Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jgħid jekk Malta hijiex eliġibbli għal parteċipazzjoni fil-programm SMAP (Short & Medium Term Environment Action Programme) ta' l-UE għal proġett dwar protezzjoni ta' l-Ambjent f'Malta? Jekk iva, jgħid kemm hemm talbiet/applikazzjonijiet mill-privat għal parteċipazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Malta hija eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-SMAP billi dan il-programm huwa miftuħ għas-27 pajjiż soċji tal-proċess ta' Barċellona (Euro-Med Partnership) li jinkludi lil Malta. Fil-proġett iridu jieħdu sehem minn ta' l-anqas żewġ pajjiżi li m'humiex parti mill-Unjoni Ewropeja, flimkien ma mill-inqas pajjiż wieħed mill-Unjoni. Dan il-programm huwa miftuħ għal organiżżazzjonijiet li l-għan tagħhom mhux dak li jagħmlu profitt. Peress li l-applikazzjonijiet jagħlqu fit-23 ta' Ottubru 2000 għadu kmieni biex wieħed jagħti informazzjoni dwar applikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal parteċipazzjoni fil-programm SMAP (Short and Medium Term Environment Action Programme) ta' l-UE għal proġetti ta' protezzjoni ta' l-ambjent?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għall-Ambjent għadu ma rċieva l-ebda applikazzjonijiet biex ikunu kkunsidrati għall-parteċipazzjoni fil-programm reġjonali SMAP. Il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat din is-sejħa għall-applikazzjonijiet (SCRE/111206/C/G) fis-7 ta' Lulju 2000.
Id-data ta' l-għeluq għas-sottomissjonijiet hija nhar it-Tnejn 23 ta' Ottubru 2000.
Il-Ministeru għall-Ambjent kiteb lil diversi entitajiet kemm governattivi kif ukoll mhux governattivi fuq din is-sejħa biex iħeġġiġhom jagħmlu l-proposti tagħhom. Bħalissa jidher li hemm interess qawwi fil-programm min-naħa tal-Kunsilli Lokali u wkoll min-naħa ta' entitajiet mhux governattivi u ambjentali.
Jista' l-Ministru jara ilgħala l-pelican lights li reċentement saru quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin f'Paola (quddiem il-Moskea ta' l-Għarab) u li saru mertu u grazzi għall-intervent tal-Ministru għat-Trasport wara interpellanza tas-sottoskritt, jara li jiġu mixgħula sabiex jibdew jintużaw mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq inkariga lid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi tad-Diviżżjoni tax-Xogħolijiet li fil-preżent waslu biex ilestu x-xogħol u d-dwal jinxtgħelu.
Jista' l-Ministru jid fiex wasal il-proċess sabiex jiġi emendat il-kodiċi kriminali, b'mod speċjali f'dak li andu x'jaqsam mad-drittijiet u poteri tal-pulizija matul l-ewwel 48 siegħa ta' arrest ta' individwu?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Abbozz qiegħed fi stat avvanzat ta` preparazzjoni u qiegħed jiġi diskuss mal-Ministeru tal-Intern.
Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk hemmx xi programmi ta' għajnuna finanzjarja/teknika mill-Unjoni Ewropea (b'mod speċjali mill-Parlament Ewropew) għall-użu tal-Parlament Malti sabiex dan ta' l-aħħar jattrezza ruħu aħjar għall-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar f'Raħal Ġdid mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-1999? X'tip kienu u fejn tħawwlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi t-taħwil li sar f'Raħal Ġdid fl-1999 huwa spjegat kif isegwi:
Speċi Kwantita
Casuarina 15Ceratonia 6Cupressus 80Ficus 60Lantana 14Phoenix 70Pinus 46Pittosporum 60Rosamarinus 6Schinus 6Washingtonia 10
Total 373
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar fil-Gudja mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-1999? X'tip kienu u fejn tħawwlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-taħwil ta' siġar u xogħol ieħor ta' din in-natura f'din il-lokalita ma jaqax taħt ir-responsabbilta tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għaliex il-Kunsill Lokali għandu arranġamenti oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar fil-Marsa mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-1999? X'tip kienu u fejn tħawwlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi t-taħwil li sar fil-Mosta fl-1999 huwa kif isegwi :
Speċi Kwantita
Casuarina 6Cercis 6Cupressus 6Ficus 6Oleander 225Sterculia 22
Total 271
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar f'Santa Luċija, mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-1999? X'tip kienu u fejn tħawwlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi t-taħwil li sar f'Santa Luċija fl-1999 huwa kif isegwi :
Speċi Kwantita
Dadonea 20Daisy 4Fig 12Lantana 130 Olives 6 Phonenix 4Stocks 500
Total 676
Jista' l-Minsitru jgħid kemm tħawwlu siġar f'Ħal Tarxien mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-1999?
