Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14538 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Batrol boats

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' searches li l-patrol boats tal-Forzi Armati għamlu f'dawn l-aħħar sentejn fuq laneċ tas-sajd jew bastimenti tas-sajd reġistrati Malta meta dawn kienu barra għas-sajd u ġew mġiegħla jerġgħu jidħlu l-port f'Malta akkumpanjati mill-Forzi Armati? Minn dawn is-searches, kemm irriżultaw fil-pożittiv? Liema kienu l-bastimenti li fuqhom saru s-searches?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta' tfittxijiet li l-Patrol Boats tal-Forzi Armati ta' Malta għamlu f'dawn l-aħħar sentejn fuq laneċ tas-sajd jew bastimenti tas-sajd reġistrati f'Malta meta dawn kienu barra għas-sajd u ġew imġiela jidħlu l-Port f'Malta akkumpanjati mill-Forzi Armati jammonta għal sitta, kif jidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13989 Sitting 253 2000-03-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Wara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 8783 dwar il-bini ta' l-ex-kindergarten ġewwa Brittania Street, Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jispjega x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-użu ta' dan il-bini? Meta se jittieħdu passi sabiex jiġi mbarrat kull aċċess għal dan il-bini abbandunat minħabba d-diversi abbużi ta' droga li jseħħu fih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-intenzjoni ta' użu tal-bini msemmi hi li jinbena Kindergarten Centre modern. Informat ukoll li kull aċċess għall-bini eżistenti huwa mbarrat.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili li jintervjeni sabiex block 6/5, Garden Drive, Santa Luċija, proprjeta' tal-gvern, jingħata passata żebgħa fil-futur qarib peress li hemm bżonn urġenti li dan isir, minbarra l-fatt li hemm persuna li waslet biex tiżżewweġ u allura jkun xieraq li l-block tal-flats ikun aktar akkoljenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jara li t-talba tal-persuna,li isimha qed jintbagħat separatament, għal dar alternattiva u liema talba ilha pendenti s-snin, tkun trattata b'aktar speditezza? F'liema stadju waslet it-talba tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat ma' l-applikazzjonijiet l-oħra pendenti li għandu quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Leg 9 PQ #13989 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Wara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 8783 dwar il-bini ta' l-ex-kindergarten ġewwa Brittania Street, Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jispjega x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-użu ta' dan il-bini? Meta se jittieħdu passi sabiex jiġi mbarrat kull aċċess għal dan il-bini abbandunat minħabba d-diversi abbużi ta' droga li jseħħu fih?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Qrati — Kodiċi Kriminali

Question

Jista' l-Ministru jifli l-proposta li l-kunċett tal-plea bargaining jiġi kristalizzat u ntrodott fil-Kodiċi Kriminali stante l-fatt li, filwaqt li jsir regolament fil-Qorti Kriminali u huwa konswetudini, qatt ma jseħħ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u allura tajjeb li l-liġi tirregola dan l-istitut?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan is-suggeriment qieghed jiġi studjat.
Leg 9 PQ #13728 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Appell Numru 6525

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-appell interpost minn Richard Carabott (Appell numru 6525) il-bord ta' l-appell tal-ħatriet fil-Maltacom u li ġie intavolat fl-24 ta' Diċembru 1998, għadu sal-lum ma ġiex appuntat u lanqas mismugħ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bhalissa l-Bord ta` l-Appelli dwar il-promozzjonijiet, wara li ttratta madwar 220 appell, qieghed jisma` l-madwar 125 appell pendenti dwar promozzjonijiet li kienu hargu bejn Lulju u Settembru 1998. L-appelli dwar il-promozzjonijiet fil-grad li ghalih kienet applikat il-persuna msemmija fil-mistoqsija, li jammontaw ghal disgha, mistennija jigu ttrattati wara li jkunu konkluzi l-kumplament ta` l-appelli msemmija aktar `l fuq.
Leg 9 PQ #13669 Sitting 237 2000-02-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ttieħdu wara li kien deher rapport f'ġurnal lokali, madwar sentejn ilu, fejn ġiet murija attendance sheet ta' mpjegat fl-isptar Monte Carmeli, vojta u diġa' ffirmata mis-supritendent nnifsu? Kienet saret investigazzjoni? Jekk iva, meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni qagħda qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #13670 Sitting 237 2000-02-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm impjegati li huma preżentament sospiżi minn mad-diviżjoni wara li tressqu quddiem il-qorti b'akkużi miġjuba kontrihom mill-pulizija? Jista' jgħid f'kull każ x'inhi l-akkuża, il-grad ta' l-impjegat u meta tressaq il-qorti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #13671 Sitting 237 2000-02-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Financial Intelligence Unit

