Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8082 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel statali — Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il facilitator kwalifikat hawn li jaħdem mal-persuni b'diżabilita' fl-iskejjel ta' l-Istat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa fl-iskejjel ta' l-Istat hemm 35 persuna li għandhom il-kwalifiki ta' facilitator li qed jaħdmu ma' tfal b'diżabilita` u qed jistennew li jieħdu l-ħatra ta'facilitator.

Reġistrazzjoni ta' koperattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru tal-koperattivi kollha li hawn reġistrati f'pajjiżna? Kemm-il koperattiva hawn li ilha reġistrata anqas minn għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposti huma kif ġejjin:- 1) bħalissa hawn disgħa u tletin (39) koperattiva reġistrata f'pajjiżna; 2) hawn erbgħa u għoxrin (24) koperattiva li ilha reġistrata anqas minn għaxar snin. 30.06.99

Impjiegi — Job mobility

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jingħata n-numru, anke jekk approssimattiv, ta' l-hekk imsejjaħ "job mobility" f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra. 30.06.99
Leg 9 PQ #7805 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru għar-Restawr — Stone Carver

Question

Jista' l-Ministru, in vista tat-twaqqif ta' Ċentru għar-restawr u l-bżonn sussegwenti għal restawraturi kwalifikati, anke fuq bażi part-time kif deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern ta' l-1 ta' Ġunju, 1999, jgħid jekk ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni taħt l-Extended Skill Training Scheme għal Stone Carver hux se jkun kkonsidrat bħala kwalifika idonea għall-eliġibilta' f'dan iċ-ċentru għar-restawr?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kwalifiki meħtieġa biex wieħed jidħol jaħdem bħala restawratur fiċ-Ċentru Malti għar-Restawr part-time jew full-time huma dawk maħruġa minn l-Istituto Centrale del Restauro ta' Ruma, l-Istituto Centrale della Patologia del Libro ta' Ruma u l-Opificio delle Pietre Dure ta' Firenze jew ekwivalenti. Dawn il-kwalifiki jeħtieġu kors ta' livell post sekondarju li jkun tlieta jew erba' snin u l-istudenti li jiġu aċċettati fih ikollhom livell avvanzat ta' edukazzjoni. Il-kors ta' l-Extended Skill Training Scheme mhux ekwivalenti u l-anqas komparabbli ma dawn il-kwalifiki. Għaldaqstant għal student fl-ESTS li jixtieq biex jidħol bħala restawratur part-time jew full-time għandu l-ewwel jgħaddi kors magħżul minnu offrut miċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Leg 9 PQ #7872 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vice squad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Vice Squad se tittrasloka għal post ġdid 'il barra mid-Depot? Sa meta huwa maħsub li jitlesta dan il-proġett?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li l-Victim Support Unit, li tifforma parti mill-Vice Squad tiġi msaħħa u tibda topera mill-bini l-ġdid ta' l-għassa ta' l-Imtarfa.
Leg 9 PQ #7873 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Prison Regulations ta' l-1995

Question

Peress illi l-Prison Regulations ta' l-1995 jipprovdu għall-għoti tal-prison leave lil dawk li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali u mhux sentenzjati sabiex dawn jagħmlu drug rehabilitation programme, kif tinkwadra ruħha d-deċiżjoni riċentissima tad-Direttur tal-Ħabs li mhux se jibqa' jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu għall-prision leave għal dan l-iskop u se jirrikjama lura l-ħabs lil dawk li qed jagħmlu tali programmi jekk dawn ma jingħatawx il-bail mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Skond l-artikolu 61 (1) tar-Regolamenti ta' l-1995 dwar il-Ħabs, leave mill-ħabs jista` jingħata mid-Direttur tal-Ħabs, filwaqt li l-artikolu 61 (5) jipprovdi li kull priġunier li jingħata leave taħt l-artikolu 61 jista` jsejjaħ lura l-ħabs f'kull ħin sew jekk il-kundizzjonijiet tal-leave tiegħu ikunu nkissru jew le. F'ċerti każi l-Qorti ma tagħtix il-liberta` proviżorja lill-priġunier iżda tagħmel rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs biex l-istess priġunier jattendi programm ta' rijabilitazzjoni mid-droga. Minkejja li f'każi bħal dawn il-priġunier ma jkunx ingħata l-liberta` proviżorja, dan jista` jkun qiegħed barra mingħajr ebda sorveljanza għax hekk jitolbu programmi bħal dawn. Barra minnhekk il-perijodu ta' żmien li l-istess priġunier jagħmel fil-programm jitqies daqs li kieku qattgħu fil-Faċilita` u jitnaqqaslu mis-sentenza jekk u meta dan jiġi misjub ħati mill-Qorti. Dan, fl-opinjoni tad-Direttur, jista` jagħti lok għal abbużi u kien għalhekk li ħa deċiżjoni li jirrikjama lura l-ħabs lil dawk il-priġunieri mhux issentenzjati li bħalissa qed jattendu tali programmi. Dawn ġew avżati jagħmlu rikors biex jingħataw il-liberta` proviżorja sabiex ikomplu jattendu l-programm. S'issa għadu ma ssejjaħ ħadd lura l-Ħabs għaliex huwa prudenti li dawn jingħataw żmien raġjonevoli biex jagħmlu tali rikors.
Leg 9 PQ #7955 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Telefonati għal barra

