Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni ta' l-Impjiegi u Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jitneħħew l-ġiżi fl-inħawi tal-bini tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ f'Hal Far peress li qed jikkawżaw allerġiji f'diversi ħaddiema/klijenti tal-korporazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-inkonvenjent ser jitneħħa.

Sigħat ta' xogħol part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa part-time tista' taħdem il-mara ta' persuna li għandha mard kroniku u tinsab fuq assistenza soċjali mingħajr ma jintilef dan l-istess benefiċċju mill-familja? Jista' jiġi kkunsidrat li jiżdiedu dawn is-sigħat ta' xogħol part-time?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-għoti ta' l-Għajnuna Soċjali hu suġġett għal test tal-mezzi, li jinkludi fih id-dħul kollu tal-familja, u mhux marbut mas-siegħat li xi membru tal-familja jista' jaħdem.

Esportazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex bħala setturi kienu jikkonsistu l-Lm205 miljun f'esportazzjoni lejn l-Italja fl-1995? Kif naqset l-esportazzjoni, settur, settur, lejn l-istess pajjiż għal Lm30.3 miljun fis-sena 2001? X'inhi r-raġuni li l-esperti jaħsbu għala ġara dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Trade Statistics ippubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika għas-sena konċernata dwar dettalji fuq kummerċ internazzjonali ta' Malta. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Membru għall-kapitlu dwar il-kummerċ fl-Economic Survey għas-sena konċernata.

Portijiet — Taħrikiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx infurzar sabiex ma jkunx hemm ħsejjes żejda minn vapuri u bastimenti fil-portijiet tagħna? Kemm saru taħrikiet f' dan is-sens fis-sena li għaddiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Awtorita' Marittima, konxja mill-inkonvenjent li jistgħu joħolqu ħsejjes żejda minn xi vapuri, qiegħda taħdem mill-qrib ma' l-aġenti u mal-kaptana tal-vapuri sabiexjitnaqqas kemm jista' jkun dan l-inkonvenjent. Matul is-sena li għaddiet ma saret l-ebda' taħrika rigward dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #38691 Sitting 875 2003-02-25 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sudenti tal-mediċina — Xogħol fis-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk studenti tal-mediċina fl-ewwel sena jingħataw l-opportunita' li jagħmlu xi xogħol fil-vaganzi tas-sajf? Jekk fl-affermattiv, jista; dan isir f'xi sptar jew klinika tal-Gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Anzjani — Day centres

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema lokalitajiet hemm miftuħa ċentri għal matul il-jum għall-anzjani? F'liema ġranet u ħinijiet dawn ikunu miftuħa? Kemm jattendu anzjani f'kull ċentru? Hemm xi ftehim dwar dawn iċ-ċentri ma' kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-ftehim?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-lum id-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' qed jopera 13 il-Ċentru ta' Matul il-Jum. Dawn jinsabu ż-Żejtun, il-Ħamrun, Ħal-Qormi, Ħad-Dingli, tas-Sliema, iż-Żurrieq, Bormla, Ħal-Luqa, l-Imtarfa, B'Kara, San Pawl il-Baħar, B'Buġia, u Mosta. Dawn iċ-ċentri huma elenkati skond id-data tal-ftuħ tagħhom. Kull wieħed minn dawn iċ-Ċentri jiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30 ta' filgħodu u l-4.00 ta' wara nofsinhar, bl-eċċezzjoni taċ-Ċentru li hemm f'tas-Sliema peress li dan jibqa' miftuħ sas-7.00 ta' fil-għaxija. L-attendenza f'kull ċentru dvarja pero' hemm total ta' 1121 membru li jattendu b'mod regolari f'dawn iċ-Ċentri. Filwaqt li fil-ftuħ taċ-Ċentri tal-bidu, d-Dipartiment ħa l-inizjattiva waħdu, llum qed ikun hemm diskussjoni u ko-ordinament mal-Kunsill Lokali rispettiv. Pero' l-ispejjeż għat-tmexxija ta' kuljum baqgħu r-responsabilita' tad-Dipartiment f'kull każ.

Espostazzjoni — Kummerċ ħieles

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38545 u cioe' kemm esporta pajjiżna lejn il-pajjiżi li l-UE għandha żona ta' kummerċ ħieles magħhom, pajjiż, pajjiż/settur, settur/ prodott, prodott matul l-2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar l-esportazzjoni minn Malta lejn dawk il-pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropeja għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku, u cioe': EEA u EFTA - l-islanda, il-Lechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera EuroMed - l-Algerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija u t-Turkija Balkani - il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija Pajjiżi oħra - ic-Cili', il-Messiku u l-Afrika t'Isfel Din il-lista ma tinkludix id-disa' pajjiżi l-oħra li mistennija jsiru membri ta' l-Unjoni Ewropeja fit-tkabbir li jmiss. L-istess lista lanqas tinkludi l-ħafna pajjiżi oħra li l-Unjoni Ewropeja għandha magħhom ftehim ta' kummerċ ħieles mhux reċiproku.

