Jista' l-Ministru jara li jiġi żgurat li l-muturi ta' l-arja kondizzjonata li hemm fil-Hypogeum ta' Raħal Ġdid ma jibqgħux jagħtu fastidju u ma jibqgħux ta' inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu biswit jew appġġ ma' dan il-post, speċjalment dawk ta' Luqa Road, Ħal Saflieni Street u Burial Street? Ma jaħsibx il-Ministru li tali muturi imħaddmin lejl u nhar mhux qed iħallu lir-residenti jorqdu bil-lejl u jikkawża stress psikoloġiku persistenti?
Jista' l-Ministru jiżgura li l-ġnien ta' Wied Blandun ġewwa Raħal Ġdid ikun imdawwal kif imiss, b'sistema ta' floodlighting li ġġib fix-xejn il-vandaliżmu kontinwu fuq il-bozoz li kien hemm? Jista' l-Ministru jara li jiġi żgurat li l-ġnien imsemmi ma jibqax fid-dlam assolut li ilu jirrenja fih għal dawn l-aħħar snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li saru l-arranġamenti meħtieġa bejn l-Enemalta u l-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid biex jinbeda x-xogħol fl-imsemmi ġnien.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar il-Condomini?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kummissjoni Permanenti għal Riforma fil-Liġi għamlet rakkomandazzjoni għal tibdil fil-liġi dwar il-Kondomini. Fl-istess ħin ukoll, ġew formulati r-regolamenti għat-twettiq ta' diversi disposizzjoni tal-liġi skond kif jitlob Artikolu 32 ta' l-istess Att. Dan kollu qed jiġi diskuss ma' l-Avukat Ġenerali qabel ma jiġi ffinalizzat il-pakkett kollu, u l-liġi u r-regolamenti li joħorġu minnha jidħlu fis-seħħ.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid fejn ġew allokati l-għaxar nursing officers li ħadu l-appointment dan l-aħħar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi mill-għaxar Nursing Officers li ħadu l-appointment dan l-aħħar, disa (9) minnhom kienu diġa qegħdin jokkupaw din il-kariga bħala Acting Nursing Officers. Fil każ tal-persuna l-oħra, qed tiġi studjata s-sitwazzjoni preżenti sabiex jinstab l-aħjar post fejn tiġi allokata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm infermiera li jaħdmu fil-Primary Health Care li huma ntitolati għall-petrol allowance? Min huma? Kemm tħallsu f'allowance xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 1998 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-infermiera li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Kura Primarja u li huma ntitolati għal 'Petrol Allowance' u l-ħlas li sar lilhom mill-1 ta' Jannar 1998 huwa dan:
Jan May Jul Aug Oct Nov Dec
Attard Maria Cassar 105.96 128.88
Bonnici Pauline 42.57 53.04 13.05 6.27 47.74
Borg Carmelo
Briffa Rita
Cesare Carrol 12.51 29.66 14.40 23.40
Grima Mary 17.26 28.08 28.98
Grixti Joseph 146.04 100.98 113.49 115.65
Hili Rita 24.77 24.55 13.23
Galea Joseph 9.07
Martinelli Sharon 84.33 173.65
Pace Alfred 7.34
Pule Elizabeth 51.99 92.68 17.25 28.10 16.24
Said Mary 17.45 36.17 17.64 29.82
Vella Anette 24.70
Meli M. Theresa 13.97 71.81
Mifsud Emily 10.78
Farrugia Lorraine 6.48
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx xi forma ta' inkjesta dwar il-qagħda fil-G. Despott Boys Junior Lyceum fil-Cottonera? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista' l-Kamra tkun taf x'sar minn dak ir-rapport u jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jinforma lill-Kamra x'azzjoni ttieħdet jew qed tittieħed mill-ministeru u/jew mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni bħala riżultat ta' dak ir-rapport biex tiġi rranġata l-qagħda f'dik l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dwar il-qagħda fil-G. Despott Boys Junior Lyceum fil-Kottonera jiena tlabt li jsir rapport dwar is-sitwazzjoni f'dik l-iskola minn persuni esterni għad-Diviżjoni. Ġew imqabbda il-Management Efficiency Unit ta' l-OPM, li ppreżentaw rapport ftit ġimgħat ilu. Tajt ukoll struzzjonijiet lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex teżegwixxi dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex titjieb is-sitwazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il post hemm li huwa jew kien requistioned? Jista' jgħid kemm-il requisition order ħarġu sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi matul is-snin kemm dam fis-seħħ il-poter tar-rekwiżissjoni, inħarġu 54,197 ordni, jew aħjar infetaħ 'file' fuq 54,197 propjeta'. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba sena b'sena. Minn dawn baqa 13,098 tal-privat li għadhom fis-seħħ.