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex il-Maltacom qed tibqa' tinsisti ma' l-abbonata, li isimha qed jintbagħat separatament, biex tħallas l-ammont ta' Lm723.31 li allegatament saru minnha jew minn membri tal-familja tagħha f'six calls barra minn Malta, meta dawn b'diversi affidavit xehdu li qatt m'għamluhom? Jista' l-Ministru jara li l-Maltacom tkun aktar sensittiva f'każi bħal dawn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jifhem li din mhix kwistjoni li l-Maltacom tkun aktar sensittiva. Il-kumpanija hija fid-dover li tiġbor flusha, aktar u aktar wara li dan il-każ ġie investigat minn żewġ bordijiet u cioe' mill-Billing Contestation Board u mill-Appeals Contestation Board, dan ta' l-aħħar bord indipendenti u li d-deċiżjoni tiegħu hija finali. Iż-żewġ bordijiet daħlu fid-dettal dwar dan il-każ u t-tnejn waslu għall-istess konklużjoni, jiġifieri li l-kont għandu jiġi mħallas mill-klijenta. Rigward l-affidavit, ta' min jinnota li dan sar mill-klijenta biss u mhux mill-membri l-oħra li jgħixu fid-dar. Jekk il-klijenta tħoss li mhix f'pożizzjoni li tħallas il-kont kollu f'daqqa, nissuġġerixxi li tm,għur il-Maltacom sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa biex il-ħlas isir f'numru ta' pagamenti.
Leg 9 PQ #8077 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Bini llegali

Question

Wara li l-persuna mill-Gudja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qabad u tella' ħajt madwar plot proprjeta' tal-Joint Officer, tant li l-Planning Authority ħarġet Enforcement Order ECF 97/98 fi Frar 1998, jista' l-Ministru jieħu dawk il-passi neċessarji u jagħti dawk il-provvedimenti opportuni sabiex dan il-ħajt ifittex jitwaqqa'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ħadet passi skond l-Att 1 ta' l-1992 dwar l-Iżvilupp kontra l-okkupant ta' l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kif ukoll kontra l-Joint Office. Fin-nuqqas li dawn jonqsu li jirrimedjaw skond il-liġi, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar tieħu l-passi hi a spejjeż tagħhom. Il-każ huwa ndikat biex tittieħed azzjoni fi żmien qarib.
Leg 9 PQ #8078 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Twaqqigħ ta' ħajt illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li tingħata stima ta' kemm ġie jiswa x-xogħol ta' ħatt tal-ħajt mibni llegalment u mingħajr permess tal-Planning Authority ġewwa Buġibba, liema ħajt inbena matul l-amministrazzjoni Laburista 1996-1998?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ħatt ta' l-istruttura msemmija mill-Onorevoli Interpellant hu xogħol li sar b'sejħa għall-offerti. Il-kuntratt ġie mogħti għas-somma ta' Lm9,682. liema kuntratt ġie estiż b'somma addizzjonali ta' Lm3,243. biex ikopri xogħol ta' natura simili fl-istess inħawi. Il-valur finali tax-xogħol kollu li sar qiegħed jiġi determinat permezz tat-Taqsima tal-Quantity Surveying fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #7799 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna ta' Malta — Ħaddiema barranin

