Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35703 Sitting 795 2002-10-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Paola — Twaħħil ta' bozza

Question

Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq Lampuka, Paola bejn il-ħanut 'Di Milano' (kantuniera ma' Triq Joseph Stivala) u l-kantuniera bejn Lampuka Street, Paola u Triq tal-Borġ, Paola?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Leg 9 PQ #35704 Sitting 795 2002-10-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Ħsara f'residenza privata

Question

X'inhi l-proċedura sabiex l-Enemalta tagħmel tajjeb għall-ħsarat kaġunati f'proprjeta' privata minħabba l-ġbid tal-wires ta' bozza tad-dawl elettriku mdendla f'nofs it-triq, dejjem biex jiġu evitati kawżi fil-qorti u stante li l-ħsara ġiet ikkonfermata minn perit li saret ħtija tal-ġbid tal-wires imsemmija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-proċedura f'każi bħal dawn hi li wara li jiġi ppruvat li ħsara hija kaġun ta' l-apparat tal-Korporazzjoni, tittieħed azzjoni biex il-ħsara ma tkomplix u tissewwa.
Leg 9 PQ #35705 Sitting 795 2002-10-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw din is-sena sabiex jibdew il-kors tal-Liġi u l-kors tal-Mediċina fl-universita' ta' Malta f'Ottubru 2002? Kemm minn dawn huma nisa u kemm irġiel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' applikazzjonijiet li saru għall-kors tal-Mediċina u tal-Liġi huwa dan: Kors Irġiel Nisa Total M.D. 51 76 127 B.A. Legal & Humanistic Studies 50 87 137

Gudja — Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' asfaltar ta' toroq f'Ta' Xlejli fil-Gudja, fuq liema suġġett jien ili nagħmel domandi f'dan il-parlament peress li l-istat ta' dawn it-toroq huwa atroċi u perikoluż ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li wara diversi laqgħat li saru mill-uffiċjali tal-Ministeru, mal-Kunsill Lokali Gudja dwar ftehim ta' xogħol fil-Gudja, il-kuntratt ta' ftehim bejn iż-żewġ naħat mistenni jiġi ffirmat iktar tard dan ix-xahar. Tajjeb wieħed ifakkar li t-toroq imsemmija, minkejja li issa ser isiru mill-Gvern Ċentrali skond il-ftehim li ser jiġi ffirmat mal-Kunsill Lokali, kienu toroq li meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kienu diġa' asfaltati.
Leg 9 PQ #35767 Sitting 795 2002-10-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kodiċi Kriminali — Emendi

Question

Huwa possibli li l-Ministru jgħid meta ser jidħlu fis-seħħ il-provvedimenti ta' l-emendi riċenti tal-kodiċi kriminali dwra il-patteġġjament (plea bargaining)?

Response (BORG, TONIO)

Qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Ġustizzja dwar dan.