X'tip kienu u fejn tħawwlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-taħwil ta' siġar u xogħol ieħor ta' din in-natura f'din il-lokalita ma jaqax taħt ir-responsabbilta tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għaliex il-Kunsill Lokali għandu arranġamenti oħrajn.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jikkonsidra li terġa' tiġi proporta l-liġi li kellha "ssaħħaħ il-qagħda ta' l-Ilsien Malti u l-Identita' Nazzjonali Maltija li kienet tressqet għall-ewwel darba fis-17 ta' Ottubru 1989 u d-dibattitu fuqha kien twaqqaf fuq talba ta' l-oppożizzjoni ta' dak iż-żmien u mingħajr qatt ma tkompla?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjoni se tkun għall-attenzjoni tal-Bord rikostitwit dwar l-Ilsien Malti li hu presedut mill-Professur Albert Borg.
Jista' l-Ministru jara li l-ħaxix ħażin u folt ħafna li hemm biswit il-flats tal-binja Kordin quddiem il-Knisja ta' Għajn Dwieli, liema ħaxix jinsab bejn il-flats u l-moskea ta' l-Għarab jitneħħa għaliex apparti r-riskju li jaqbad fis-sħana tas-sajf qed iservi sabiex isur abbużi warajh?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru ġentilment jara li bl-iktar mod spedit issir zebra crossing jew pelican lights fi Triq it-Tiġrija, Marsa (quddiem is-Salamander) minħabba li l-familji li joqogħdu f'din it-triq traffikuża immens, biex jaqsmuha ikollhom jipperikolaw sew ħajjithom u sew il-vetturi li jkunu ġejjin ħafna drabi b'veloċita' aċċentwata stante li din hija triq arterjali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta` l-onorevoli nterpellant lill-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku biex jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jara li mill-aktar fis jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-biċċa art kantuniera ma' Triq Karlu Moratta u Triq Anglu Mangion ġewwa Tarxien, liema art hija mimlija munzelli ta' żibel u terrapien u bejta ideali u reali ta' għexieren ta' ġrieden, tiġi mnaddfa u occorendo jittella' ħajt jew ċint biex ma jibqax jintrema' żibel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-biċċa art kantuniera ma' Triq Karlu Moratta u Triq Anġlu Mangion ġewwa Tarxien, hija propjeta' privata u għalhekk il-Gvern ma jistax jagħmel direttament hu l-intervent propost mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li r-rotta tal-karozza tal-linja numru 11, bejn Birżebbuġia u Valletta, minflok tibqa' tgħaddi minn Palm Str, Paola hija u sejra l-Belt, tibda tgħaddi mill-pjazza ta' Raħal Ġdid sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għan-nies li jkollhom jimxu mill-istage ta' Palm Street minflok ikollhom jimxu biss mill-pjazza, peress li hemm karozzi oħra li jgħaddu minn Palm Street fid-direzzjoni tal-Belt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li jekk it-talba tiġi milqugħa, dan ifisser li r-residenti li joqgħodu Palm Street u l-madwar jispiċċaw mingħajr servizz ta` trasport pubbliku. Ta` min ifakkar li mill-istage eżistenti fil-bidu ta` Palm Street sal-pjazza ta` Raħal Ġdid hemm biss ftit minuti bogħod.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa skedat li jitneħħa l-levy fuq il-ġwież taż-żwiemel (horse food) impurtat minn barra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskeda publikata li tindika t-tnehhija ta` numru ta` levies, kif tidher fl-Avviz Legali numru 123 ta` l-1999, ma tinkludix il-levy fuq gwiez taz-zwiemel (horse feed). F`dan l-istadju, ma tistax tinghata data definittiva dwar it-tnehhija ta` din il-levy.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jispjega fiex waslet il-proposta jew idea, dejjem jekk hi kummerċjalment vijabbli, li jitqiegħed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija sabiex il-power stations tagħhom jużaw il-gass flok iż-żejt?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-proposta li jitqieghed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija qed tigi studjata.