Question

Fl-amministrazzjoni tat-Tarzna kemm hemm impjegati ta' nazzjonalita' barranija? Meta ġew impjegati u b'liema kondizzjonijiet? Jista' l-Ministru jagħti r-rimunerazzjoni tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent it-Tarzna qed timpjega żewġ persuni ta' nazzjonalita' barranija fil-kariga ta' Chief Executive Enterprises u Chief Executive Shiprepair. Dawn iż-żewġ persuni ġew impjegati wieħed b'effett mill-5 ta' Lulju 1998 u l-ieħor mill-1 ta' Ottubru 1998. Iċ-Chief Executive Enterprises ġie impjegat għal tlett snin b'effett mill-5 ta' Lulju 1998 li jistgħu jiġu mġedda, versu r-remunerazzjoni annwali GBP 77,000 mingħajr taxxi lokali. Iċ-Chief Executive Shiprepair ġie impjegat għal- perjodu ta' sena b'effett mill-1 ta' Ottubru 1998 li tista tiġġedded, versu r-remunerazzjoni annwali ta' GBP 85,000 mingħajr it-taxxi lokali.
Leg 9 PQ #7800 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tat-Turiżmu

Lukandiera — Millennium bonus

Question

Jista' l-Ministru jindika, anke jekk b'mod approssimattiv, l-ammont ta' millennium bonus li se jingħata mill-lukandiera għal dawk il-ħaddiema li se jkunu xogħol lejliet l-ewwel tas-sena 1999-2000?

Response (REFALO, MICHAEL)

L-għoti tal-bonus, inkluż il-'millennium bonus' u l-pagi tal-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu, bħal dawk f'industriji oħra, huma suġġetti għall-ftehim speċifiku bejn il-'unions' u sidien ta' stabbilimenti. Jifhem l-Onorevoli Membru, għalhekk, li jiena m'inhix f'pożizzjoni li nwieġeb il-mistoqsija, anke b'mod approssimattiv.
Leg 9 PQ #7801 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Immigranti llegali — Deportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' immigranti llegali li bħalissa qed jistennew d-deportazzjoni minn Malta? F'liema postijiet qed jinżammu? X'inhi l-kapaċita' massima ta' dawn il-postijiet ta' kustodja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fid-19 ta' Ġunju, 1999, in-numru ta' barranin li kienu qed jistennew biex jiġu deportati minn Malta kien ta' 61, li minnhom 6 huma nisa. In-nisa qegħdin jinżammu fil-Kumpless ta' Lyster Barracks, filwaqt li l-irġiel qegħdin jinżammu fil-Kumpless ġewwa ta' Kandja. Dawn qegħdin jinżammu f'żewġ dormitorji illi jesgħu 72 post.
Leg 9 PQ #7802 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Bozoz fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' bozoz għal-lampi fit-toroq li l-Korporazzjoni Enemalta għandha fl-imħażen tagħha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta għandha l-istock segwenti ta' bozoz fl-imħażen tagħha TIP TA' BOZOZ KWANTITA' HPMV 125 watts 5240 SON 210 watts (direct replacement) 241 SON 350 watts (direct replacement) 756 SON 150 watts 1572 SON 250 watts 892 SOX 90 watts 1219
Leg 9 PQ #7803 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' l-armi tan-nar

Question

Ma jaħsibx il-Ministru li hija anomalija li filwaqt li wieħed jista' jkollu licence to keep u licence to carry fil-konfront t'armi tan-nar, dan jista' jkollu biss licence to keep fil-konfront t'air gun, aktar u aktar meta l-isport ta' l-isparar bl-air gun huwa rikonoxxut mill-International Olympic Committee?

Response (BORG, TONIO)

Qed jiġi kkunsidrat li jsiru arranġamenti biex wieħed ikollu liċenzja biex ikun jista` jġorr airgun għal-skopijiet ta' sport fuq ranges approvati.

Sedqa — Programm "Substance abuse free employees"

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' parteċipanti fil-programm tas-Sedqa magħruf bħala "Substance Abuse Free Employees" li ġie mniedi madwar sentejn u nofs ilu? Kemm huwa n-numru ta' dawk li qed jattendu għalih fil-preżent? Kemm-il impjegat tal-gvern attenda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. In-numru ta' parteċipanti fil-programm Substance Abuse Free Employees tas-sedqa mill-bidu tiegħu s'issa, kien 3,714; 2. In-numru ta' dawk li qed jattendu għalih fil-preżent hu 20; 3. Attendew 149 impjegati tal-Gvern għal dan il-programm. 22.6.99
Leg 9 PQ #7793 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Internet — Ċentri ta' aċċess