Paola — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jinforma l-Kamra, in vista tad-diversi mistoqsijiet tiegħi qabel illum dwar l-istess suġġett, fiex wasal il-proċess ta' tendering sabiex jiġu asfaltati t-toroq madwar il-Carters supermaket f'Raħal Ġdid, proċess li inbeda xi żmien ilu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi d-Direttorat tat-Toroq lesta x-xogħol preparatorju għall-asfaltar tat-toroq imsemmija u aktar 'il quddiem mistennija toħroġ is-sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol ikun jista' jsir.
Leg 9 PQ #34572 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fakultajiet ta’ l-universita’ kienu l-benefiċċjarji tal-programm Socrates (azzjoni Erasmus) bejn is-sena akkademika 2000 – 2001 u 2001 – 2002? Kemm kien hemm minn kull fakulta’ kull sena? F’liema universitajiet Ewropej marru l-istudenti Maltin? Kemm kien hemm studenti Ewropej fl-universita’ ta’ Malta taħt il-programm Socrates (azzjoni Erasmus) fis-snin akkademiċi 2000 – 2001 u 2001 – 2002? F’liema fakultajiet kienu dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #34573 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-iskejjel li qed jieħdu sehem fil-programm Convenius, minn liema pajjiż huma l-partner schools ta’ dawn l-iskejjel, x’tip ta’ temi qed jaħdmu fuqhom dawn l-iskejjel f’dawn il-proġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #35148 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni personalment sabiex issir magħrufa r-raġuni vera 'l għala fuq naħa waħda ta' Triq Bormla, f'Paola (n-naħa tad-dar ta' taħt Moran) it-togħma ta' l-ilma tal-vit hija pessima mmens, u ilha hekk għal xhur sħaħ, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra ta' l-istess triq l-istess ilma jintiegħem ferm aħjar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma investigat ir-rapport ta' l-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt sar analiżi fil-laboratorji tal-Korporazzjoni fuq tlitt kampjuni meħuda miż-żewġ naħat tat-triq imsemmija. Irriżulta li l-ilma kollu fir-residenzi tat-triq huwa batterjoloġikament tajjeb għax-xorb.
Leg 9 PQ #35013 Sitting 779 2002-07-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-UE qiegħda tgħin fil-finanzjament tas-sehem ta' Malta fil-programmi Leonardo da Vinci, Socrates u Youth? Kemm jammonta dan il-finanzjament kull sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għall-Ftehim bejn il-Komunita` Ewropeja u Malta dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-programmi tal-Komunita` fl-oqsma ta’ taħriġ, edukazzjoni u żgħażagħ, li huma l-programmi Leonardo da Vinci, Socrates u Youth rispettivament, li ġie iffirmat nhar id-29 ta’ Settembru 2000. Dan il-ftehim jikkonferma l-għajnuna finanzjarja li l-UE qed tagħti lill-Malta biex tiffinanzja s-sehem tagħha f’dawn il-programmi. Dawn il-fondi ta’ għajnuna mill-UE qed jinħarġu mill-pre-accession funds li l-UE qed tagħti lil Malta. Jekk wieħed jara l-proporzjon bejn il-fondi Maltin u l-fondi tal-UE vis-à-vis il-fondi globali ta’ kull programm isib li, bejn wieħed u ieħor, il-Gvern Malti joħroġ terz u l-UE toħroġ żewġ terzi tal-fondi globali rikjesti biex Malta tieħu sehem f’dawn il-programmi. L-Onor Interpellant japprezza li din hi s-sitwazzjoni kif inhi waqt li Malta għadha candidate country għax meta Malta tidħol bħala membru sħiħ tal-UE l-fondi kollha joħorġu mill-UE.
Leg 9 PQ #35014 Sitting 779 2002-07-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

