Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1480 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla - Skola Ġuże' Despott

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex mill-bidu ta' din is-sena skolastika mhux qed jingħata ħalib lill-istudenti ta' l-iskola Ġuże' Despott ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-policy normali f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jaċċerta lill-Kamra li dan l-istat ta' fatt m'huwiex konness ma' l-appointment ta' imgħallem ġdid għal din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti ta' l-iskola Ġużeppi Despott Boys' Junior Lyceum Verdala qed jingħataw ħalib. Ma kien hemm ebda tibdil fil-policy iżda kien hemm diffikultajiet ta' natura finanzjarja li qed jiġu konsidrati.

Ħal-Tarxien — Triq Spiru Spiteri

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa meta se jkun inbeda u tterminat l-asfaltar ta' Triq Spiru Spiteri, f'Ħal Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ix-xogħol indikat mill-Onor Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #933 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Rapport Muscat Azzopardi

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fil-bini tal-Qorti kienet ġiet depożitata kopja tar-rapport Muscat Azzopardi dwar każijiet ta' frame-ups li seħħew qabel l-1987? Jista' jikkonferma li m'għadx hemm traċċa ta' din il-kopja? Jekk iva, fejn kienet ġiet depożitata fil-bini tal-Qorti din il-kopja tar-rapport? Min huma l-persuni li kellhom aċċess għall-post li fih ġiet depożitata din il-kopja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kemm minn dokumentazzjoni miżmuma fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll minn xhieda mgħotija fil-Qorti mis- Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jirriżulta li l-Imħallef Godwin Muscat Azzopardi kien qal li ħalla kopja tar-Rapport li qed issir referenza għalih, fil-vaults tal-Qorti, bl-iskop ta' safe keeping. Jirriżulta wkoll mill-istess sorsi msemmija aktar il-fuq, li r-Reġistratur tal-Qorti kien intalab jiċċekkja jistax isib dan ir-rapport imma skond l-istess Reġistratur, wara li fittex kullimkien personalment fis-safe u l- vaults, hu ma sab xejn. Ninsab infurmat li l-persuni li għandhom aċċess għal vaults/strong room tal-Qrati huma l-Assistent Reġistratur tal-Qorti Inferjuri u l-assistent tiegħu u li kull dokument li jitpoġġa fil jew jittieħed mill- vaults, jiġi rekordjat mill-istess persuni. Mill-investigazzjonijiet li saru s'issa u li jkopru s- snin 1994-1998, ma jirriżultax li mill-kotba tar-Records of Deposits, ġie depożitat jew irtirat fl-istrong room tal-Qrati ir-rapport imsemmi.
Leg 9 PQ #1306 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Preskrizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li kienu saru xi rapporti dwar abbużi minn preskrizzjonijiet minn tabib li kien jokkupa kariga għolja fl-Isptar Monte Carmeli? Jekk fl-affermattiv, saru investigazzjonijiet mill-awtoritajiet in konnessi ma' dawn l-abbużi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li dwar każ partikulari qed jittieħdu passi dixxiplinari kontra numru ta' tobba wara li nstab li mpjegata kienet tagħmel użu abbużiv mill-kartuna tal-mediċini b'xejn li kienet intitolata għalihom. Sadattant qed isiru investigazzjonijiet fuq każ ieħor.
Leg 9 PQ #1307 Sitting 12 1998-11-17 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Transport Section

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma allegazzjonijiet li l-konsum tal-fuel mit-Transport Section ta' l-Isptar Monte Carmeli irdoppja bejn Novembru 1996 u Awissu 1998 meta mqabbel ma' l-istess perjodu taż-żmien ta' qabel? Jekk dan hu minnu, jista' l-Ministru jikkonferma li din iż-żieda kienet reġistrata meta x-xogħol kien naqas drastikament? Jekk dan hu minnu, x'passi qed jittieħdu mid-Dipartiment?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Gudja — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar li ormai huwa neċessarju għall-ħarsien ta'l-inkolumita' tal-ħajja, tat-toroq f'Ta Xlejli fil-Gudja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li t-toroq imsemmija huma diġa' asfaltati u l-'maintenance' tagħhom biex jitneħħa kull periklu għall-pubbliku huwa responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.

