F'liema stadju wasal il-proġett ta' Park and Ride li bih jonqsu l-vetturi li jidħlu l-Belt u l-Floriana?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ħarġu sejħiet għall-offerti sabiex isiru x-xogħolijiet fi Triq Nazzjonali biex it-traffiku ikun jista' jdur għal ġol Crown Works.
Fil-preżent dawn l-offerti qed jiġu vvalutati biex jiġi stabiliet x'impatt ser ikollhom fuq is-sistema tat-traffiku fil-lokalita' fil-preżent, in vista tax-xogħol ta' restawr li qed isir fuq il-bieb tal-Bombi.
Meta jingħata tender għal kuntratt ta' xogħol ta' tisbiħ ta' ġonna f'żoni residenzjali bħal dak fi Pjazza Preziosi Floriana, jistgħu l-Kunsilli Lokali kkonċernati jorbtu lil-kuntratturi sabiex is-sit ma jispiċċax f'dlam ċappa sakemm jitlestew ix-xogħljiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Kunsill Lokali jista' jorbot lill-kuntratturi li jkunu nghataw tender għall-kuntratt ta' xogħol ta' tisbiħ ta' ġonna residenzjali biex is-sit ma jispiċċax fi dlam ċappa sakemm jitlestew ix-xogħolijiet. Dan jista' jsir billi l-Kunsill jagħmel kundizzjonijiet simili meta tinħareġ talba għall-offerti.
Kunsill jista' jiggwida ruħu wkoll permezz ta' l-Avviż Legali 119 ta' l-2002 fejn hemm stipulat illi (i) kuntrattur għandu jqiegħed dawl adegwat ma' nżul ix-xemx fuq materjal depożitat, kif ukoll (ii) Kunsill jista' jagħmel dawk il-pattijiet u kundizzjonijiet li jidhirlu xieraq.
Kemm-il persuna barranija ngħatat sentenza ta' priġunerija matul 2002? Ta' liema nazzjonalita' kienu, pajjiż, pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
Matul is-sena 2002 il-qrati ta` Malta u Għawdex taw mitejn u tmenin (280) sentenza karċerarja.
Dawn ingħataw lill-persuni ġejjin mill-pajjiżi kif jidher hawn taħt:-
Malta
197
Renju Unit
5
Marokk
3
Libja
33
Italja
2
Ċina
5
Alġerija
5
Niġerja
2
Iraq
1
Ukrajna
2
Palestina
1
Tuneżija
17
Yugoslavja
2
Bangladesh
3
Sudan
2
Kemm qed jiswa lill-Korporazzjoni Enemalta l-additive li jkollu jintuża ma' petrol bla ċomb (Lead replacement petrol or LRP) f'karozzi li jużaw petrol biċ-ċomb?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess tal-Korporazzjoni Enemalta li tali nformazzjoni tiġi ppubblikata.
Kemm-il ċittadin/kumpannija Maltija resqu każ quddiem il-Qorti Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fis-snin li għaddew?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull applikazzjoni, li xi ċittadin ta' Stat Membru tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem iressaq quddiem il-Qorti Ewropea, tiġi sottomessa direttament lill-Qorti w għalhekk l-istat, li tiegħu l-applikant ikun ċittadin, ma jiġix infurmat li tkun tressqet applikazzjoni.
Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li ħafna mill-każi mressqa jiġu mwarrba mill-Qorti stess wara li jkunu nstabu bħala invalidi, u li ma tinżamm l-ebda kwalita ta' rekord dwar dawn il-każi.
Minn informazzjoni miksuba mill Qorti Ewropea, jirriżulta li kien hemm:
1) sbatax-il każ kontra Malta li ġew dikjarati inammissibli (li każ minnhom tressaq minn ċittadin mhux Malti),
2) ħames każi kontra Malta li ġew deċiżi b'sentenza (li tlieta minnhom tressqu minn ċittadini mhux Maltin) u
3) każ li intlaħaq ftehim dwaru bejn iż-żewġ partijiet.
Barra minn hekk, hemm ħames każi oħra kontra Malta li għadhom qed jiġu konsiderati mill-Qorti Ewropea.
