Huwa korrett li jingħad li l-għoti ta' liċenzji għall-bejgħ mill-barranin, speċjalment mill-Għarab, ilu jsir għal mill-inqas erba' snin inkluż taħt l-amministrazzjoni preċedenti? Huwa korrett li jingħad li l-GRTU qatt ma lissnet kelma waħda ta' protesta meta fl-1997 barranin tħallew ibiegħu fit-Trade Fair kontra l-protesti riċenti tal-GRTU?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni sabiex ir-Requisition Order No. 0048/94 maħruġ fis-16 ta' Marzu, 1994 jitneħħa minħabba li huwa lampanti u llum m'għadx hemm loku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi r-rekwiżizzjoni titneħħa meta jiġi aċċertat li l-inkwilina qed toqgħod fil-post regolarment.
Jista' l-Prim Ministru jindaga għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament li kien għamel l-eżami għall-Assistant Head taħt l-awspiċi tal-PSC kif mit-tielet parti fl-eżami oriġinali li sar f'Ġunju 1998 (liema eżami ġie annullat) spiċċa fit-78 post meta l-eżami reġa' sar f'Awissu 1999?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-ħofor li żviluppaw eżatt quddiem il-GWU u fit-Triq l-Ifran, Valletta jiġu mimlija mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li diġa saru arranġamenti bi ftehim mal-Kunsill Lokali sabiex il-ħsara fi Triq l-Ifran u Triq San Ġwann Kavalier jissewwew nhar il-Ħadd biex ix-xogħol ma jfixkilx l-aċċess għall-Belt minn din it-triq prinċipali.
Jista' l-Ministru jara li l-ħofra enormi li żviluppat eżatt ħdejn ir-roundabout ta' ħdejn is-Saltfish u Villa Gerit fi Triq Bormla, Raħal Ġdid tiġi mimlija skond is-sengħa u l-arti mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lokalita` li ġiet indikata mill-Onor. Interpellant diġa ġiet imsewwija mid-Dipartiment tat-Toroq.
Jista' l-Ministru jara f'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għażla ta' policy officers fi ħdan l-EU Directorate, liema proċess inbeda f'Mejju li għadda? Huwa possibbli li jingħad sa meta se jkunu ġew magħżula dawn il-policy officers?
Response (BORG, JOE)
Il-Proċess ta' l-għażla tal-Policy Officers huwa kondott mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku u kwalunkwe referenza għal dan il-proċess għandha ssir lill-istess Kummissjoni.
Nista, pero, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sar il-proċess tal-interviews u r-rapport relattiv intbagħat lill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-flats tal-gvern li se jiġu mbajda u rranġati fil-futur qarib ġewwa Paola, Tarxien, Marsa, Gudja u Santa Luċija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma jkunx prudenti li wieħed jippubblika l-lista mitluba.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li jsiru pelican lights quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin f'Raħal Ġdid minflok iż-żebra crossing preżenti minħabba li xorta waħda kważi ta' kuljum, minħabba l-ispeed eċċessiv tal-karozzi li bih il-vetturi jkunu telgħin it-telgħa diversi pedestrians qed jisfaw kważi mtajra minn fuq iż-żebra crossing?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jikkonsidra dan
ix-xogħol u qed f`diskussjonijiet mal-Bord tal-Kontroll
tat-Traffiku għall-implementar tiegħu.
Billi qed jingħad minn xi wħud li t-toroq f'Ħal Tarxien li għandhom bżonn asfaltar urġenti (speċjalment dawk biswit l-iskola f'Ħal Tarxien ħdejn Tal-Barrani, u ċioe' Triq Spiru Spiteri, Triq Burlo', Triq Pawlu Schembri, Triq il-Vittmi tal-Gwerra, Triq Dar il-Kejka, Triq Dun Ġwann Mamo u Triq Xintill) mhux se jsir tali xogħol għalissa, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jikkonferma li fil-fatt dan l-asfaltar se jsir fil-futur qarib ħafna? Fiex wasal dan il-proċess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant qed isiru l-pjanti tagħhom sabiex jiġu asfaltati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6132, jista' l-Ministru jispjega għaliex minn fost dak il-bini illegali li sar mill-ħaddiema tal-gvern 22 sena ilu meta ma kienx rikjest permess tal-PAPB, qatt ma ttieħdu passi kontra ċertu familja, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li minkejja li ma pproċeditx bl-applikazzjoni numru PA4220/95 xorta bniet terrazzin illegali bħalma għamlu dawk l-oħrajn 22 sena ilu?
Jikkonsidra l-Ministru li dawk li applikaw biex jagħmlu terrazzin fl-istess triq ma jibqgħux jinħarġilhom rifjut mill-Planning Authority sabiex ikun hemm konformita' mal-kumplament tal-bini ta' 22 sena ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 4220/95 kienet ġiet irtirata lill-applikant li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu u dan wara li kienet saret spezzjoni mill-Awtorita` li kkonfermat li ma kienx sar ix-xogħol. Riċentement, wara rapport li waslilha l-Awtorita`, l-istess fond kien spezzjonat għal darb`oħra u rriżulta li kien sar żvilupp illegali li kien jikkonsisti f`dak applikat għalih fl-applikazzjoni msemmija. L-Awtorita` ħadet passi kontra s-sid, liema passi qed ikunu segwiti mill-Awtorita` skond kif titlob il-liġi u jekk ikun il-każ li s-sid ma jottemporax ruħu skond kif ordnat, jistgħu jittieħdu passi ulterjuri.
Tajjeb illi tinġibed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant li jekk isir kif issuġerixxa fl-aħħar parti tal-Mistoqsija tiegħu, ikun ifisser illi xi ħaġa llegali u inaċċettabli toħloq preċedent għal kumplament.