21.1.99
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kienet taħdem bħala Customer Care Service ma' l-MIA sa l-24 ta' April 1996 għadha ma ngħatatx risposta għall-ittra tiegħi ta' l-24 ta' Awissu, 1998? Tista' tiġi spjegata x'inhi l-proċedura li għandha tiġi segwita minn xi ħadd li jkun ġie boarded pout fuq bażi medika mill-MIA u dan ikun jixtieq jerġa' jiġi re-instated?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ftehim kollettiv ma jipprovdix għal 're-instatement' ta' persuna li tkun ġiet boarded out għal raġuni medika. Għaldaqstant mhux possibbli li l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tiġi re-instated mal-M.I.A.. Din il-persuna tkun tista' tapplika għal impjieg mal-kumpanija jekk u meta l-istess kumpanija tagħmel sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li taħdem fil-Maltacom - dettalji qed jintbagħtu separatament - u announcer fuq Super 1 TV kienet ħarġet bis-sick leave fit-30 ta' Diċembru, 1998? Jista' l-Ministru jikkonferma ukoll li fit-31 ta' Diċembru, 1998 l-istess persuna meta kienet suppost għadha bis-sick leave dehret tippreżenta live programm fuq Super 1 TV fis-6.00 p.m. bl-isem ta' "Fuq 3 Toqgħod il-Borma"? Jekk fl-affermattiv, x'passi beħsiebu jieħu l-Ministru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet bis-sick leave fit-30 u l-31 ta' Diċembru 1998. F'dawn il-ġranet il-persuna in kwistjoni kellha tkun xogħol bejn is-7.30 a.m. u s-1.00p.m.Bejn is-1.00p.m. u s-6.00p.m. kienet mistennija taħdem bis-sahra.
Fit-3.00p.m. tal-31 ta' Diċembru 1998 din il-persuna infurmat lis-Supervisor tagħha li kienet f'pożizzjoni li tidħol għax-xogħol.
Jikkonsidra l-Prim Ministru li kulmin jiġi liberat mill-Qorti fuq akkużi ta' natura kriminali, għandu jkollu d-dritt li jitlob kumpens mill-Istat - anke sa ċertu limitu mpost b'liġi - għal kwalunkwe żmien li jkun għamel taħt arrest preventiv? Jikkonsidra li jkun idoneu li jitwaqqaf kumitat jew kummissjoni sabiex jevalwa l-implikazzjonijiet ġuridiċi ta' tali suġġeriment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-materja in kwistjoni fiha ħafna problemi kemm ġuridici u
finanzjarji u għalhekk wieħed irid jistudja fid-dettal dawn
il-fatturi qabel ma ssir xi deċiżjoni dwar kumpens.
Jista' l-Ministru jelabora dwar il-pjan li kien hemm sabiex il-Borsa ta' Malta titrasloka għal post ġdid f'Garrison Church fi Pjazza Castille? Jekk għad hemm dan il-ħsieb, meta huwa maħsub li se jitwettaq?
Response (DALLI, JOHN)
Il-ħsieb li l-Borża ta` Malta tiġi allokata post ġdid fil-Garrison Church f`Pjazza Kastillja jmur lura minn mindu beda n-negozju fuq il-Borza fl-1992. Pero`, kif jaf l-Onorevoli Membru, il-post ma setgħax jiġi rijabilitat qabel ma jiġi vakat mill-impjegati kollha tal-Posta. Fil-fatt, jien infurmat, li l-Posta għad fadlilha sezzjoni zgħira ta` mpjegati li tieħu ħsieb il-PO Boxes tal-Belt.
Madanakollu, il-Kunsill tal-Borża ħa ħsieb jagħmel u jipprepara dak kollu li hu meħtieġ biex ikun f`pożizzjoni li meta joħorġu l-permessi neċessarji, u l-post ikun vakat għall-kollox, ix-xogħol jibda bla dewmien.
