Fir-rigward twaqqiegħ ta' slums fil-Floriana, meta hu maħsub li jinbeda l-proġetti f'Balzunetta? Meta se jinbeda l-bini ta' appartamenti fi triq il-Kapuċċini Floriana? Inqalgħux problemi mhux mistennija waqt it-twaqqiegħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li t-tender għat-twaqqiegħ u rikostruzzjoni tal-bini fil-Balzunetta ngħatat u biex jinbeda x-xogħol jonqos biss li joħroġ stabbiliment kummerċjali li hu affettwat mill-proġett u mara anzjana li qed tingħata akkommodazzjoni alternattiva. Hu maħsub li dal-problemi jossolvew biex ix-xogħol jista' jibda fi Frar. Sadanittant ix-xogħol tal-bini f'Triq il-Kapuċċini, Floriana mistenni jibda l-ġimgħa d-dieħla. Waqt it-twaqqiegħ inqalgħu diversi problemi iżda mhux tant li minħabba fihom waqaf ix-xogħol. Inqalgħu problemi fit-taħmil tal-pedamenti iżda dawn issa ġew solvuti.
Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar x'xogħlijiet għamel fil-bini tal-Gvern fil-Floriana matul dawn l-aħħar 4 snin u nofs?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar erba' snin u nofs id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għamel żewġ proġetti ta' ġonna/landscaping fil-Floriana: dak f'Binja Vilhena u dak fil-Housing Estate magħruf bħala Tal-Kapuċċini. Sadanittant saru 242 biċċa xogħol ta' tiswija f'bini tal-Gvern mid-Dipartiment f'dan l-istess perjodu.
Liema pajjiżi pajiżna għandu diġa ftehim ta' kummerċ ħieles magħhom? Kemm ġew iffrankati flus f' dazji f'prodotti (i) importati ta' materja prima (ii) esportati matul is-sena li għaddiet? Liema pajjiżi pajjiżna m'għandu l-ebda ftehim ta' kummerċ ħieles magħhom? Liema minhom għandu fethim ta' kummerċ ħieles mal-UE bħalissa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li Malta għandha ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea biss. Dan il-ftehim imur lura għal Diċembru ta' l-1970 u beda jseħħ f'April 1971.
Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku ma' dawn il-pajjiżi:
l-Isvizzera (EFTA)
in-Norveġja, l-Islanda u Lechtenstein (EFA)
il-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (Polonja, Rumanija, Repubblika Ċeka, Slovakkja, Ungerija, Bulgarija, Latvia, Estonia, Lithuania u Slovenja li kollha huma kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea)
il-pajjiżi ta' l-Euromed (Alġerija, Marokk, Tuneżija, Eġittu, Israel, Libanu, Ġordan, Awtorita' Palestinjana, Sirja, Ċipru, Turkija. Il-ftehim mas-Sirja biss għadu ma ġiex iffirmat, pero', għandu jiġi finalizzat kmieni dis-sena.)
Messiku, Afrika t'Isfel, Ċili u Kroazja
Il-ftehim mal-pajjiżi tal-Mercosur, jiġifieri Arġentina, Brażil, Paragwaj għadu ma seħħx imma d-diskussjonijiet jinstabu fi stadju avvanzat
L-Unjoni Ewropea qiegħda wkoll f'negozjati avvanzati għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Gulf Co-operation Council li jinkludi s-Saudi Arabja, il-Kuwait, il-Bahrain, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Oman.
L-Unjoni Ewropea għandha wkoll ftehim ta' kummerċ ħieles ma' dawn il-pajjiżi:
Il-GSP ma' mija u tnejn u erbgħin pajjiż li qed jiżviluppaw;
Il-pajjiżi ta' l-ACP, Afrika, Karibew u Paċifiku. Dawn illum jissejħu l-Cotonou Agreements (qabel Lome'). Hawnhekk sary ftehim ma' tmienja u erbgħin pajjiż.