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi ftit informazzjoni dwar il-financial intelligence unit li se titwaqqaf sabiex tinvestiga r-reati ta' ħasil ta' flus? Din il-unit se tkun fi ħdan il-korp tal-pulizija? Din il-unit se tkun indipendenti mill-fraud squad?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-twaqqif ta` Financial Intelligence Unit qed ikun studjat u għaddejjin taħdidiet bejn il-Bank Ċentrali, l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. Għad mhux deċiż fi ħdan liema sezzjoni dan il-unit eventwalment ser jkun.
Leg 9 PQ #13672 Sitting 237 2000-02-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tarxien — Tempji Neolitiċi - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-entita' tal-ħsarat li ġew ikkaġunati fit-tempji ta' Ħal Tarxien wara l-maltemp ta' Novembru, 1999? Wara li wieħed jara t-tempju, b'mod partikolari l-parti tal-lvant tat-tempju, huwa possibbli li wieħed jislet xi tagħrif arkeoloġiku ġdid dwar l-oriġini ta' dawn it-tempji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħsarat ikkaġunati fit-Tempji ta' Ħal Tarxien mill-maltemp ta' Novembru u Diċembru 1999 jikkonsistu f'kolass ta' settur ta' waħda mill-apsidi tat-tempju, li x'aktarx parti minnha kienet diġa' inbniet mill-ġdid wara li dan is-sit ġie skavat. Jidher li l-elementi arkitettoniċi involuti, għalkemm spostaw ruħhom, baqgħu intatti u jistgħu jitpoġġew lura f'posthom. Informat ukoll li, kif osserva tajjeb l-Onor. Membru, qabel ma jsir dan kollu, id-Dipartiment tal-Mużewijiet qiegħed jislet l-informazzjoni kollha li jista' miż-żona affetwata, kemm dwar l-oriġini tat-tempju kif ukoll dwar kif ġie rekostitwit matul is-seklu għoxrin.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li hija single parent ta' żewġt itfal, wieħed minnhom ġuvni ta' 20 sena u li huwa persuna b'diżabilita' (celebral palsy) tkun allokata post ground floor fil-Gudja stess li jinsab Blk 3, Door A, Fl 2, Housing Estate, Gudja, u li huwa battal? Jista' l Viċi Prim Ministru jikkonsidra dan il-każ b'urġenza minħabba li fi ftit żmien ieħor din l-omm se tispiċċa mingħajr saqaf peress li fejn qed toqgħod bħalissa huwa post li kien misluf lilha gratis et amorae?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-post indikat mill-Onor. Interpellant ma jidhirx li hu battal iżda d-Dipartiment se jinvestiga aktar dwaru.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili sabiex jintervjeni u jara x'sar mit-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex jingħata dar alternattiva peress li qed joqgħod ma' familja ta' għaxra minn nies fi flat wieħed fil-Marsa f'kundizzjonijiet kważi inumani? X'ċans hemm li jiġi allokat lilu l-post vakant u mitluq (ilu hekk tmien snin) konsistenti f'żewġt ikmamar biss fl-indirizz Blk H, Fl2, Xemxija Street, Marsa u li għalih din il-persuna ilha li applikat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-post indikat mhux f'kundizzjoni li jiġi allokat tant li qed jissewwa mid-Dipartiment ta' Bini u Tiswija ta' Djar
Leg 9 PQ #13055 Sitting 225 2000-01-24 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta'l-Agrikoltura — Vettura GVH-092

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-vettura GVH-092 tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ilha pparkjat fl-istess triq f'Raħal Ġdid għal xhur sħaħ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Tlabt lill-uffiċjali kkonċernati sabiex jinvestigaw dwar id-domanda li għamel l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #11952 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Assistant Head