Esportazzjoni — UE

Question

Jista il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38554 u cioe' kemm huma l-kwoti għal-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi fl-UE, prodott, prodott / settur, settur bħala associate member ma' l-istess UE? Kemm fil-fatt ġew esportati minn pajjiżna lejn il-pajjiżi ta' l-UE prodott, prodott / settur, settur matul 2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar l-esportazzjoni minn Malta lejn l-Unjoni Ewropeja. Din l-esportazzjoni tinkludi wkoll żewġ prodotti mis-settur agrikolu li fuqhom hemm kwoti għall-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja. Dawn huma l-patata li fuqha hemm kwota ta' 3,000 tunnellata u l-ħjar żgħir, ta' tul ta' mhux aktar minn 15-il ċentimetru, li fuqu hemm kwota ta' 50 tunnellata. Il-prodotti l-oħra, agrikoli jew ta' l-ikel, fil-preżent huma soġġetti għad-dazju mingħajr il-benefiċċju ta' ebda kwota.

IPSE — Xiri ta' makkinarju

Question

Sabiex l-IPSE tissussidja x-xiri ta' makkinarju tal-SME's irid ikun hemm xi turnover partikulari?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħala għajnuna biex jinxtara makkinarju minn intrapriżi li jaqgħu taħt il-programm ta' assistenza, l-IPSE toffri garanziji biex dik l-intrapriża partikulari tkun f'pożizzjoni aħjar biex tissellef mingħand bank kummerċjali biex tixtri l-makkinarju. Sabiex tinħareġ din il-garanzija ma hemm bżonn l-ebda "turnover" partikulari, basta dik l-intraprża jkollha qliegħ biżżejjed biex tkun tista' tħallas is-somma li tkun issellfet.
Leg 9 PQ #38678 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Reklutaġġ ta' fizzjali

Question

Se jkun hemm reklutaġġ ta' fizzjali fl-AFM fiż-żmien li ġej?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li sejħa għal applikazzjonijiet biex jiġu ngaġġati uffiċjali-kadetti fil-Forzi Armati għandha tiġi ppubblikata aktar tard matul din is-sena.

Floriana — Dipartiment tal-bini u tiswija

Question

Jista' id-Dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar jikkonsidra li titranġa l-ħsara f'ħajt imxaqqaq fit-taraġ tal-appartamenti f'24 triq Sant Anna Floriana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Esporatzzjoni — UE

Question

Kemm huma l-kwoti għal-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi fl-UE, prodott, prodott / settur, settur bħala associate member ma' l-istess UE? Kemm fil-fatt ġew esportati minn pajjiżna lejn il-pajjiżi ta' l-UE prodott, prodott / settur, settur matul 2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Djar

Question

Kemm ġew allokati djar mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali matul 2002? Fejn kienu dawn id-djar? Fejn kienu joqogħdu l-applikanti li ngħataw post? Kemm minn dawn il-postijiet kienu postijiet tal-privat rekwiżizzjonati? Kemm mill-applikanti li ngħataw post ilhom japplikaw għal aktar minn 4 snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għamel 115 allokazzjoni matul is-sena 2002. 41 minnhom kienu ilhom li applikaw iżjed minn 4 snin. Il-postijiet allokati u l-persuni allokati kienu f'diversi postijiet madwar Malta. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fir-raba' parti tal-Mistoqsija.

Floriana — Għassa tal-pulizija

Question

Kemm-il jum jirriżulta li nfetħet l-għassa tal-pulizija fil-Floriana matul Jannar 2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar 2003 dejjem kien hemm kuntistabbli, u drabi anke surġent, dettaljat fl-Għassa imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, jista` jkun hemm drabi fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f`dawk il-ħinijiet.

Dajr tal-Gvern — Istallazzjoni ta' lifts

Question

Xi żviluppi hemm dwar l-istallazzjoni ta' lifts fl-appartamentii tal-Gvern: i) 68, Triq San Tumas Floriana, ii) 131, Triq San Pawl Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li lift f'numru 131, Triq San Pawl, Valletta, ġie ordnat u mistenni li jitlesta sa Ġunju ta' din is-sena. Dwar il-lift f'numru 68, Triq San Tumas, Floriana, minħabba li m'hemmx spazju biex isir lift fit-tromba tat-taraġ, intalab permess jekk tistax tintuża l-bitħa użata mill-ħwienet ta' taħt il-blokka. Peress li għad m'hemmx risposta għat-talba tal-Awtorita' tad-Djar, dan il-każ bħalissa qiegħed wieqaf.