Question

Fil-pjan li hemm li jitwaqqfu ċentri ta' aċċess għall-Internet biex ikun implimentat is-Servizz Universali għall-komunita' jista' jiġi kkonsidrat li dawn iċ-ċentri jkunu fil-bini tal-Kunsilli Lokali? Sa meta huwa ppjanat li dawn iċ-ċentri jkunu bdew joperaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-pjanijiet li qegħdin jitħejjew biex ikunu mwaqqfa ċentri ta' aċċess għall-Internet biex ikun implimentat is-Servizz Universali għall-komunita` hu maħsub li jintużaw l-iskejjel, il-libreriji fl-iskejjel, libreriji reġjonali u l-bini tal-Kunsilli Lokali skond il-faċilitajiet li jeżistu jew li huma ppjanati fil-lokal. L-ewwel fażi ta' dan il-proġett hi maħsuba li tiġi mibdija f'Lulju permezz ta' 'proġett pilota' f'lokalita` waħda, bi tħejjija għall-ftuħ ta' l-ewwel ċentru f'Settembru 1999. Il-pilot project għandu jiżdied għal żewġ lokalitajiet sa Novembru 1999. Qiegħda tingħata mportanza kbira lill-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Minbarra taħdidiet u tħejjija mad-Direttorat tal-Kunsilli Lokali, ta' min isemmi li matul l-ewwel fażi tal-proġett, f'Novembru 1999, sejra ssir l-ewwel Konferenza Ewropeja fuq is-Servizz Universali fil-Komunita` organizzata f'Malta mill-Kunisll ta' l-Ewropa flimkien mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Hu maħsub li l-Kunsilli Lokali ta' Malta kollha sejrin jiġu mistiedna jibgħatu rappreżentant għal din il-konferenza.
Leg 9 PQ #7794 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Programm ta' riabilitazzjoni — Ħlas ta' spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid min iħallas l-ispejjeż - Caritas jew l-Awtoritajiet tal-Ħabs - għall-individwu li jkun bil-prison leave u qed isegwi programm residenzjali ta' riabilitazzjoni fiċ-ċentru ta' San Blas tal-Caritas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond ftehim bejn il-Gvern u Caritas, preżentement il-Gvern iħallas Lm10 kuljum lil din l-Aġenzija għal kull priġunier li jkun qed isegwi programm ta' riabilitazzjoni fiċ-ċentru San Blas. Barra minnhekk il-Gvern qed iħallas lill-Caritas il-pagi ta' ko-ordinatur u erba` day-workers, li jammontaw għal Lm22,200 fis-sena. Fil-futur qarib, il-Gvern irid jibda jħallas lil din l-aġenzija l-pagi ta' żewġ day workers oħra u jipprovdi żewġ Uffiċjali Korrettivi biex jaħdmu fl-Annex ta' San Blas. Dan ifisser li, kull sena, l-Gvern ikun qed iħallas lill-Caritas is-somma ta' Lm37,845 apparti Lm10 kuljum għal kull priġunier li jkun qed isegwi l-programm.
Leg 9 PQ #7795 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tat-Turiżmu

Lukandi/Restoranti — Ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema huma dawk il-lukandi/ristoranti li mhux qed josservaw l-avviż legali ta' l-1993 li jistipula li dawn irid ikollhom kuntratt mal-privat għall-ġbir ta' l-iskart tagħhom?

Response (REFALO, MICHAEL)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Qrati — Użu ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-impjegati li jaħdmu fl-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja, kemm hemm li huma ntitolati għall-użu ta' vettura tal-kiri? Jista' jsir użu ta' tali vetturi minn dawn in-nies wara l-ħinijiet tax-xogħol normali? Jistgħu jintużaw fil-weekend għall-użu tal-membri tal-familja ta' l-impjegati?

Response (GATT, AUSTIN)

L-impjegati fl-amministrazzjoni tal-Gustizzja li qed jaghmlu uzu mill-karozzi tal-kiri huma tlett Assist
Leg 9 PQ #7797 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna ta' Malta — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema tat-Tarzna ta' Malta fl-1999 u x'kien fl-1995 u fl-1990? Minn dawn il-ħaddiema kemm hemm fl-1999 li għandhom 'il fuq minn 40 sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fl-1990 it-Tarzna ta' Malta kienet timpjega 3816-il ħaddiem, waqt li fl-1995 it-total ta' ħaddiema f'din l-azjenda kien jammonta għal 3423. Sal-11 ta' Ġunju 1999, in-numru ta' ħaddiema impjegati kien ilaħħaq l-2998. Minn dan it-total, 1888 ħaddiem għandhom aktar minn 40 sena.