Hemm ukoll ftehim imsejjaħ "Everything But Arms" ma' disgħa u erbgħin pajjiż sotto-żviluppat.
Tajjeb jingħad ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha għaddejjin diskussjonijiet dwar kummerċ ħieles ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, ir-Russja, il-Ġappun u l-Kanada.
Hekk kif Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, pajjiżna jibda jgawdi minnufih minn dawn il-ftehim u s-swieq ta' dawn il-pajjiżi jinfethu għall-esportazzjoni minn Malta bl-istess mod li bħalissa huma miftuħa għall-esportaturi minn pajjiżi li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.
Mhux faċli li wieħed jikkalkula l-valur kumplessiv ta' dan il-gwadann għall-industriji tagħna peress li qed nitkellmu dwar potenzjal kbir li s'issa ma kellniex l-opportunita' li nisfruttaw. Biżżejjed wieħed isemmi li dan il-gwadann addizzjonali li ġġib magħha s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser tiftaħ orizzonti ġodda għall-industriji li diġa' joperaw minn Malta. Barra minn dan, ser jagħmel lil ġżiritna wisq aktar attraenti għal kumpaniji oħra li jistgħu jitħajjru jiftħu fabbrika f'Malta.
Fl-aħħarnett ta' min jinnota li bi sħubija Malta tibbenifika minn dan il-ftehim ma' dawn il-pajjiżi kollha msemmija u li mingħajr is-sħubija jkun diffiċli ferm li tikseb ftehim simili.
Jista' jerġa' jibda jingħata s-servizz tal- home help liż-żewġ anzjani li d-dettalji tagħhom qed ngħaddi separatament peress li ma jidhirx li kellhom responsabilta' għall-fatt li l-carers li kellhom ma baqgħux jagħtuhom is-servizzi tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili aktar dettalji, anki b'mod kunfidenzjali, dwar il-persuni ndikati biex inkun nista ninvestiga l-każ taghhom.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 37311?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li s-Servizz Pubbliku jimpjega 174 persuni li huma registrati mal-Korporazzjoni tax-Xoghol u t-Tahrig bhala persuna b’dizabilita.
Hemm ukoll impjegati 375 persuna mas-Servizz Pubbliku, li minhabba f’sahhithom ma jistghux jaghmlu x-xoghol kollu li normalment ikun mitlub mill-grad taghhom u dawn inzammu fuq “light duties”.
Ghaddejjin bhalissa diskussjonijiet mal-Kummissjoni ghas-Servizz Pubbliku sabiex persuni b’dizabilita jinghataw konsiderazzjoni specjali f’dak li jirrigwardja reklutagg, promozzjonijiet u tahrig.
Jista' d-dipartiment jikkonsidra li jitranġaw ħsarat fis-saqaf u f'gallarija fl-iskola primarja tal-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed taħdem fuq audit komprensiv tal-bżonnijiet ta' l-iskola primarja tal-Floriana biex jitwettaq pjan ta' refurbishment sħiħ ta' l-iskola fil-parametri tal-proġett tal-Gvern għall-iskejjel tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37312, qed ngħaddi d-dettalji separatament għall-konsiderazzjoni tad-Dipartiemnt ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab informat illi l-persuna ndikata m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Hemm xi żviluppi dwar l-istallazzjoni ta' lift f' 55, Triq is-Suq Floriana u Block A2, Triq Joe Gasan Ħamrun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar il-lift f'55 Triq is-Suq, Floriana nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall Mistoqsija Parlamentari Numru 35648 f'Seduta 794.
Dwar il-lift fi Blokk A2, Triq Joe Gasan, Ħamrun, ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex applikazzjoni għal installazzjoni ta' lift f'dan l-indirizz. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni dwar installazzjoni ta' lift fi Blokk A2, Triq id-Duluri, Pieta', ninsab informat li l-lift ġie ordnat.