Enemalta — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport rigward il-ħidma ta' l-aħħar sena ta' training centre li għandha l-Enemalta? Min huma l-ħaddiema konnessi, f'liema grad, meta tpoġġew u xi programm ta' ħidma qed isegwu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #929 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Triq is-Sajjieda - Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbeda proġett sabiex fi Triq is-Sajjieda, l-Marsa u l-madwar ma jakkumulax dak l-ilma kollu kull meta tagħmel xita bil-qawwi tant li jinġarru n-nies b'periklu manifest għall-ħajja min barra d-drennaġġ li jfur u jidħol fid-djar privati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 855 (Seduta numru 10).
Leg 9 PQ #930 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Ambjent

Gudja — Ġnien Ta Xlejli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għal ġnien f'Ta Xlejli fil-Gudja? Meta huwa maħsub li dan il-ġnien jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #931 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' dawk li qed isegwu l-kors ta' Spetturi ta' Pulizija fl-Akkademja tal-Pulizija? Kemm minnhom se jispiċċaw il-kors s-sena d-dieħla (1999)?

Response (BORG, TONIO)

Fl-Akkademja tal-Gustizzja Kriminali, hemm 24 l-Uffiċċjal Kadett li qed jattendu kors ta' taħriġ għal grad ta' Spettur tal-Pulizija. Dan il-kors ta' mhux anqas minn tnax-il xahar, beda fl-20 ta' April, 1998. 16.11.98
Leg 9 PQ #932 Sitting 11 1998-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rapport Muscat Azzopardi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li r-rapport Muscat Azzopardi dwar każijiet ta' frame-ups ta' qabel l-1987, liema rapport kien tlesta qabel l-1996, ma jistax jinstab? Kemm-il kopja ta' dan ir-rapport kien hemm u fejn tpoġġew? X'passi ħa l-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinstab dan ir-rapport u meta ġie kkonstatat li dan ir-rapport intilef? Jekk ma ttieħdux ebda passi mill-Kummissarju, għaliex u jekk hemmx il-ħsieb li jinbdew l-investigazzjonijiet neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Fit-8 ta' Ġunju 1998, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, kien stqarr li l-kopja tar-rapport ta' l-ex imħallef Muscat Azzopardi, dwar każijiet ta' 'frame-ups' qabel 1987, li kienet tinstab Kastilja kienet tidher li ġiet 'mislaid' u li ma kienet saret l-ebda inkjesta dwar dan. Ma sar l-ebda rapport lill-pulizija biex jinvestigaw dan il-każ. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat. 16.11.98
Leg 9 PQ #851 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pulizija ġewwa t-taqsima tat-traffic jerġgħu jibdew igawdu mill-prassi abolita mill-amministrazzjoni preċedenti, li kull pulizija jkun allokat lilu motorcycle wieħed sabiex jintuża minnu biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din il-miżura, ċioe' li mutur ikun assenjat lil żewġ pulizija, kienet ġiet introdotta bil-ħsieb li jkun hemm użu aħjar mir-riżorsi tal-Korp u jiżdied in-numru ta' pulizija tat-traffiku fit-toroq. Il-Gvern preżenti qed jara' jekk din il-miżura, flimkien ma' oħrajn li saru mill-gvern preċedenti fil-kuntest tal-modernizazzjoni tal-Korp, kellhomx l-effett mixtieq u jekk hux il-każ li jiġu mtejba jew mreġġa' lura għal li kienu. 09.11.98

Tarxien — Triq Joseph Burlo'

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar ta' Triq Joseph Burlo' ġewwa Ħal-Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' din it-triq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.