Kif wieħed jista jantiċipa, il-preparazzjonijiet riedu jassiguraw li jiġu salvagwardjat il-valur storiku tal-post u tad-dintorni u għalhekk kien hemm il-ħtieġa li jintlaħaq ftehim, kemm ma` l-HAC u l-VRP, minbarra minn mal-PA. Jien infurmat li jidher li soluzzjonijiet li jissodisfaw l-partijiet kollha konċernati issa nstabu l-permessi neċessarji mistennijja li jinħarġu. Naħseb li l-Onorevoli Membru jifhem allura li l-ħsieb li jitwettaq il-proġett għadu hemm.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat finali, bl-isem ta' kull kandidat, għall-eżami b'riferenza għall-internal call for customer service officer fil-Maltacom li ħarġet fil-11 ta' Settembru, 1998)
Jista'l-Ministru jagħti l-breakdown ta' marki lil kull kandidat f'kull suġġett?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer il-Ministru tas-Saħħa fil-perijodu bejn Novembru 1996 u Awissu 1998? Min kienu l-persuni li akkumpanjawh kull darba? Kemm swiet kull safra u kemm kien il-perijodu li l-Ministru dam barra minn Malta kull darba?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Ministru tas-Saħħa siefer seba' darbiet fil-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-31 ta' Awissu 1998 kif jidher hawn taħt:
Geneva: Pre-Health Conference of Commonwealth Health Ministers
03/05/97 - 15/05/97
Hon Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Mr. Godfrey Xuereb
Dr. Malcolm Micallef
Total minfuq: Lm3894
Geneva: Meeting with WHO Officials 17/08/97 - 20/08/97
Hon. Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Dr. Malcolm Micallef
Total minfuq: Lm2454
Copenhagen: Meeting with WHO Officials 03/09/97 - 05/09/97
Hon. Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Ms Amy Genovese
Mr. Godfrey Xuereb
Total minfuq: Lm5423
Turkey: 47th Session WHO Regional Committee for Europe
14/09/97 - 18/09/97
Hon. Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Mr. Godfey Xuereb
Total minfuq: Lm5128
Geneva: Ministerial Delegation to attend 50th Assembly of WHO
08/05/98 - 12/05/98
Hon. Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Total minfuq: Lm2809
Geneva: Ministerial Delegation to attend WHO Convention
14/05/98 - 16/05/98
Hon. Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Total minfuq: Lm2748
Palermo: International Congress - Lo Statuto dell'Immagine
28/06/98 - 29/06/98
Hon. Dr. Michael Farrugia
Mr. Mario Azzopardi
Total minfuq: Lm407
Jista' l-Ministru jivverifika f'liema stadju waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva numru H 15359 magħmula mill-persuna, li isimha qed jintbgħat separatament? Jaħseb il-Ministru li tali applikazzjoni minn persuna sabiex tkun tista' tieħu ħsieb ta' ħuha, li huwa persuna b'diżabilita' konfinat għal wheelchair, għandha tingħata priorita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Fi kwalunkwe każ il-post li trid il-persuna indikata għadu mhux disponibbli.
11.1.99
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq il-Belt Valletta, f'Raħal Ġdid se tiġi rranġata, ġaladarba issa għaddew is-servizzi kollha minn taħt l-imsemmija triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li peress li din it-triq ġarbet ħafna ħsara qed issir kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tat-Toroq, il-Kunsill Lokali u l-'Utilities' biex jingħata wiċċ ġdid.
Is-sejħa għall-offerti diġa' ħarġet u l-offerta li ntefgħet qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jara li d-diversi lmenti tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex ma ssirx ħsara tas-soqfa tal-post li għadhom kif inbiddlu din is-sena stess jingħataw widen? Jista' l-Ministru jiżgura li d-Dipartiment ta' l-Artijiet li huwa responsabbli li jara li r-residenti jżommu mal-kondizzjonijiet tal-kirja, jagħmel xogħlu f'dan il-każ peress li tpoġġew żewġ tankijiet fuq il-bejt (minflok fuq travi) li qed jikkawżaw ħsara lis-saqaf imsemmi, minbarra skart u żibel fuq l-istess saqaf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, mill-file tad-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jirriżultax li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għamlet xi lment dar ħsara li tista' ssir fis-soqfa li għadhom kif inbidlu din is-sena.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Artijiet ser jagħmel l-ispezzjonijiet u jieħu l-azzjoni meħtieġa jekk ikun il-każ.