EU — Leonardo da Vinci

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel intgħażlu l-ħaddiema li marru fuq proġetti ta' mobility taħt il-program Leonardo da Vinci ta' l-UE bejn Ottubru 2001 u Frar 2002? Kif intagħżlu dawn il-ħaddiema? Hemm xi ħsieb li anke l-istudenti ta' l-Institute of Tourism Studies jieħdu sehem fil-program Leonardo da Vinci?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel li ntgħazlu sabiex ħaddiema tagħhom imorru fuq proġetti ta' mobility taħt il-programm Leonardo da Vinci ta' l-UE bejn Ottubru 2001 u Frar 2002 huma dawn li ġejjin: 1) 282 Coffee Garden 2) Barracuda Restaurant, St Julians 3) Baystreet Hotel, St Julians 4) Calypso Hotel, Gozo 5) Coastline Hotel, Salina 6) Corinthia Jerma Palace, M'Scala 7) Corinthia Marina, St Julians 8) Corinthia Palace, Attard 9) Corinthia San Gorg, St Julians 10) Crowne Plaza, Sliema 11) De Juliani, St Julians 12) Forum Hotel, St Andrews 13) Grand Hotel, Gozo 14) Hilton Malta, St Julians 15) Howard Johnson Diplomat, Sliema 16) Le Meridien Phoenicia, Floriana 17) New Dolmen Hotel, Qawra 18) Park Hotel, Sliema 19) Preluna Hotel, Sliema 20) Radisson SAS Bay Point Resort, St Julians 21) Rafael Spinola Hotel, St Julians 22) Relax Inn, Bugibba 23) Riviera Resort & Spa, Marfa 24) Rosendaal Hotels, Sliema 25) Seabank Hotel, Ghadira 26) Sol Suncrest, Qawra 27) The Waterfront Hotel, Gzira 28) The Westin Dragonara Resort, St Julians 29) Victoria Hotel, Sliema Il-ħaddiema parteċipanti fil-proġetti ġew nominati minn min iħaddimhom stess wara li kienet intbgħatet l-informazzjoni kollha u wara li kienet saret sejħa pubblika fil-gazzetti. Infurmat ukoll li rigward l-istudenti ta' l-Institute of Tourism Studies, diġa saru diversi kuntatti u fil-fatt dawn kienu wkoll rappreżentati f'contact seminar li sar f'Ġunju ġewwa n-Norveġja bl-iskop li jinstabu partners għal proġetti ta' Mobilita` għal studenti li sa issa ma jibbenefikawx min fondi oħra. L-Institute of Tourism Studies ukoll kien rappreżentat f’contact seminar ieħor li sar għall-istituzzjonijiet Maltin li jipprovdu taħriġ vokazzjonali f’Toulon, Franza, ma istituzzjonijiet simili Franċiżi. Il-kuntatti li nbdew f’dawn is-seminars għandhom jagħtu l-frott aktar ‘l quddiem. Dawn is-seminars kienu organizzati mill-programm tal-UE, Leonardo da Vinci.
Leg 9 PQ #35015 Sitting 779 2002-07-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li ħadu sehem u ibbenefikaw fil-programm Youth ta' l-UE? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali u x'kienu l-proġetti li ħadu sehem fihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Kunsilli Lokali li ħadu sehem u ibbenefikaw fil-programm Żgħżagħ ta’ l-Unjoni Ewropea. Il- proġetti kienu kollha proġetti taħt l-ewwel azzjoni – Skambji taż-Żgħażagħ.
Leg 9 PQ #35016 Sitting 779 2002-07-22 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Socrates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jipparteċipaw studenti Universitarji fil-program Socrates (azzjoni Erasmus) fis-sena akkademika li ġejja? Kif jintagħżlu l-Universitajiet Ewropej li fihom imorru l-istudenti Maltin taħt il-program Socrates (azzjoni Erasmus)