Question

Jista' l-Prim Ministru jindaga għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament li kien għamel l-eżami għall-Assistant Head taħt l-awspiċi tal-PSC kif mit-tielet parti fl-eżami oriġinali li sar f'Ġunju 1998 (liema eżami ġie annullat) spiċċa fit-78 post meta l-eżami reġa' sar f'Awissu 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-uffiċjal li tagħmel referenza għalih il-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Membru, għamel petizzjoni lili bħala Prim Ministru u din il-petizzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-parir tagħha, fit-termini ta' paragrafu 1.1.7.1 ta' l-Estacode. Jien infurmat mill-Kummissjoni li hi għamlet l-istħarriġ li dehrilha xieraq f'dan il-każ u ma sabitx ġustifikazzjoni sabiex tagħmel xi tibdil fir-riżultat li dan il-kandidat ġab fit-tieni intervista li saret.
Leg 9 PQ #12148 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — "The Origin of Maltese Statehead"

Question

In vista ta' dak li għadu kemm ġie żvelat fil-ktieb tal-Prof. Frendo "The origin of Maltese Statehood" (p.406-493), jista' l-Ministru jordna inkjesta dwar l-oriġini u d-destinazzjoni ta' numru kbir ta' armi li kienu nstabu b'kumbinazzjoni mill-Pioneer Corpes f'Bormla fit-23 ta' Novembru, 1974? Jista' l-Ministru jikkonferma u jispjega għaliex skond ma ntqal fl-istess ktieb ex-Ministru Laburista u uffiċjali tal-NCP minn Bormla kienu aċċedew immedjatament fuq il-post u pprovaw jisdramatizzaw din is-sejba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-paġni tal-ktieb li saret referenza għalihom fil-Mistoqsija, ma nstabet ebda referenza għall-inċident kif imsemmi mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li barra minhekk, fl-isfond ta` dak li hemm imsemmi fil-Mistoqsija, saret riċerka fl-arkivji ta` diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, liema riċerka ukoll irriżultat fin-negattiv. Ta` min jgħid li l-Korp tal-Pijunieri kien jaqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Forzi Armati ta` Malta u mhux tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #12149 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati fl-Enemalta li bejn l-1996 u l-1998 ġew downgraded? X'raġunijiet kien hemm għal dawn id-downgradings?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn l-1996 u l-1998 kien hemm seba' impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta li ġew 'downgraded'. Dan sar wara li kienu ċċertifikati mhux f'saħħithom biex jaqdu d-doveri tal-grad tagħhom.
Leg 9 PQ #12150 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati - Kumpens fuq inġustizzji