18.12.98 (pm)
Jista' l-Prim Ministru jieħu passi sabiex jiġi aċċertat li jkun hemm cleaners fl-uffiċini ta' l-Avukat Ġenerali tal-Main Guard faċċata tal-Palazz, peress li f'dan il-bini ilu ma jkun hemm tindif minn cleaners sa minn Ottubru 1996 u tali tindif huwa ormai impellenti u noċiv għas-saħħa ta' l-impjegati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li skond l-Avukat Ġenerali dan ma kellux
ilmenti mill-istaff tiegħu dwar l-istat ta' ndafa fl-
uffiċċju tal-Main Guard. Ma dan kollu hu ser jistħarreġ il-
kwistjoni u jara x'hemm bżonn isir, għalkemm għandu jingħad
illi mhux minnu li ilu ma jsir tindif kif imsemmi mill-
Onorevoli interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kif ingħataw l-irmiġġi tal-PTF (part-time fisherman) u ta' l-isport fil-Port ta' l-Imsida minn fejn jibda l-mall ħdejn l-iskall (faċċata tal-Lucky Bar) għal mad-dawra ta' quddiem il-Knisja ta' l-Imsida san-naħa l-oħra fejn hemm l-iskall l-ieħor ta' quddiem it-traffic lights? Taħt liema kondizzjonijiet jew b'liema priferenzi jingħataw dawn l-irmiġġi? Jista' s-sid ta' l-irmiġġ jislef l-irmiġġ tiegħu jew jippermetti lil xi ħaddieħor biex jorbot fuq l-irmiġġ tiegħu u jekk iva, għal kemm żmien skond il-liġi jista' jislef l-irmiġġ jew jagħti dan il-permess? Kemm ingħataw permessi għal irmiġġi jew kemm bidlu idejn irmiġġi fl-istess lokalita' (ċioe' Imsida Creek) minn Marzu ta' l-1997 sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta sar l-iżvillupp tal-Yacht Marina fl-Imsida fl-1989, dawk l-opri kollha li kienu jsorġu fin-nofs tad-Daħla jew mall-molijiet eżistenti, ġew mitluba japplikaw sabiex jingħataw irmiġġ fis-sezzjoni tas-sajjieda, jiġifieri, minn ħdejn l-iskall faċċata tal-Lucky Bar sa ħdejn l-iskall fejn hemm it-Traffic Lights, inkluż il-pontoon it-twil, li ħiereġ minn naħa tal-knisja ta` l-Imsida.
L-applikanti li kienu full-time fishermen, part-time fishermen u sports ġew maqsuma f`kategoriji skond il-qies tal-qoxra tagħhom u wara allokati post bil-polza fis-sezzjonijiet rispettivi skond in-numru ta` postijiet li ġew ikkreati fuq il-pontoon u l-mollijiet. B`kollox hemm sitt kategoriji differenti ta` qisien ta` dgħajjes. Ħlas nominali ta` Lm5 fis-sena japplika għal kważi l-opri kollha sorġuti ġewwa l-Imsida taħt din l-iskema.
Peress li l-irmiġġi kollha huma okkupati ma tantx hemm possibilita` li jingħataw irmiġġi ġodda, ħlief f`xi każ rari meta xi ħadd ibiegħ l-opra u din tmur tirmiġġja f`bajja oħra.
L-Awtorita` Marittima ma ssib l-ebda oġġezzjoni li sid ta` irmiġġ iħalli persuna oħra tokkupa l-post tiegħu fuq bażi temporanja waqt li l-opra tas-sid tkun imtella l-art. Dan ma jfissirx li l-Awtorita` Marittima tippermetti lis-sid li jittrasferixxi l-irmiġġ b`mod permanenti. Ma hemm l-ebda indikazzjoni ta` żmien dwar l-okkupazzjoni temporanja ta` irmiġġ.
Min Marzu ta` l-1997 sal-lum ġew trasferiti 37 dgħajsa minn sid għall-ieħor li magħhom ġie trasferit ukoll l-irmiġġ ta` l-istess dgħajsa għal fuq is-sid il-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm arretrati huma dovuti mit-Terranet Ltd (Maltanet) lill-Maltacom u minn meta huma dovuti? X'azzjonijiet ħadet jew beħsiebha tieħu l-Maltacom sabiex dawn l-arretrati jitħallsu? Dawn l-azzjonijiet jew pariri tal-Maltacom huma l-istess bħal dawk li l-Maltacom tieħu fil-konfront ta' arretrati ta' internet service providers oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.