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li hemm 317 il-post għad dispożizzjoni ta’ studenti Maltin interessati li jagħmlu perjodu ta’ studju f’Universita’ Ewropea li għandha Socrates Erasmus mobility bilateral agreement ma’ l-Universita’ ta’ Malta fis-sena akkademika 2002/3. Qabel l-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni, fl-1999 ġew iffirmati numru ta’ Bilateral Agreements ma’ numru ta’ Universitajiet fl-Ewropa. Mingħajr dawn il-Bilateral Agreements wieħed ma jkollux il-qafas neċessarju biex l-Erasmus ikun jista’ jopera. Kull sena tittieħed deċiżjoni jekk l-Agreements eżistenti jiġux renewed, filwaqt li jiġu ffirmati wkoll agreements ġodda. Hemm modi diversi kif isir il-kuntatt biex jiġi ffirmat Bilateral Agreement – l-Universita’ ta’ Malta hija membru f’diversi għaqdiet u Networks reġjonali, tekniċi u internazzjonali, u l-akkademiċi li jgħallmu fi ħdanha għandhom u jkomplu jistabbilixxu kuntatti ma’ Universitajiet barranin. Ikun hemm ħafna każijiet fejn Universitajiet barranin jagħmlu kuntatt ma’ l-Universita’ b’wirja ta’ interess li jridu jiffirmaw Bilateral Agreement. Fil-Bilateral Agreement jiġi speċifikat l-area of study, il-kwantita’ ta’ studenti u lecturers u t-tul ta’ żmien ta’ kull mobilita’. Biex jiġi ffirmat agreement irid dejjem ikun hemm qbil bejn il-partijiet akkademiċi u l-kordinatur ta’ l-Erasmus fiz-zewg partijiet interessati. Kull student li jitfa’ applikazzjoni għal Erasmus irid iniżżel l-ewwel tlett preferenzi tiegħu skond il-lista’ ta’ postijiet li tiġi ppublikata għal kull Application Round. Din l-informazzjoni kollha hija dejjem aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-website tal-Uffiċċju Socrates (http://home.um.edu.mt/socrates/erasmus.html), kif ukoll fir-rapporti u materjal informattiv ippublikat lokalment fuq dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #34572 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fakultajiet ta’ l-universita’ kienu l-benefiċċjarji tal-programm Socrates (azzjoni Erasmus) bejn is-sena akkademika 2000 – 2001 u 2001 – 2002? Kemm kien hemm minn kull fakulta’ kull sena? F’liema universitajiet Ewropej marru l-istudenti Maltin? Kemm kien hemm studenti Ewropej fl-universita’ ta’ Malta taħt il-programm Socrates (azzjoni Erasmus) fis-snin akkademiċi 2000 – 2001 u 2001 – 2002? F’liema fakultajiet kienu dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #34573 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-iskejjel li qed jieħdu sehem fil-programm Convenius, minn liema pajjiż huma l-partner schools ta’ dawn l-iskejjel, x’tip ta’ temi qed jaħdmu fuqhom dawn l-iskejjel f’dawn il-proġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #33974 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga b'mod urġenti l-main ta' l-ilma fi Triq Zabbar, Paola (quddiem il-Fleming Pharmacy) li ilu ħiereġ ilma minnu għal dawn l-aħħar jumejn, u jara li jsirulu t-tiswijiet meħtieġa mill-aktar fis?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-ħsara imsemmija issewwiet.

Raħal Ġdid — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għoti tat-tenders ta' l-asfaltar tat-toroq madwar il-Carters supermarket f'Raħal Ġdid (bħal Triq ix-Xwiek u oħrajn) fuq liema suġġett jien kont għamilt diversi interpellanzi parlamentari fix-xhur li għaddew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat għat-Toroq lesta x-xogħol preparatorju għall-asfaltar tat-toroq imsemmija u dalwaqt tiġi ppublikata is-sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista jsir.

Triq Leonardo Abela — Ħal Tarxien

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Triq Leonardo Abela f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-aktar fis peress li qatt ma ġiet asfaltata u qed toħloq mhux bis inkonvenjent għar-residenti iżda periklu serju għal saħħithom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed isir xogħol preparatorju minn naħa tad-Direttorat għat-Toroq biex din it-triq tkun tista' tiddaħal fil-programm tax-xogħlijiet.

