Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7357 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Vetturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-vetturi ta' l-AFM humiex koperti b'polza t'assigurazzjoni? Jekk le, f'każ ta' inċident stradali li jkun dovut għal negliġenza tas-sewwieq tal-vettura ta' l-AFM, min jagħmel tajjeb għal ħsarat? Dan ifisser li l-gvern huwa bilfors passibbli fil-Qorti għar-riżorċiment ta' danni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-vetturi tal-FAM mhumiex assigurati. F'każ ta' aċċident stradali li jirriżulta li seħħ ħtija tas-sewwieq militari, l-ispejjez kollha konnessi ma l-aċċident jitħallsu mill-FAM. Meta jkun hemm dubji ta' min hu t-tort, jew jekk ma jkunx tort tas-sewwieq militari, l-każ jista jiġi riferut lill-Qorti Ċivili, skond il-parir li jagħti l-Avukat tar-Repubblika.
Leg 9 PQ #7358 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jillumina lill-Kamra dwar ir-raġuni għaliex l-impjegat mal-Kalaxlokk Company, li ismu qed jintbagħat separatament ilu sa mill-1992, bl-istess paga salv iż-żieda statutorja għall-għoli tal-ħajja? Għaliex impjegat ieħor li ġie impjegat mal-Kalaxlokk fil-15 ta' Ġunju, 1994, bl-istess kwalifiki tiegħu jingħata paga ogħla? Jaħseb il-Ministru li wara seba' snin ta' servizz tajjeb u leali, impjegat għandu jkun eliġibbli għal promotion jew żieda fil-paga tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi mistħarreġ u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7359 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Santa Luċija - Strutturi llegali

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari numru 6132, jista' l-Ministru jivverifika l-informazzjoni kif mogħtija peress li hemm ta' l-inqas każ ieħor ta' terrazzin mibni llegalment fi Triq il-Lellux, Santa Lucija ġewwa l-block tal-flats "G" u l-blokk "H" u fir-rigward ta'dawn ma ttieħdu l-ebda passi? Għaliex f'każ inħareġ avviż ta' twettiq u f'każi oħra le, minkejja r-rapporti li diġa' saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar wara li saru rapporti anonimi dwar żvilupp illegali fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, irriżulta li kien hemm numru ta' terazzini li skond informazzjoni mgħoddija tindika li dan ix-xogħol kien sar minn ħaddiema tal-Gvern snin ilu u meta l-Gvern ma kienx jirrikjedi xi forma ta' permessi mill-PAPB ta' dak iż-żmien u allura ma setgħux jittieħdu passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'dawn il-każijiet.
Leg 9 PQ #7349 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Liġi dwar il-Condomini

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5088 tas-Seduta Numru 69?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet li rreferejt għalihom fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5088 għadhom għaddejjin. 31.05.99(p.m.)
Leg 9 PQ #7350 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Raba' Distrett - Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li hemm allokati jaħdmu fir-Raba' Distrett Elettorali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-ħaddiema li jaħdmu mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u li huma allokati jaħdmu fir-Raba' Distrett Elettorali huma hekk: Lokalita Numru ta' Ħaddiema Raħal Ġdid 11 Tarxien/Gudja Ix-xogħol li jkun hemm bżonn, issir mill-istess ħaddiema ta' Raħal Ġdid Santa Luċija 3 Marsa 6
Leg 9 PQ #7351 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Ambjent

Wied Blandun — Tindif

Question

Jikkunsidra l-Ministru li Wied Blandun, li jmiss ma' Raħal Ġdid u l-Fgura, jiġi mnaddaf? Jaħseb il-Minitru li wasal iż-żmien li tali wied isir park u mogħti lill-kunsilli lokali li jmissu miegħu sabiex jibqa' jiġi mħares?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ħadt nota tas-suġġeriment pożittiv li għamilli l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #7352 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Hypogeum - Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili li jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4875 tas-Seduta Numru 69?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ttieħdu l-miżuri mieħtieġa b'riżultati sodisfaċenti.
Leg 9 PQ #7353 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Imdina — Sur - Tindif

Question

Jikkonsidra l-Ministru li l-parti tas-sur ta' l-Imdina li tinsab fuq ix-xellug inti u dieħel mill-entratura prinċipali ta' l-Imdina, titnaddaf mill-ħaxix li tħalla jikber matul is-snin? Jaħseb il-Ministru li jkun utili li titwaqqaf unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Mużewijiet bl-iskop speċifiku li jindukraw u jnaddfu s-swar f'Malta u Għawdex b'mod sistematiku u regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Bormla — 32/1 Bormla Gate