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li jelenka l-kumpens li ħarġet l-Enemalta għal dawk il-każi ta' allegati inġustizzji li mpjegati ta' l-Enemalta kienu ressqu quddiem il-kummissjoni li tinvestiga l-inġustizzji u li qabel l-elezzjoni ta' l-1998 il-korporazzjoni kienet investigat hi stess permezz ta' bord ad hoc u ħabbret hi direttament lill-impjegati tagħha? Meta tħallas dan il-kumpens u kemm tħallsu flus f'kumpeens bħala total?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li b'kollox kien hemm tletin impjegat tal-Korporazzjoni Enemalta li aċċettaw li jieħdu kumpens mingħajr ma jkomplu bl-ilment tagħhom kontra l-Korporazzjoni. B'kollox l-Enemalta ħallset f'kumpens l-ammont ta' Lm23,100. Il-pagamenti saru bejn Ottubru u Diċembru 1998.
Leg 9 PQ #12151 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx x'imjegati u managers ta' l-Enemalta li tħallsitilhom jew qed titħallsilhom l-ispiża, jew parti mill-ispiża, biex jagħmlu l-kors ta' l-MBA jew xi kors ta' natura simili? Jekk iva, min huma dawk l-individwi, min approva li jitħallsu l-ispejjeż ta' dan il-kors, kemm hi l-ispiża individwali u f'liema data kienet l-approvazzjoni ta' kull individwu? Xi kriterji ntużaw biex jiġu approvati talbiet ta' din ix-xorta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li waqt laqgħa tal-Bord fl-20 ta' April 1994, kien ġie approvat il-ħlas għall-kors ta' 'Diploma in Business Management' għal ħames impjegati tal-Korporazzjoni u cioe Tarcisio Mifsud - Finance Manager Ronald Vella - Manager Distribution Charles Grixti - Manager Customer Services Albert Farrugia - Assistant Manager Electricity Hugh Zarb - Manager Information Services Il-kors kien ma' Henley Management College permezz ta' Distance Learning. Għalhekk ma kien hemm l-ebda telf ta' ħinijiet ta' xogħol. Il-ħlas kien jammonta għal 2860 Lira Sterlina għal kull student. Il-Korporazzjoni kienet rabtet lil dawn l-impjegati li jekk ma jtemmux il-kors b'suċċess, riedu jħallsu l-ispejjeż involuti. Waqt laqgħa tal-21 ta' Awissu 1996, il-Bord approva li l-istess ħaddiema ikomplu l-kors għall-grad ta' M.B.A. wara li kienu akkwistaw id-DIploma fil-Business Management. Għal raġunijiet personali, is-Sur Farrugia iddeċieda li ma jkomplix il-kors. Il-ħlas għal dan il-kors kien ta' 2100 Lira Sterlina għat-tieni parti u 1500 Lira Sterlina għat-tielet parti, għal kull parteċipant. is-Sinjuri Grixti, Mifsud u Vella temmew b'suċċess il-kors matul l-1999 waqt li s-Sur Zarb bħalissa jinsab fil-fażi finali. Ta' min jgħid li l-Bord kien avviċina lill-Managers u Assistant Managers biex jikkonfermaw jekk kellhomx interess jattendu għal dan il-kors. Għal dan il-għan kien twaqqaf Bord ta' l-Għażla li kkonferma l-ħames applikanti msemmija. Matul laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni li nżammet fis-27 ta' Mejju 1998, kien ġie approvat li dawk li jsegwu korsijiet fl-M.B.A. fuq bażi part-time ikunu jistgħu jibbenefikaw minn rifużjoni ta' l-ispejjeż involuti. Permezz ta' din id-deċiżjoni l-Engineer III Raymond Azzopardi seta' jingħata rifużjoni tal-flus li kien ħareġ personalment biex ikompli l-kors imsemmi. Huwa temm il-kors b'suċċess fl-1999. Wara sejħa li saret fit-13 ta' Ottubru 1997, il-Bord approva li jiffinanzja sitt inġiniera għall-kors ta' M.B.A. (Executive) organizzat mill-Universita` ta' Malta. Il-kors, mifrux fuq sentejn, beda f'Ottubru ta' dik is-sena u l-ħlas kien ta' Lm1200 kull sena. L-inġiniera li qed isegwu dan il-kors huma s-Sinjuri Carmel Xerri, George Portelli, Joe Scicluna, Alan Attard u Adrian Demarco. Inġinier ieħor, Ian Stafrace, qed isegwi kors fl-M.B.A. ma' Hanley Management College bis-sistema ta' Distance Learning. Id-differenza fl-ispiża bejn il-kors ta' Hanley Management College u dak ta' l-Universita ta' Malta qed titħallas mill-Inġinier Stafrace. F'Ottubru 1999, il-BOrd approva li jiffinanzja żewġ inġiniera, Noel Psail u Phyllis Borg, biex isegwu l-kors ta' l-M.B.A. organizzat mill-Universita ta' Malta li beda dak ix-xahar stess. Barra minn dan, Bordijiet differenti tal-Korporazzjoni approvaw fuq bażi ta' 'każ b'każ' korsijiet ta' sena f'universitajiet fl-Ingilterra li wasslu għal grad ta' Masters f'diversi suġġetti. Għal dawn il-korsijiet attendew diversi ħaddiema tal-Korporazzjoni.
Leg 9 PQ #12152 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-impjegati u l-managers ta' l-Enemalta li huma ntitolati għall-performance bonus? Kemm kien il-persentaġġ tal-bonus li rċevew dawn il-persuni, sena b'sena, minn meta bdiet din l-iskema? Kemm issarraf fi flus, sena b'sena, għal kull wieħed minn dawn il-persuni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.