Jista' l-Ministru jindaga għaliex Triq Paolo Schembri, ġewwa Ħal Tarxien minkejja li d-Dipartiment tat-Toroq għal dawn l-aħħar xhur qal lir-residenti ta' din it-triq li x-xogħol ta' asfaltar dalwaqt ikun lest, għadu sal-lum mhux mibdi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq din it-triq huwa mdaħħal fil-programm ta` prijoritajiet li ħejja d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għandu mqabbla għandu mill-Joint Office l-għalqa magħrufa "Ta' L-Isqof" limiti tal-Gudja, din il-persuna qed titħalla tikri din l-art lil terzi kontra l-liġi u minkejja li minn Awissu 1999 il-Joint Office mhux qed jaċċettaha aktar il-qbiela? Jista' jara għaliex l-acknowledgement tal-Joint Office għall-ittra li r-riferenza A 4287/97 datata 4 ta' Diċembru, 1998, ma ġiex segwit bl-ebda azzjoni sabiex dan l-individwu jiġi żgumbrat u ma jkomplix itellef il-produzzjoni tan-nar mill-kamra tan-nar li hemm f'din l-għalqa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f`Diċembru 1998 l-Uffiċċju Konġunt ġie nfurmat li l-għalqa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ma kienetx qed tintuża għal agrikoltura. Wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, l-Avukat Ġenerali intalab jieħu l-passi neċessarji biex jinbdew proċeduri għal eviction. L-Uffiċċju Konġunt ma aċċettax aktar qbiela fuq ir-raba in kwestjoni mill-15 ta` Mejju 1999. Għalhekk mhux korrett li jingħad li l-acknowledgement tal-4 ta` Diċembru 1998 ma ġiex segwit bl-ebda azzjoni.
Wara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 10805, jikkonsidra l-Ministru li tiġi ntrodotta skema fejn tagħti d-dritt lis-sidien ta'djar residenzjali antiki (li ġew mibnija qabel l-1960) u li huma mibnija fuq art tal-Gvern u b'enfitewsi temporanja sabiex dawn is-sidien ikunu jistgħu jifdu ċ-ċens temporanju bi prezz sussidjat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-maġġor parti tad-djar residenzjali li huma mibnija fuq art tal-Gvern, mogħtija b`enfitewsi temporanja qabel l-1960, jinsabu fuq artijiet li ġew mogħtija għal 150 sena jew 99 sena.
Iċ-ċens temporanju ta` dawn il-proprjetajiet jista` jiġi kkonvertit f`wieħed perpetwu f`għeluq l-enfitewsi temporanja, kif provdut fl-emenda tal-Housing Decontrol Act tal-1979.
Jista' l-Ministru jara għaliex qed isir overtime fil-Corradino Stores, kważi kuljum, fil-Korporazzjoni Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li f'Corradino Stores ma jsirx overtime regulari imma meta jinqalgħu l-emerġenzi. Hawn min forsi jaħseb li għax jara l-impjegati jaħdmu wara l-ħin nirmali, dawn il-ħaddiema jkunu qegħdin jagħmlu l-overtime.
Dawn il-ħaddiema jkunu qegħdin jaħdmu bix-xift, ta' jew bejn is-6.30a.m. u s-2.30p.m. jew inkella bejn is-1.00p.m. u d-9.00p.m. Dawn il-ħaddiema jkunu ġejjin mill-workshop tal-Power Station tal-Marsa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8770, jista' l-Ministru jgħid kemm sar overtime mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum fil-manutenzjoni u fil-linji tat-tankijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Jananr 1999 u t-30 ta' Ġunju 1999 tħallset is-somma ta' Lm82,069 f'sahra lill-ħaddiema ta' l-Enemalta impjegati fil-manutenzjoni u fil-linji tat-tankijiet.
Jikkonsidra l-Viċi Prim Ministru li tiġi ntrodotta skema fejn tagħti d-dritt lis-sidien ta' djar residenzjali antiki (li ġew mibnija qabel l-1960) u li huma mibnija fuq art tal-Gvern u b'enfitewsi temporanja, sabiex dawn is-sidien ikunu jistgħu jifdu ċ-ċens temporanju bi prezz sussidjat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din it-tip ta' propjeta' hija amministrata mid-Dipartiment ta' l-Art u għalhekk il-materja taqa' fid-diskrezzjoni tal-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni sabiex ir-Requisition Order No. 0048/94 maħruġ fis-16 ta' Marzu, 1994 jitneħħa minħabba li huwa lampanti u llum m'għadx hemm loku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-risposta għall-Mistoqsija Nru. 10806 tingħata f'Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara x'kienet ir-raġuni li dawk li jaħdmu fis-Civil Protection Department riċentement inqalgħatilhom il-prassi kostanti li meta jinzertaw xogħol lejliet festa pubblika ma kenitx tinqatgħalhom ġurnata leave biex issa treġi s-sitwazzjoni li kull min jaħdem lejliet festa jrid bilfors tinqatagħlu ġurnata leave?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċedura, li tinqata` ġurnata leave mill-ġranet miżjuda mal-leave entitlement minħabba l-festi, ilha titħaddem minn meta ġie ntrodott ix-xift fil-5 ta` April, 1999, u dan skond kif provdut fl-Estacode para. 4.6.1.2 u para. 4.2.6.3. Il-ġurnata tinqata` mhux għax l-impjegat ikun daħal lejliet festa, iżda għax ikun miss il-festa b`sebgħa sigħat peress li x-xift qiegħed mis-7.00a.m. sas-7.00a.m. ta` l-għada.
25.10.99