Tarxien — Triq Odilone Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar ta' Triq Odilone Caruana ġewwa Ħal-Tarxien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' din it-triq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.
Leg 9 PQ #854 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Vannijiet bil-lifters

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) Kemm għandu vannijiet bil-lifters li jagħtu servizz lill-pazjenti mid-dar tagħhom u jwassluhom fl-Isptar San Luqa? (b) Jekk dawn il-vannijiet humiex proprjeta' tad-Dipartiment tas-Saħħa jew mikrija minn terzi? (c) Jekk dawn huma mikrija, mingħand min, għaliex huma mikrija u b'liema rata ta' kera? (d) Jekk huma mikrija, kemm ilhom jiġu mikrija u kemm tħallset kera b'kollox minn meta bdew jinkrew? (e) Liema proċedura ġiet segwita sabiex dawn il-vannijiet jinkrew? (f) Kienx hemm iktar minn offerta waħda għall-kiri ta' dawn il-vannijiet, x'kien il-valur ta' dawn l-offerti? (g) Jekk id-Dipartiment tas-Saħħa huwiex beħsiebu jkompli b'dan l-istat ta' fatt? (h) Jekk kienx ikun iktar feasible li dawn il-vannijiet jinxtraw flok jinkrew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

a) Id-dipartiment għandu 6 vannijiet bil-lifter. b) Minn dawn is-sitta, tlieta huma tad-Dipartiment u t-tlieta l-oħra huma mikrija minn terzi. c) Dawn huma mikrija mingħand il-Garden of Eden Garage bir-rata ta' Lm22 kuljum. d) Wieħed minnhom ilu mikri minn April 1997 u t-tnejn l-oħra minn Ottubru 1997. Sa issa tħallset is-somma ta' Lm25,554. e) Saret tfittxija biex jinsatbu ditti li jikru dan it-tip ta' vannijiet u nstab il-garage hawm fuq imsemmi. f) Ma saret l-ebda sejħa għal offerti. g) Id-Dipartiment mhux bi ħsiebu jibqa b'dan l-istat ta' fatt. Tant hu hekk li ga nħarġu żewġ sejħiet għal offerti għax-xiri ta' vannijiet ġodda pero' sa issa għadhom ma nstabux dawk il-vannijiet li jaqdu l-bżonnijiet tad-Dipartiment. h) Il-probabilita' hi li kien ikun aktar `feasible' li dawn il-vannijiet jinxtraw flok jinkrew imma minħabba l-bżonn urġenti bilfors li d-Dipartiment ried jieħu xi azzjoni alternattiva sakemm jinxtraw il-vannijiet.

MIA — Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul iż-żmien li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, kien jokkupa l-kariga ta' Chairman ta' l-MIA kien ukoll jeżerċita n-negozju ta' importatur ta' perfumes, fosthom dawk li jinbiegħu mid-duty free shop tal-mitjar ta' Ħal-Luqa? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-istat ta' fatt jagħtix lok għal konflitt ta' interess, b'mod speċjali tenut kont tal-kodiċi ta' Etika għal chairman ta' kumpanniji parastatali? Jista' l-Ministru jagħti breakdown fi flus ta' perfumes mixtrija mill-Airport Supplies Limited biex jinbiegħu mid-duty free bejn l-1 ta' Jannar 1997 u t-3 ta' Ottubru 1998? Minn min sar dan ix-xiri?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onor. Interpellant jaf li skond il-kodiċi tal-Etika għal Diretturi ta' Bordijiet fis-Settur Pubbliku, id-Diretturi huma mistennija jiidikjaraw minn qabel l-interessi tagħhom. Għaldaqstant huma mitluba jagħtu kull informazzjoni relevanti dwar: a) kull direttorat, sħubija f'soċjetajiet jew kumpanniji kummerċjali, aġenziji jew kontroll ta' ishma; b) kull interess li jista jkollhom f'attivita jew negozju li fihom tkun imdaħħla jew ikollha x'taqsam l-organizzazzjoni; c) kull interess f'oġġetti jew fżservizi rrakkomandati jew ipprovduti lill-organizzazzjoni. Rigward l-perfumes mixtrija bejn l-1 ta' Jannar 1997 u 3 a' Ottubru 1998 risposta tingħata f'seduta oħra peress li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.