Jista' il-bieb tal-palazz fi Triq il-Merkanti l-Belt, jitranġawlu l-ħsarat li hemm fih?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar preċiż u jgħid għal liema ħsara qed jirreferi. Il-bieb u l-ħajt ta' madwar il-palazz kienu ġew restawrati tliet snin ilu.
Persuni mhux Maltin iżda residenti f'pajjiżna għandhom dritt jibbenefikaw minn skemi tal-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni barranin miżżewġa Maltin jibbenefikaw mill-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar. Fil-każ biss ta' Skema R, Skema ta' Kera Sussidjata fuq Residenzi Privati, persuni barranin miżżewġa Maltin li jkunu separati jistgħu jibbenefikaw minn sussidju fuq il-kera jekk jkollhom it-tfal jgħixu magħhom.
Jista' il-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħat separatament jiġi spezzjonat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-djar minħabba l-periklu li jingħad li hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Peress li l-koppla tal-knisja tal-Ġiżwiti l-Belt tinsab fi stat ħażin ħafna, jista' jiġi kkunsidrat li ssir rijabilitazzjoni tagħha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proġett tal-Knisja tal-Ġiżwiti, huwa mferrex fuq numru ta' snin. Matul l-2003 se jitlestew l-aħħar żewġ artali u se jsir r-restawr tal-kampnar. Il-koppla, li veru hi fi stat ħażin, għandha ssir fl-2004.
Jista il-Ministru jgħid jekk il-fond 121 Triq it-Teatru l-Antik Valletta huwiex tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, huwa mikri? Jekk le, jistax joħroġ għall-kera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond nru. 121, Triq it-Teatru l-Antik, Valletta huwa proprjeta` tal-Gvern. Għalkemm, issejħu offerti għall-kiri ta` dan il-fond u sar ix-xogħol kollu f`dan ir-rigward, il-ftehim aħħari ma ġiex iffirmat peress illi wieħed mill-offerti beda proċeduri legali kontra l-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm dipartimenti tal-gvern u aġenziji fi ħdanu li qed jimpjegaw persuni b'diżabilita' anqas milli tipprovdi l-liġi? Meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni, każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li fis-settur pubbliku, l-employer huwa l-Gvern u mhux d-Dipartiment u peress li hu possibbli li persuna tkun assenjata f'dipartiment fejn hemm xogħol adattat minħabba d-diżabilita, jkun aħjar jekk din il-Mistoqsija tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat.
Barra minn dan, l-Aġenzija Sedqa, l-Aġenzija Appoġġ u l-ETC huma konformi mal-liġi, filwaqt li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex persuna b'diżabilita' impjegata magħha.
Kemm resqu studenti għall-eżamijiet tal-MATSEC din is-sena? Kemm għaddew minn tal-anqas suġġett wieħed? Min fejn huma lokalita' b'lokalita', sew il-kandidati kollha kif ukoll dawk li għaddew?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bin-numru ta' kandidati li għamlu l-eżami tal-MATSEC, kif ukill in-numru ta' dawk li ħadu ċertifikat, skond il-lokalita` fejn joqgħodu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista il-Ministru jgħid kemm ġew irtirati reserved parking bays għal persuni b'diżabilita', sena b'sena, lokalita' b' lokalita', fis-snin li għaddew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ir-reserved parking bays għal persuni b'diżabilita' li ġew irtirati fuq parir tar-Review Panel huma li ġejjin:
Isla 1(2001)
Siggiewi 1(2002)
Zejtun 1(2002)
Fgura 1(2002)
Gzira 1(2002)
Hamrun 1(2002)
Marsaskala 1(2002)
Pieta' 1(2002)
Sliema 2(wieħed fl-2001 u l-ieħor fl-2002)
Ir-reserved parking bays għall-persuni b'diżabilita' li ġew irtirati fuq parir tal-Kunsilli Lokali jew tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' kienu għal raġunijiet ta' mewt ta' individwi jew change of address.