Riabilitazzjoni tal-Kottonera — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol li sar mill-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera fis-sena 2000 u 2001 u kemm intefqu flus f'dawn is-sentejn partikolari?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera fis-sena 2000 u 2001 u kemm intefqu flus f'dawn is-sentejn huwa kif ġej: Sena 2000 Pavimentar quddiem id-Dar ta' l-Anzjani, Bormla; xogħlijiet fi Pjazza Santa Margherita, Bormla; xogħlijiet fi Triq il-Pellegrinaġġ, Triq Daħlet it-Tliet Ibliet u Pjazza Paolino Vassallo, Bormla; restawr ta' gallerija ta' l-Azzjoni Kattolika, Bormla; xogħol ta' restawr f'St. Helen's Gate, Bormla; bini ta' ċint f'Għajn Dwieli; restawr u titjib tal-pont u xogħlijiet oħra fi Triq Boffa, Birgu; tindif fil-Foss, Birgu; restawr u titjib fix-shelters tal-Gwerra fi Ġnien il-Kunsill, Birgu; xogħol ta' titjib f'Couvre Porte, Birgu; pavimentar tal-qawwi fi Triq il-Kunsill Popolari Birgu; xogħlijiet ta' restawr f'St. John's Tower, Birgu; xogħol fi Triq San Mikiel, Isla; railing fil-bajja tar-Rinella, Kalkara; bini ta' ċint fi Triq Santu Rokku, Kalkara; għajnuna għall-Attivitajiet Kulturali fil-Kottonera; manutenzjoni ta' l-uffiċini ġodda tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Nefqa - Lm165,668. Sena 2001 Xogħol ta' restawr f'St. Helen's Gate, Bormla; xogħol strutturali u ta' restawr fil-Knisja ta' San Pawl, Bormla; xogħlijiet u pavimentar fi Pjazza Santa Margherita, Bormla; xogħol fi Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla; xogħol strutturali fil-Verdala, Bormla; xogħol fil-Kappella tal-Kurċifiss fil-Knisja Parrokkjali ta' Bormla; restawr ta' niċċa fil-kantuniera tal-Knisja ta' Bormla; (railing) xogħol strutturali u ta' tisbiħ f'Couvre Porte, Birgu; restawr tal-faċċata ta' Vittoriosa F.C., Birgu; bini ta' ċint, pavimentar u xogħol ta' tisbiħ fi Pjazza San Filippu, Birgu; xogħol fid-daħla tal-Birgu; restawr fil-bini ta' l-Armerija, Birgu; xogħol ta' tisbiħ f'Belvedere, Birgu; pavimentar u xogħol ta' tisbiħ fi Triq Boffa, Birgu; xogħlijiet fi Pjazza Juan Azzopardi, l-Isla; restawr ta' l-istatwa ta' San Mikiel, Isla; xogħol fil-Knisja tas-Salvatur, Kalkara; tkomplija ta' l-iron railing u tindif fil-Bajja tar-Rinella, Kalkara; għajnuna għall-Attivitajiet Kulturali fil-Kottonera; manutenzjoni ta' l-uffiċini tal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Nefqa - Lm144,729.

Xogħlijiet ta' Tisbiħ — Nefqa

Question

Jista l-Ministru jispjega liema huma dawk ix-xogħlijiet ta' tisbiħ li saru dan l-aħħar jew li huma ppjanati fix-Xgħajra, San Ġiljan, B'Buġia, M'Scala u fil-Bajja ta' San Tumas? X'inhi l-istima ta' l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Xgħajra - Saru pjanti li jipproponu xogħol ta' tisbiħ fin-naħa tax-Xatt tax-Xgħajra. Bħalissa għaddejjin taħditiet bejn il-Kunsill Lokali, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Gvern biex jiġu ffinalizzati dawn il-pjanijiet. San Ġiljan - Is-sena l-oħra kienet tlestiet l-ewwel fażi ta' tisbiħ tal-promenade fi Triq G Borg Olivier. Minn Ottubru 2001 tkompla x-xogħol fuq: Tkomplija ta' xogħol ta' tisbiħ fuq il-promenade. Xogħol fuq il-bini tal-Klabb tal-waterpolo ta' San Ġiljan b'mod li l-promenade tkun tista' titwessa' fl-inħawi. Bħalissa għaddej xogħol fil-baħar biex isir it-twessiegħ tal-parti dejqa ta' Triq G Borg Olivier. Għadu kif inbeda xogħol b'kuntratt fuq il-bankini, n-naħa tar-residenti ta' Triq G Borg Olivier, li ser ikompli bix-xogħol ta' wiċċ ġdid bit-tarmac fl-istess triq. Meta jitlesta x-xogħol imsemmi, hu stmat li tkun intefqet is-somma ta' madwar Lm750,000. B'Bugia - Qed isiru pjanti biex jiġi msebbaħ ix-xatt fl-inħawi tal-Qajjenza. M'Scala - Bajja ta' San Tumas - Ser titkompla l-promenade fi Triq iż-Żonqor. Ġiet ippubblikata tender għat-tkomplija tar-restawr tat-torri ta' San Tumas. Beda x-xogħol ta' tisbiħ fil-bajja ta' San Tumas fuq bankini ġodda, pavimentar ġdid u re-surfacing ta' żewġ car parks. Stima ta' dan ix-xogħol - Lm140,000.