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li suppost qed tirrisjedi fil-fond Numru 32/1, Bormla Gate, Bormla, in segwitu tar-requisition order numru 39223, fil-fatt mhux qed toqgħod hemm iżda qed tirrisjedi fiż-Żejtun? Fid-dawl ta' dan kollu, jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni mingħajr pre-avviż fil-fond imsemmi sabiex jiġi żgurat li din hi l-pożizzjoni u jekk fl-affermattiv jara li l-fond imsemmi jerġa' jingħata lura lil sidu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm fir-Reġistru Elettorali l-inkwilina għadha tidher reġistrata fl-indirizz indikat, jien infurmat illi se jsiru aktar spezzjonijiet tal-post. 31.5.99

Servizzi Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga b'liema awtorita' l-għajnuna soċjali tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ġiet terminata fl-aħħar ta' April 1999 meta allegatament żewġ spetturi ta' l-ETC waqqfu lil dan l-individwu f'nofs ta' triq u rrapportawh li kien qed jaħdem waqt li qed jirreġistra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond rapport ta' l-ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ il-persuna ndikata ma twaqqfitx f'nofs ta' triq iżda sabuħ jaħdem fuq bejt. Għaldaqstant huwa ġie maqtugħ minn fuq ir-Reġistru. 31.5.99
Leg 9 PQ #7344 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — Ipoġew

Question

Jista' l-Ministru jara kif wara li, b'riżultat ta' l-intervent u l-interess tiegħu stess, kienu waqfu l-vibrations u ħsejjes oħra mill-air conditioners tal-Hypogeum ta' Raħal Ġdid, liema ħsejjes kienu qed jikkawżaw disturbi u inkonvenjent kbir lir-residenti ta' l-inħawi, dawn il-ħsejjes reġgħu bdew ftit tal-ġranet ilu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Ċentru ta' Arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jibda jopera ċ-ċentru ta' arbitraġġ minn Malta? Kemm huwa maħsub li se jimpjega nies?

Response (GATT, AUSTIN)

Issa li saru l-preparamenti meħtiega biex ic-Ċentru jkun jista` jopera, il-ftuħ uffiċjali se jsir ghal ħabta ta` Settembru li gej. Dwar in-numru ta` impjegati dan naturalment jiddependi hafna mix-xoghol li se jkun iggenerat imma, bhala bidu, se jkun hemm bzonn ta` mhux anqas minn 5 impjegati. L-impjegati jkunu Registrar, Accountant, 2 Secretaries u Driver-Messenger.
Leg 9 PQ #7346 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Proprjeta' tal-Gvern — Kiri minn Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5403 tas-Seduta Numru 75?

Response (BORG, TONIO)

Biex tkun tista' tingħata tweġiba għall-Mistoqsija jkun meħtieġ li tinġabar informazzjoni mill-Parterships Branch tal-Malta Financial Services. Ikun meħtieġ ukoll li tingħata l-informazzjoni dwar l-isem u I.D. Card Number tal-membri parlamentari kollha kif ukoll tar-raġel jew il-mara tagħhom, skond il-każ, u tat-tfal tagħhom. Jidhirli li sabiex isir dan, irid ikun hemm il-kunsens ta' l-individwi, speċjalment fejn jirridwardja t-tfal. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #7347 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċini — "Trusopt"

Question

Jikkonsidra l-Ministru li l-mediċina "Trusopt", minbarra li tibqa' tingħata mill-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa, tibda tingħata wkoll mill-poliklinika ta' Raħal Ġdid peress li pensjonant partikolari li jgħix waħdu fi stat ta' saħħa prekarja qed ikollu jmur bilfors Gwardamanga meta jista' jottjeniha mill-poliklinika tal-lokal tiegħu stess?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-mediċina `Trusopt' tinxtara għall-pazjenti individwali u peress li jrid ikun hemm kontroll fuq dawn it-tip ta' mediċini, dawn jistgħu jingħataw biss mill-ispiżerija ta' L-Isptar San Luqa. Madankollu, m'hemmx għalfejn li jiġbor il-mediċina il-pazjent innifsu, imma, xi ħadd ieħor jista' jiġbor il-mediċina għalih dejjem jekk iġib miegħu id-dokumenti meħtieġa tal-pazjent.