Żoni kummerċjali — Sinjali tal-parkeġġ

Question

Fuq liema kriterji jsiru dawn li ġejjin f'żoni kummerċjali: i) no parking except for loading / unloading, ii) time zones għall-ipparkjar ta' vetturi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-kriterji għal: (i) un/loading bays validi għal 4 siegħat filgħodu u 4 siegħat wara nofs in-nhar huma: Għal ħwienet ta' white goods. Għal ħwienet ta' l-għamara. Għal ħwienet li jbiegħu makkinarju goff. Meta tkun għal gruppi ta' ħwienet. Lil-Hotels li għandhom aktar minn 70 sodda. Dawn jiġu approvati fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsilli Lokali. (ii) it-time zones għall-apparkjar ta' vetturi huma ta' żewġ tipi: Dawk li jiġu approvati fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill Lokali fuq bażi temporanja u għal toroq speċifiċi u mhux għal żoni sħaħ. Dawk permanenti għal skemi ta' parkeġġ residenzjali u kummerċjali bħal l-iskema tar-Rabat Għawdex.
Leg 9 PQ #38551 Sitting 869 2003-02-11 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Pazjenti

Question

F'liema stadju wasal il-bini ta' l-Isptar Mater Dei? Meta hu maħsub li jibdew jingħataw servizzi lill-pazjenti:- i)out-patient u ii)in-patient?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-tliet fażijiet tal-bini huma maħsuba li jitlestew kollha sal-2010. Hu ppjanat li l-outpatients jiftaħ Ġunju 2003, waqt li l-inpatients jibdew jemigraw lejn l-ipstar Mater Dei fl-2005.

Xiri ta' xarabanks

Question

Il-proprjetarji tax-xarabanks użati għat-trasport pubbliku bilfors iridu jieħdu sehem fl-iskema tax-xiri ta' xarabanks ġodda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li permezz ta' l-avviż li ħarġet l-Awtorita' fil-Gazzetta tal-Gvern f'Diċembru 2000, ippermettiet lil dawk is-sidien tal-karozzi tal-linja li kellhom karozza tal-linja li fuqha kien tħallas id-depożitu ta' Lm500 fl-1995, kienu ntitolati sabiex ibiddlu x-xarabank eżistenti tagħhom ma' waħda ġdida. L-ammont totali ta' sidien li kienu poġġew l-imsemmi depożitu (u li għalhekk iffirmaw il-ftehim sabiex ibiddlu x-xarabank tagħhom) huwa ta' 147 . S'issa, disgħa sidien biddlu x-xarabank il-qadima tagħhom, għaldaqstant baqa' 138 xarabank li għad trid tinbidel u s-sidien ta' dawn il-138 xarabank kollha aċċettaw li jieħdu sehem fl-iskema tax-xiri ta' xarabanks ġodda.
Leg 9 PQ #38553 Sitting 869 2003-02-11 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Inċeneratur

Question

F'liema stadju wasal is-shut down ta' l-inċineratur fl-isptar San Luqa sabiex jibda jitħaddem minfloku dak b'sistema microwave? Jaqbel il-Ministru li l-proċess ittawwal iżżejjed għad-detriment tas-saħħa tar-residenti Tal-Pieta' u l-inħawi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Onorevoli Membru jaf żgur li kwalunkwe tender tal-gvern trid tgħaddi minn numru kumpless ta' proċeduri li għandhom l-għan li jiggarantixxu it-trasparenza f'dan il-proċess. Dawn il-proċeduri jagħtu faċilta` lit-tenderer sabiex joġġezzjona matul il-proċess. Fil-każ tas-sistema ta' l-ipproċessar ta' l-iskart kliniku (liema sistema mhux bilfors kellha tkun microwave) saru żewġ oġġezzjonijiet li tefgħu lura il-proċess b'aktar minn sena għaliex irrikjedew li jinġabu l-esperti barranin mill-Amerika u f'każ minnhom riedu jsiru modifikazzjonijiet fis-sottomissjoni ta' tenderer minnhom. Il-proċess ta' l-għażla ġie konkluż numru ta' ġimgħat ilu iżda qabel ma seta' jingħata t-tender sar impediment fil-qorti ċivili minn tenderer li reġa' waqqaf il-proċess. Bħalissa d-Diviżjoni tas-Saħħa qegħda tistenna id-deċiżjoni tal-qorti f'dan il-każ. L-Onorevoli Membru jifhem li sakemm tiddaħħal is-sistema l-ġdida, minkejja x-xewqa tad-Diviżjoni, ma jistax jingħalaq l-inċineratur ta' l-Isptar San Luqa għaliex dan huwa l-uniku metodu kif skart kliniku jista' jiġi pproċessat bħalissa.