Jista' jitnaddaf l-iskart li nġema bejn il-binja tal-lukanda Excelsior u x-xatt fil-Floriana?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Meta hu maħsub li jiġi ffirmat il-collective agreement mas-Social workers tal-Aġenzija Appoġġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ftehim kollettiv li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie riferut lit-Tribunal Industrijali. Ninsab infurmat li s-seduta li jmiss tat-Tribunal dwar dan il-ftehim ġiet aġġornata għal 25 ta' Frar 2003.
Kuntistabbli tal-Pulizija li ntbagħtu jaħdmu 60 siegħa ma' l-immirganti fi żmien il-Milied se jitħallsu tas-sahra li għamlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi kien hemm xi membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu dettaljati xogħol għal 60 siegħa ma` l-immigranti illegali fi żmien il-Milied. Pero` jekk jagħtina iktar dettalji, nkun nista` nivverifika ulterjorment.
Jistax jiġi mgħaġġel il-proċess ta' l-istallazzjoni ta' lift fi Block B1 Pjazza Madonna ta' Fatima Pieta', minħabba li resident fis-sular ta' fuq inħakem minn marda serja ħafna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li miċ-ċertifikat mediku sottomess ma' l-applikazzjoni għall-installar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant ma rriżultax li fil-blokk toqgħod xi persuna b'diżabilita' ta' mobilita' u għalhekk l-applikazzjoni ma tissodisfax kundizzjoni ewlenija taħt Skema V ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Fir-rigward ta' l-iskola Dun Frans Camilleri l-Ħamrun, jistgħu jitranġaw is-soqfa mil-ħsara li hemm? Fis-sitt sena kemm hemm għalliema Għawdxin? Hux il-każ li l-attendenza tagħhom tista' tkun imtejba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li rigward is-soqfa, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed tieħu parir professjonali mingħand Perit u tagħmel dak li hu neċessarju biex jekk hemm xi ħsara din tissewwa. Id-Diviżjoni qed issegwi l-attendenza ta' l-għalliema fl-iskola.
B'referenza għal PQ's 36964, 37080, 37243, 37385 dwar il-latrina pubblika fl-Arena ta' l-Indipendenza, Floriana, tistax titranġa peress li donnha ma taqa' taħt ir-responsabilita' ta' ħadd (Kunsill Lokali, Ministeru, Saħħa, Edukazzjoni u Intern)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din il-latrina pubblika sarulha tiswijiet konsiderevoli u huwa maħsub li x-xogħol jitkompla matul din is-sena.
B'refernza għall-mistoqsija parlamentari numru 37783 fejn qed nirreferi għall-loġġ tal-Bieb tal-Palazz fi Triq il-Merkanti il-Belt, jista' il-Ministru jirrispondi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata.
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 27626, hemm żviluppi dwar il-possibilita' li s-servizzi mogħtija mill-Housecraft, Triq San Publiju Floriana, jingħataw minn uffiċini oħra biex dan il-bini fil-pjazza prinċipali tal-Floriana jgħaddi b'kera għand Floriana football club - l-aktar tim lokali li rebaħ unuri fl-aktar sport popolari fil-gżejjer tagħna - u dan anke b'apprezzament għall-fatt li din il-Pjazza tal-Fosos u siti oħra fil-Floriana dejjem servew ta' venues importanti fl-istorja politika u reliġjuża ta' pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li naqbel li l-Floraina FC għandhom bżonn u jixirqilhom post alternattiv aħjar milli għandhom, għadni m'hinix f'pożizzjoni nagħti risposta pożittiva.
Meta hu maħsub li jerġa jkun hemm reklutaġġ ta' skrivani f'xi dipartimenti tal-gvern u gunners fil-AFM?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bhalissa ghaddej process ta’ ghazla mid-Direttur ta’ l-Ezamijiet ghall-postijiet ta’ Skrivan fis-Servizz Pubbliku. Reklutagg jibda jsir wara li jithabbru r-rizultati finali.
Rigward reklutagg ta’ “gunners”, jien infurmat li 107 rekluti godda kienu mistennija li jingaggaw mal-Forzi Armati nhar l-Erbgha, 15 ta’ Jannar 2003. Il-possibilità li jinfetah ingagg iehor fix-xhur li gejjin qeghda tigi kkunsidrata.