Enemalta — Linesmen

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fit-18 ta' Marzu, 1999 kien se jsir eżami għall-linesmen mal-Korporazzjoni Enemalta, liema eżami ġie pospost u ma sarx? X'kienet ir-raġuni li tħassar dan l-eżami? Jaħseb il-Ministru li l-għaqal jiddetta li ħames persuni li ilhom kważi tlett snin jiġu mgħallmin mill-Korporazzjoni Enemalta b'investiment kbir ta' flus jinħarġu għal linesmen u għandhom jiġu utilizzati mill-istess korporazzjoni mill-aktar fis stante li hemm bżonn ta' aktar linesmen?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni Enemalta hija waħda mill-organizazzjonijiet li tisponsorja numru ta' studenti ta' l-ESTS u TAS. Pero' skond ir-regoli ta' dan l-apprentistat, il-Korporazzjoni mhix obbligata li timpjega dawn l-istudenti wara li jtemmu l-kors. Fil-preżent il-Korporazzjoni qegħda tagħmel eżerċizzju biex tevalwa l-gradi u l-bżonnijiet tagħha u għalhekk mhux prudenti li timpjega nies qabel ma jsir it-tmiem ta' dan l-eżerċizzju.
Leg 9 PQ #6132 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Sta. Luċija - Strutturi llegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jew jikkonferma li saru diversi rapporti anonimi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar strutturi llegali fi Triq il-Lellux, Sta. Luċija? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement order ħareġ in vista ta' dawn ir-rapporti anonimi? Jekk ma ħareġ l-ebda enforcement order f'xi wieħed minn dawn il-każijiet, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni u x'passi se jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tweġiba hija fl-affermattiv. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar inħarġu Enforcement Notice f'żewġ każi minn dawk indikati. F'każ minnhom is-sid neħħa l-illegalita' u fil-każ l-ieħor l-Enforcement Notice huwa pendenti. Fil-każi l-oħra rriżulta li l-allegat bini llegali kien sar minn ħaddiema tal-Gvern madwar 22 sena ilu meta l-Gvern ma kienx jirrikjedi xi forma ta' permessi mill-PAPB ta' dak iż-żmien u għalhekk ma jistgħux jittieħdu passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.

Enemalta — Ħaddiema b'identification tags

Question

Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li meta mpjegati ta' l-Enemalta jżuru n-nies fid-djar privati tagħhom sabiex jiċċekkjaw meters tad-dawl, dawn ikunu liebsin l-identification tags u jiddentifikaw rwieħhom ma' dak li jkun? Jista' l-Ministru jagħti spjega għaliex meta riċentement ħaddiema ta' l-Enemalta żaru negozju fi Triq Palma, f'Raħal Ġdid dawn la kienu liebsa l-imsemmija tag u lanqas identifikaw lilhom infushom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Meta l-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta jmorru jagħmlu spezzjonijiet, dawn jintroduċu ruħhom bħala impjegati tal-Korporazzjoni u meta jiġu mitluba juru l-'identification tag'. Jiena nfurmat li meta riċentament, u ċioe` fis-27 ta' Marzu, impjegati tal-Korporazzjoni żaru n-negozju imsemmi, dawn introduċew ruħhom bħala mpjegati ta' l-Enemalta, iżda ma ġewx mitluba juru dokument ta' identifikazzjoni.
Leg 9 PQ #6099 Sitting 84 1999-04-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti tat-Tielet Eta'

Question

Jista' l-Ministru jindika n-numru ta' studenti li jattendu l-Universita' tat-Tielet Eta'? Kemm hemm minn kull distrett elettorali? X'inhuma l-etajiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li qed jattendu l-Universita` tat-Tielet Eta` matul is-sena akkademika 1998-1999 huwa ta' 852. L-etajiet tal-Membri jvarjaw minn 60-85 sena. Għalkemm il-Membri ġejjin mid-distretti kollha elettorali ma għandniex informazzjoni skond id-distretti elettorali.

Power station — Delimara

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żvilupp huwa maħsub li baqa' jsir fil-power station ta' Delimara? Jista' jagħti jew jindika sena entro il quale ix-xogħol jista' jitqies bħala mitmum u komplut?

Response (BONNICI, JOSEF)

Billi d-domanda għall-eletriku tiżdied aktar ma' jgħaddi żmien; ikun meħtieġ li jsir tkabbir tal-power station ta' Delimara. Dan isir f'diversi fażijiet. Ta' min jgħid li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tlsta fl-1992 u x-xogħol tat-tieni fażi mistenni jitlesta aktar tard din is-sena. Rigward fażijiet oħra ta' tkabbir, deċiżjoni tittieħed fil-mument opportun.