura li jesportaw il-prodotti tagħhom, 83 minnhom, jiġifieri tlieta u erbgħin fil-mija, żiedu l-ammont ta' prodotti esportati. Tajjeb jingħad li dan il-paragun ma jinkludix l-esportazzjoni ta' prodotti primarji tal-biedja.
Kemm ġew irtirati reserved parking bays għal persuni b'diżabilita', sena b'sena, lokalita' b' lokalita', fis-snin li għaddew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ebda entita' fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, inkluż il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', ma hi responsabbli biex tirtira xi reserved parking lill-persuni b'diżabilita'. Is-Servizz ta' Reserved Parking jingħata mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku u għalhekk din il-Mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru konċernat.
Jistgħu residenti li joqodu fil-viċinanzi ta' l-isptar San Luqa iżda mhux neċessarjament f'Tal-Pieta' (eż. Ħamrun partikolarment Blata l-Bajda), jingħataw il-possibilita' li jiġbru l-mediċini mill-ispiżerija tal-isptar San Luqa stess?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji li ma osservawx ir-regolamenti tal-MFSC f'dawn l -aħħar snin, sena b'sena, regolament b'regolament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MFSA bħala l-awtorita kompetenti, tamminjistra diversi liġijiet u regolamenti fis-settur finanzjarju u tilliċenzja diversi persuni u entitajiet taħt dawn il-liġijiet. L-MFSA għandha responsabbilita' wkoll għar-reġistru tal-kumpanniji. Fil-qadi tal-funzjonijiet tagħha l-MFSA tissorvelja l-operat ta dawk liċenzjati minnha u tiehu passi kull meta jkun hemm nuqqas ta osservanza ta xi provvediment tal-liġi jew ta xi kundizzjoni ta liċenzja. Ir-Reġistratur tal-Kumpanniji fi ħdan l-MFSA jimponi wkoll dawk il-penalitajiet kontemplati għal nuqqasijiet taħt l-Att ta' l-1995 dwar il-Kumpanniji. Peress li l-provvedimenti tal-liġijiet u regolamenti tal-liġijiet u regolamenti in kwistjoni huma kumplessi u f'numru kbir, ma tinżamx statistika ta kull nuqqas jew ksur bil-modd kif mitlub.
Peress li nstabu siringi fi triq San Tumas, fil-Furjana fejn l-iskola primarja tal-gvern, tista' tiġi mdawla aħjar din il-parti tat-triq?
Jista' jsir street lighting ġdid ukoll fi Triq San Kristofru l-Belt, biswit numru 46 peress li hemm ukoll nuqqas ta' dawl fl-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fil-postijiet imsemmija hemm dawl adekwat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 36113, jista' il-Ministru jgħid kemm kien jammonta l-ħruġ, sena b'sena, ta' kull kunsill lokali għas-sistema ta' l-infurzar lokali mit-twaqqif tagħha sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 36452, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex jingħalaq il-bieb tal-Forti Sant'Iermu, il-Belt sabiex jonqsu l-abbużi li allegatament qegħdin isiru hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bieb li jagħti għal parti t`isfel tal-Forti Sant`Iermu jinżamm miftuħ, peress li jintuża kontinwament minn nies li għandhom permess mid-Dipartiment tal-Kultura biex jokkupaw il-Forti biex jibnu l-floats tal-Karnival.
Infurmat ukoll illi d-dħul għal dik il-parti tal-forti li qegħda f`idejn il-Pulizija jkun ikkontrollat minn membru tal-Korp.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex il-latrina pubblika fix-xagħra tal-Furjana terġa' tinfetaħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat peress li l-xagħra tal-Furjana li fiha tinsab il-latrina pubblika ma taqax fil-kompetenza tal-Kunsill Lokali.
Jistgħu jinżabru s-siġar fi triq Vilhena Floriana fejn binja Filippo Sciberras?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ż-żabra tas-siġar li hemm fi Triq Vilhena, Floriana, fejn il-Binja Filippo Sciberras, saret f'Ottubru 2001. Issa li l-Consortium ħa r-responsabbilta' ta' dan ix-xogħol, din it-talba ġiet reġistrata fil-programm.
Jistgħux il-garages taħt binja Filippo Sciberras Floriana joħorġu b'tenders għall-użu ta' l-inkwilini/sidien ta' l-appartamenti fl-istess binja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-garages indikati mill-Onor. Interpellant huma meħtieġa mill-Awtorita' tad-Djar li diġa' qed tużhom bħala stores, arkivji għad-dokumenti, sala għal konferenzi u biex jiġu ppubblikati skemi kif ukoll għall-parkeġġ ta' karozzi ta' l-impjegati ta' l-Awtorita'. Għalhekk m'hemmx ħsieb li jiġi attwat is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.
Hemm xi żviluppi dwar iż-zebra crossing u l-pelican lights fi triq l-Ifran il-Belt, biswit il-kunvent u l-knisja ta' Santu Wistin? Jistgħu dawn isiru aktar addattati għal persuni b'diżabilita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa teżisti żebra crossing biswit il-knisja ta' Santu Wistin fi Triq l-Ifran il-Belt Valletta. L-Awtorita' dwar it-Trasport ser tinforma lill-Kunsill Lokali biex il-bankini taż-Zebra crossing ikunu adattati għal persuni b'diżabilita.